Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > L-1 ta’ Mejju: ix-xogħol u l-festa liturġika tax-xogħol

L-1 ta’ Mejju: ix-xogħol u l-festa liturġika tax-xogħol


Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Illum, il-Ġimgħa 1 ta’ Mejju, tista’ tgħid kull nazzjon taħt is-sema jiċċelebra Jum il-Ħaddiem. Aktar minn ħamsin sena ilu l-Knisja rat din il-festa bħala opportunità biex tirrifletti fuq il-figura ta’ San Ġużepp. Il-ħaddiem li issapportja kemm felaħ lill-familja tiegħu. Għal dan il-għan l-Knisja għażlietu bħala Padrun tal-Ħaddiema kollha.

Interessanti wieħed jinnota l-qabża li seħħet bejn il-festa tal-ħaddiema ta’ nhar l-1 ta’ Mejju għall-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem. Fil-fatt, il-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem għandha storja pjuttost żgħażugħa. Hija ġiet imwaqqfa nhar l-1 ta’ Mejju 1955. Kien Papa Piju XII li xtaq jerġa’ jqajjem mill-ġdid il-valur veru ta’ din il-festa billi jiskopri fiha l-valur Nisrani tax-xogħol. Tajjeb ngħidu li r-rejaltà tax-xogħol ma tappartjeni lill-ebda ideoloġija jew partit partikulari. Imma lill-bniedem innifsu. Kien għalhekk li x-xogħol kien mifdi b’mod mill-aktar speċjali minn Ġesù. Tant hu hekk li San Ġwann Pawlu II, fl-enċiklika tiegħu dwar ix-xogħol uman, Laborem exercens, uża l-espressjoni kbira “il-Vanġelu tax-xogħol”.

Iżda xi tfisser tabilħaqq il-frażi li uża Ġwanni Pawlu II f’Laborem exercens, “il-Vanġelu tax-xogħol”? Il-kelma “Vanġelu” tfisser l-Aħbar it-Tajba. Aħna nafu li l-Aħbar it-Tajba hi Ġesù, is-Salvatur tal-umanità. Minkejja l-fatt li b’mod ġenerali aħna naraw lil Ġesù bħala xi ħadd li jgħallem u jwettaq il-mirakli, huwa kien tant marbut max-xogħol li fi żmienu kien meqjus bħala “bin il-mastrudaxxa” (Mt 13:55). Qalb għadd ta’ xogħlijiet oħra, l-Għerf ta’ Alla għażel għal Ġesù xogħol manwali. Il-Missier fada l-edukazzjoni u l-formazzjoni ta’ Ibnu mhux fl-iskola tal-għorrief iżda f’idejn bniedem tas-sengħa, San Ġużepp.

Ma ninsewx li San Ġużepp kien dixxendenti tas-Sultan David. Issa din l-oriġini għandha l-importanza tagħha. Kien minnha li Ġesù kellu t-titlu ta’ Messija. Madankollu, mill-aspett soċjali, Ġesù xtaq li jiġi irreġistrat bħala “ħaddiem”, imwieled minn Marija, mart Ġużeppi, li kien “ħaddiem”. Flimkien mat-titlu Davidiku, li kien essenzjali għall-għarfien ta’ Ġesù bħala l-Messija, Ġesù irċieva minn Ġużeppi d-dimensjoni umana ta’ ħaddiem.

Bil-festa liturġika ta’ San Ġużepp Ħaddiem Papa Piju XII saħaq dwar l-importanza tad-dimensjoni soċjali ta’ Ġesù li, mal-ewwel daqqa t’għajn lejn il-vanġeli, tidher tant moħbija wara l-attivitajiet tiegħu bħala għalliem u tawmaturgu. Biss, tajjeb ngħidu li x-xogħol kien parti integrali tal-“eżiżtenza” ta’ Ġesù. Ix-xogħol huwa wkoll parti mir-rivelazzjoni Kristjana. Il-vanġeli jħambqu speċjalment fuq il-fatt li hu, għalkemm kien Alla, “sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem” (Fil 2:7) f’kollox. Ġesù iddedika l-akbar parti minn ħajtu fuq din l-art għax-xogħol manwali. Imwaħħal mal-bank ta’ mastrudaxxa. Din iċ-ċirkustanza hija ta’ importanza kbira għat-teoloġija tal-Inkarnazzjoni li tgħallem li Ġesù waħħad lilu nnifsu mar-rejaltajiet ta’ din id-dinja mhux biss biex juri l-umanità tiegħu imma wkoll biex “iqaddishom” permezz tiegħu innifsu.

Minn dan kollu nistgħu nikkonkludu li x-xogħol ġie mifdi permezz ta’ Ġesù. Kien għalhekk mela li San Ġwann Pawlu II uża t-terminu magħruf u qawwi tal-“Vanġelu tax-xogħol”. Ix-xogħol uman, u b’mod speċjali x-xogħol manwali, isib emfażi qawwija fil-Vanġelu. Flimkien mal-umanità tal-Iben ta’ Alla x-xogħol kien inkorporat ukoll fil-misteru tal-Inkarnazzjoni, jiġifieri ta’ meta Alla sar bniedem bħalna u għalina. Mela, bix-xogħol u l-eżiżtenza ta’ fidwa tiegħu, Ġesù feda wkoll ix-xogħol li kien ħaġa waħda miegħu. F’Ġesù l-Ħallieq tal-univers tassew “ħadem b’idejn il-bniedem”. U hekk qaddes ix-xogħol uman tiegħu.

Minn hawn nistgħu aktar nintebħu bir-rwol importanti u speċjali ta’ San Ġużepp. Fil-pjan tal-Provvidenza Divina San Ġużepp kien l-istrument neċessarju tal-fidwa tax-xogħol. Dak ix-xogħol li seħħ preċiżament fil-ħanut tax-xogħol umli permezz tal-missjoni li huwa wettaq mhux biss ma’ Ġesù imma wkoll ‘il fuq minn Ġesù, li “kien jobdihom” (Lq 2:51). Din is-‘sottomissjoni’ jew l-ubbidjenza ta’ Ġesù f’Nazaret hija wkoll mifhuma bħala tisħib fix-xogħol ta’ San Ġużepp. Dak li kien imsejjaħ bħala “bin il-mastrudaxxa” (Mt 13:55) tgħallem jaħdem mill-missier putattiv tiegħu. Jekk fl-ordni tas-salvazzjoni u l-qdusija l-familja ta’ Nazaret hija l-eżempju u l-mudell tal-familji umani hekk ukoll hu x-xogħol ta’ Ġesù ħdejn dak ta’ Ġużeppi l-mastrudaxxa.’

Dan kollu jfisser li flimkien mal-Feddej tax-xogħol, li ma jista’ ikun ħadd għajr Ġesù nnifsu, il-preżenza paterna ta’ San Ġużepp m’għandha qatt tiġi imwarrba. Dan l-għaliex, wara Marija, l-ebda bniedem ma kien daqshekk viċin l-idejn, il-moħħ, ir-rieda u l-qalb ta’ Ġesù daqs San Ġużepp. Kien dan li l-Papa Piju XII ħambaq dwaru meta ippropona l-eżempju ta’ San Ġużepp lill-ħaddiema. Filwaqt li nżommu f’moħħna li l-ispirtu tal-Vanġelu joħroġ mill-qalb ta’ Alla-bniedem għall-qlub tal-bnedmin kollha madankollu l-ebda ħaddiem ma kien daqshekk perfett u ippenetrat hekk fil-fond daqs il-missier adottiv ta’ Ġesù. Dak il-missier li għex miegħu fl-aktar intimità profonda u komunità perfetta ta’ ħajja u xogħol. Kien għalhekk li l-Papa Piju XII stieden lill-ħaddiema kollha: “Jekk tridu tkunu ħaġa waħda ma’ Kristu, ite a Ioseph!”, jiġifieri “morru għand San Ġużepp!” L-għaliex, bħala mudell tal-ħaddiema, San Ġużepp huwa l-padrun speċjali tal-ħaddiema.

San Ġużepp, xempju tal-ħaddiema, għallimna mhux biss naħdmu b’għaqal u reqqa imma li ndawwru l-valur uman tax-xogħlna f’mezz qawwi ta’ qdusija għalina u għan-nies li naqdu bħalma għamilt int. Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: