Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Diġà bil-qargħa!

Diġà bil-qargħa!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap

Mort nixtri l-gazzetti bħas-soltu. Għodu għodu. Qabel nibda’ jum twil ta’ ħidma fl-isptar. U fettilli nitfa’ ħarsti fuq il-monitor l-iswed. Għall-kurżità … jekk trid! U d-dehra rajtha! Rajtha eżatt bħalma tkun għalqa bil-qamħ u jkollha xi tondjatura f’nofsha. Forsi mogħtija bi ftit qmugħ! Imma kienet hi! Il-qargħa!

Ommi Mà! Ħa jaqagħli xahari! Dak kien il-ħsieb li telgħali f’moħħi f’dak il-ħin. Kos hux! Mela mhux in-nisa biss jikkuraw xagħarhom. U jaraw li jkunilhom sabiħ. Anki l-irġiel! Inklużi l-patrijiet! Tad-daħk tidher hux! Imma hekk hu! Ovvjament din ngħidha għalija. Ħaddieħor jara l-affarijiet tiegħu hu. Imma jiena, għall-ewwel, qisni ħassejtha. Dan bħal mara li, l-għaliex għalqet l-erbgħin sena, il-beautician jew l-ispiżjara ordnatilha l-krema kontra t-tikmix. “Ħadt l-akbar qatgħa ta’ ħajti meta għalaqt l-erbgħin!” niftakar mara tgħidli. Imma ż-żmien ma jagħtix każ tal-persuni! Irrispettivament kemm iżommu ruħhom! Jibqa’ iross iross! Sakemm tgħaddi tiegħu!

L-istess għamel miegħi. Issa l-Patri daħal jifforma parti mill-moviment jew partit tal-qargħeja. Allura! Imma issa għandi għażla x’inwettaq! Jew se ngħid, bħalma ġieli nisma’, “minn dak hemm!” Naħseb li taħsbu bħali li min jirraġuna hekk siequ diġà fil-ħofra miskin! Kemm hu pessimist! Abbli ċ-ċiniċiżmu li għandu fih diġà qerdu! Inkella nitbissem. Naċċetta. U nagħmel l-aħjar minn dak li toffrili l-qargħa.

Stramba tidher hux! Imma l-qargħa għandha x’toffrili? Niftakar lis-Superjur Ġenerali tal-Mużew, l-umli Victor Delicata, dwar din il-biċċa xogħol tal-qargħa. Kelli x-xorti ngħix miegħu fil-Mużew ta’ fejn kien superjur għal tnax-il sena sħaħ! Mela naf x’qed ngħid! Kemm kien jieħu gost jiċċajta bil-qargħa! Għalih il-qargħa kienet tfisser l-esperjenza tal-ħajja. Ngħiduha kif inhi: x’hemm isbaħ mill-esperjenza tal-ħajja? Veru? Ġieli tisma’ min jitħaddet qisu qiegħed fuq xi sħaba. Jew bil-qdusija falza. Inkella b’ħafna kliem tqil. Ġieli issib min jissuġġerixxi affarijiet li r-roti ta’ moħħok iħawwadhomlok waħda sew! Veru? Imbagħad tiltaqa’ ma’ dawk in-nies li ma tantx iparlaw. Forsi lanqas jiktbu ukoll. Imma jfendulek dik il-kelma li jħalluk tixtarraha. Togħmodha. Eħ ħija! Dawn tal-qargħa! Dawn jafu xi jgħidu! Għandhom l-esperjenza!

Dan l-aħħar iltqajt ma’ biċċa għerf ta’ San Franġisk li tgħidx kemm għamlitli ġid! Il-fqajjar missieri t’Assisi kien iħobb jgħid: “L-għemejjel li tista’ twettaq jistgħu jkunu l-unika prietka xi persuni jistgħu jisimgħu illum”. X’għerf! In-nies tal-qargħa huma proprju dawn. Li jparlaw ftit u jagħmlu ħafna. Niftehmu! Jiena għadni tesserat ġdid fil-partit tagħhom tafux! Għadni green! Imma ħej kemm għandhom tabilħaqq x’jgħallumni! U naf li se jgħallmuni bil-bosta!

L-għaliex raġel bil-qargħa jaf ikun bħal dik in-naqra melħ fit-tisjira. Veru tkun żgħira meta mqabbla mal-kwantità tal-ikel. Imma meta tpoġġiha fl-ikel tibdillek it-togħma kollha. Tagħti togħma fejn m’hemmx! Għax għandu l-esperjenza tal-ħajja! U l-esperjenza ġiet mill-iżbalji li wettaq. U ħaddieħor, l-għaliex kien tassew iħobbu u mhux jilgħaqu, fetaħlu għajnejh għax riedlu l-ġid! U illum jista’ jagħti togħma bi kliemu u b’għemilu liż-żgħażugħ u ż-żgħażugħa!

Patri! Diġà bil-qargħa! Smajthom Mulej! Mela għinni nitolbok ħalli nitgħallem mill-ħajja u ngħaddi minn qalbi, u b’xejn, dak li tgħallimni int minn ħajti lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tiegħi. Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: