Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Tagħmel x’tagħmel nibqa’ nħobbok!

Tagħmel x’tagħmel nibqa’ nħobbok!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap

Illum jgħidulek li t-tradiment sar xi ħaġa komuni isemmix. Minn dejjem kien. Forsi illum iktar faċli biex jitwettaq. Il-mezzi tal-komunikazzjoni żgur li jiffaċilitaw din il-krudeltà biex iseħħ.

Għaxar snin ilu kien għamilhielha. Kien mar ma’ ħaddieħor. Qalbha ferihielha. Ħadet is-snin biex tfiq minnha. Imnalla li t-tlett itfal tagħhom kienu żgħar wisq dak iż-żmien biex jifhmu. Għaliex, li kieku fehmu x’kien seħħ fil-familja tagħhom żgur li ma kienux jaħfrulu. Imma issa x’se jagħmlu war li reġa’ għaxxaqha? Se jaħfrulu t-tieni darba? Iż-żmien jagħtina parir. Li hemm żgur hu li l-ferità reġa’ fetħalieha beraħ. Tgħid għaliex? Forsi għaliex ma kinitx ħelwa minn ilsienha? Jew kumplimenti għalih ma’ kellhiex jew skarsaw wisq? Forsi għaliex ma għarfitx tkun iktar ġentili miegħu? Jew hu ppretenda li martu qiegħdha hemm biex taqdih sesswalment biss? Speċi ta’ magna tas-sess?

F’ħames minuti kien se jkisser familja. F’ħames minuti kien se jitlef l-għaqal ta’ tant snin ta’ ħidma u sagrifiċċji. Abbli xebgħa mill-ħajja tas-sagrifiċċju li żwieġ mbierek fuq artal jaf joffri. Ried jerġa’ jgħix il-ħajja ta’ żgħażugħ libertin li kien. Ried jifraħ ma’ sħabu u juriehom li bħalu m’hawnx. Ried juri x’jaf. Imma x’jaf meta lanqas kelma ma jagħraf iżomm? Meta issa jgħid ħaġa u issa jgħid oħra? Quddiemek jgħid li hu favurik u minn warajk ixewwex kontrik? U ħallina! X’ħin saru jafu uliedu lanqas riedu biss ikellmuh! Tlett ibniet il-ġmiel tagħhom, kollha għarajjes u li qiegħdin jippreparaw biex jgħidu s-sinjor si fi żmienhom. Xi tridhom jaqbdu jgħidulu? F’ħaristhom miksura hemm karba waħda li ġġagħlek titħasseb bil-bosta. Karba li anki l-iktar ħajt samm li jeżiżti ma jiflaħx jirreżiżti quddiemha li ma jxerridx xmajjar tad-dmugħ. “Pà, lill-ommi għalfejn għamiltilha hekk?”

Issa li kien kien u li sar sar. Huwa inutli li wieħed jagħmel ċertu riċerki biex jintraċċa kif seħħu l-ġrajjiet. Ngħiduha kif inhi, il-brimba tkun ilha tinseġ l-għanqbuta tagħha. Dawn il-ħwejjeġ jieħdu ż-żmien biex jinbnew. Għall-ewwel jibda dak iż-żegħil malizzjuż tal-miskin u l-jaħasra. Iż-żegħil, għax miskin tgħidx kemm qiegħed ibati fiż-żwieġ tiegħu. U jaħasra kemm qiegħdha maħqura mar-raġel li ħalfet fuq l-altar li lilu biss tagħti ħajjitha kollha. Lil żewġha beżgħet minnu. Forsi għaliex veru jbeżżgħek għax gwapp daqs l-aqwa kriminal. Forsi għaliex miegħu ma tirraġunax. Imma, hu x’inhu l-każ, li teqlibhielu m’hijiex is-soluzzjoni. Min għandu moħħu fuq għonqu jaf jgħodd sal-mija qabel idaħħal lillu nnifsu u l-familja tiegħu f’dan il-baħar kiefer ta’ nkwiet u taħwid.

Martu kienet ferm isbaħ minnha. Lanqas tibda ħdejha. U, jien nistaqsi: Għaliex proprju mar għaliha? Kerha dawgħa? Ma nafx. Naf żgur li l-bniedem jagħma waħda żul minn hemm quddiem it-tlellix tal-ħażen. Bħalissa qiegħed niftakar b’dieqa kbira f’mara oħra li trabbiet f’familja tant tajba mimlija mħabba u għożża kbira. Il-belgħa, ta’ tletin sena, ittrakkat ma’ wieħed imdaħħal sewwa fl-erbgħinijiet. Ikrah. U xitan mill-kbar. Kien idaħħalha u joħroġha mill-but kif irid hu. Biex żammha ‘l bogħod mill-qrar u t-tqarbin għall-ħafna snin minħabba l-ħażen li kien ifesfilha f’widnejha ma naħsibx li tista’ issejjaħlu aħjar minn hekk. Dak li kellu ġo fih mhux biss tiliflu ruħu imma wkoll kien se jniżżel l-infern lil din il-mara belha. Il-biċċa hi li din il-povra mara ħasbet li kien iħobbha. Li kien raġel nice. Hemm laqqmitu. Nice kien meta kienet tħallih iġibha pupa tal-lastiku? Jagħmel li jrid biha? U jġenninha għal warajh hekk li kienet tivvinta kull gidba ħoxna u faħxija biex toħroġ mid-dar ħalli jagħmel li jrid biha fil-flat? U kemm kellu ħabta juri kemm kien qiegħed ibati ma’ martu! Miskin! Martri!

L-iktar ħaġa li tweġġa’ f’dawn is-sitwazzjonijiet hija li meta l-bniedem jagħma jinsa kompletament il-ġid komuni tal-familja tiegħu. Quddiemu jara biss il-bżonnijiet tiegħu. Saħansitra ġieli kien hawn min irraġuna li b’daqshekk ma jkun qiegħed jiġri xejn ħażin. Mhux meta l-mara tibda tagħti dahra lejn żewġha. Jew meta tilagħbha li ma tismax ħa tissokta tagħmel fattiha. Jew, wisq iżjed, li taqbad kustjonijiet inutli ma’ żewġha basta togħġob lill-maħbub tagħha. Imma Alla tal-ħniena. Anki meta l-persuna tkun imħabbla ġo xibka mgħaqqda tgħidx kemm. Il-Mulej iħares lejn ix-xewqa tal-persuna maqbuda u jismagħha. Niftakar li din il-mara kienet ta’ spiss titlob lill-Mulej b’dawn il-kelmiet: Mulej oħroġni clean minn din l-istorja.

U tassew, għaliex Alla semagħha. Tant li llum ħarġet clean għal kollox u qiegħdha tibni mill-ġdid iż-żwieġ tagħha li għal ħafna snin kien tfarrak taħt il-qilla tal-mewġ qerriedi tat-tradiment. Il-Mulej jagħti s-sinjali. U jagħtihom għaliex jirraġuna li b’hekk abbli l-persuna iċċedi. Iżda jekk il-persuna twebbes rasha u trid tibqa’ tgħix l-avventura mġenna tagħha ma jkun hemm l-ebda triq oħra għajr li x-xitan jitħalla jagħmel festa sħiħa mis-sitwazzjoni.

Imbagħad jinstema’ l-biki u x-xegħir. Biżżejjed wieħed jiftaħ il-mobile u jsib dak il-messaġġ oxxen li jferi l-qalb ta’ min ikun ħabb fis-sewwa. Hawnhekk ix-xitan tal-adulterju jipprova joħroġ il-qilla u l-mibegħda li għandu kontra ż-żwiġjiet Insara. L-ewwel soluzzjoni li t-titla’ fil-wiċċ hija dik li l-persuna ittraduta tmur għand l-avukat. Tibda taħseb li s-separazzjoni hija l-iktar triq faċli. Taħseb li bid-divorzju se ssolvi xi ħaġa. Is-soluzzjoni tant mixtieqa tinstab wara l-bieb!

Imma xi żball għandha! Dik hija soluzzjoni ħierġa mill-uġiegħ! U dak li joħroġ mill-uġiegħ, spirtu pront, ma jwassal għall-imkien! Anzi iktar iżid il-problemi! Hija l-imħabba veru li twassal għas-soluzzjonijiet ġusti. Dik l-imħabba imma li ma tqisx lilha nnifisha fiċ-ċentru u twarrab l-ġid ta’ ħaddieħor. Dik l-imħabba li lesta tammetti d-dgħjufijiet tagħha, speċjalment meta tkun iddgħajfet għaliex għal xi mumenti tkun ħalliet lilha nnifisha tinġarr mir-rabja u l-għatx tal-vendetta. Il-mara tal-istorja stqarret bi tbatija kbira li kellha aptit toħroġ lil Ġesù minn qalbha. Li tpoġġih f’ġenb u lir-raġel tagħha tpattihielu bl-għeruq u x-xniexel. Ħa ddewqu naqra mill-imrar kbir li ilu jikkaġunalha tul dawn is-snin kollha! Ma tagħtihiex tort. Il-qalb muġugħa. Il-moħħ imdallam. Il-ferità kbira li reġgħet infetħet bla ħniena ta’ xejn.

Meta beda jiġi f’tiegħu xtaq li fid-dar isib l-attitudni li la ddispjaċih issa li kien kien u li sar sar. Ħożż fl-ilma. Ġerħat bħal dawn iridu ħafna ġimgħat, xhur u snin biex ifiqu. Il-persuna ittraduta m’hijiex xi switch! Biex tista tqum fuq saqajha u bil-mod il-mod terġa’ tifdi l-fiduċja mill-ġdid f’min ittradieha trid iż-żmien. Iżda għal min jemmen kollox jista’ isir! Anzi, ħa jsirlu skont dak li jemmen. Il-mara ġiet imħeġġa biex tfaħħar lill-Mulej għal dak li għaddiet minnu. Tqabdet magħha nnifisha biex kuljum lill-Mulej, fost tant uġiegħ f’qalbha, iddur lejh u tgħidlu: “Infaħħrek Mulej li żewġi ittradieni!” Imma x’sens fiha talba bħal dik?

Is-sens joħroġ mill-fatt li l-Mulej qiegħed jiġi mistieden biex jidħol b’ruħu u ġismu fit-tkissir u t-tifrik tal-qalb ittraduta sabiex jerġa’ mill-ġdid inaddafha, jibnieha u jsaħħaħha qajla qajla. Il-Mulej qiegħed jiġi mistieden biex ifejjaq lill-memorja mherrija bl-uġiegħ. Jimblokka s-suspetti u jagħti l-ħila biex il-persuna ittraduta terġa’ tafda mill-ġdid. Fuq kollox il-Mulej qiegħed iġib f’sensieha lill-persuna li traddixiet lill-maħbub jew maħbuba tagħha jew tiegħu. Li, minn dik l-esperjenza ta’ uġiegħ tibda tifhem iżjed ir-riperkussjonijiet traġiċi tat-tradiment.

F’din l-esperjenza din il-mara ittraduta waslet li qalet lil żewġha: “Ara! Meta tlajt fuq dak l-altar jiena wegħdtek quddiem Alla li lilek se nħobbok tul ħajti kollha. U dan jien se nkompli nwettaq. Għamiltli x’għamiltli jiena se nibqa’ nħobbok!” X’espressjoni dik ta’ persuna li tassew fehmet li “l-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-ingustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt” (1 Kor 13: 4-8).

L-imħabba, għax hi mħabba, tibqa’ tħobb. Anki meta tisfa ittraduta! Għaliex ma taf xejn għajr li tħobb bla limiti!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: