Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-pajjiż tas-Salib!

Il-pajjiż tas-Salib!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Arahom! Wieħed wieħed! Imqiegħdha għarkupptejhom. Bħall-ħrief meħuda għall-qatla. Bħal nagħaġ f’id min iġiżżhom. Ma fetħux fommhom! Warajhom m’għandhomx l-id tal-ħbieb li qed iżiegħlu bihom bi ħniena! Mela! Għandhom warajhom irġiel mgħammda li, l-għaliex jibżgħu li jiġu identifikati, jinħbew wara maskra biex iwettqu att barbaru. U infami! Joqtlu persuni bla ħtija. U l-għaliex dan? Sempliċiment l-għaliex huma Insara. L-għaliex ġejjin “mill-pajjiż tas-Salib”. Tgħid għaliex hux li tkun Nisrani jfisser theddida għal uħud?

Is-sewwa ma joqgħodx kwiet. Anzi! Aktar ma jinsaħaq u jiġi mhedded mill-ħażin aktar jisplodi. Aktar juri l-essenza tiegħu! Mela aktar juri x’inhu! Jiġifieri Dawl! Dawl li jdawwal lil kull bniedem li jrid jinfetaħ għall-verità li teħilsu. Papa Franġisku qal li d-demm tal-Insara ippersegwitati qiegħed jgħajjat “lil kull min jista’ jiddistingwi bejn it-tajjeb u l-ħażin”. Dehra oħra makabra ta’ tletin martri qalbiena Etijopiċi. Li mhux joqtlu jew jisplodu lilhom infushom u magħhom joqtlu nies innoċenti biex iwasslu l-messaġġ tagħhom. Iżda, għal kuntrarju, jagħtu ħajjithom għall-oħrajn. Saħansitra għal min qiegħed jaħqarhom u joqtolhom biex jifetaħ hu wkoll għall-unika verità li ssalvah. Li ġġiblu l-paċi f’qalbu li tant għandu bżonn!

Il-qawwa tal-martirju ta’ dawn l-Insara qalbiena li għamlu ġieħ kbir lill-fidi tagħhom, lill-istorja ta’ pajjiżhom u dik tal-Knisja qiegħed fil-fatt li dawn l-eroj martri minflok il-mibegħda b’demmhom xerrdu l-imħabba. Minflok is-saħta tal-vendetta b’demmhom xerrdu l-paċi tal-maħfra u tax-xhieda ta’ Ġesù Kristu. Dak Ġesù, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem għalina, li waħdu, u waħdu BISS, hu “t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6). Dak Ġesù Kristu li mhux tana xi ġabra ta’ liġijiet dwar Alla u ħalliena maħkuma bihom. Le! Hu ġie biex jeħlisna mill-liġi. U kif? Billi hu nnifsu, hu li hu Alla, sar bniedem għalina. Midinbin. Ta’ Alla-bniedem, bata, miet u qam minn bejn l-imwiet biex jifdina ilkoll. Kemm għal dawk li jemmnu fih li hu Alla. U kif ukoll għal dawk li ma jemmnux li hu l-Iben ta’ Alla jew li għadhom ma semgħux bih. Għax Ġesù Kristu hu l-unika verità li teżiżti. Mhux paċpaċ imma wettaq hu stess dak li qal! Miet għalik u għalija fuq is-Salib. Ħallas għalina l-prezz li l-ebda persuna ma setgħet tħallsu. U fit-tielet jum qam min bejn l-imwiet. Mela f’Ismu BISS u fl-ebda isem ieħor m’hemm il-maħfra tad-dnub. U l-ħelsien mill-ħakma tax-xitan. Għalhekk sieħbi ta’ min jemmnu! Għalhekk sieħbi ta’ min jagħti ħajtu għalih!

L-Insara, li ġew maqtula f’żewġ gruppi ta’ ħmistax mill-ISIS, ħmistax minnhom tħanxritilhom rashom fuq ix-xatt fin-naħa tal-Lvant tal-Libja. Waqt li l-ħmistax l-oħra sparawlhom fin-naħa t’isfel tad-deżert Libjan. F’messaġġ li bagħat nhar it-Tnejn 20 ta’ April lill-Qdusija tiegħu Abuna Mattija, patrijarka tal-Knisja Ortodossa Etijopika Tewahedo, Papa Franġisku qal li għalih kien “inkwiet u dwejjaq kbar” meta sar jaf “b’aktar vjolenza li ġiet imwettqa kontra Insara innoċenti fil-Libja”. Fil-messaġġ tiegħu l-Papa qal: “Jiena naf li l-Qdusija tiegħek qiegħed ibati ħafna fil-qalb u fil-moħħ għad-dehra ta’ uliedek fidili li qed jiġu maqtula għar-raġuni waħdiena li huma segwaċi tal-Mulej u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu”.

Madankollu, minkejja t-theddida tat-terroristi għan-nazzjonijiet tas-Salib, dawn l-Insara ħutna Etijopiċi baqgħu sodi sal-aħħar! Lilna l-Maltin, li fil-bandiera tagħna inġorru b’unur u b’għożża kbira s-Salib, għandhom ħafna x’jgħallmuna. Jiena u int, Insara Maltin u Għawxdin, nagħmlu parti minn din il-Knisja li qed tiġi ippersegwitata minn min is-Salib għalih huwa problema. L-għaliex jibża’ minnu! Imma s-Salib jibqa’ l-għuda tas-salvazzjoni! L-għaliex is-Salib jgħallimna l-aqwa lezzjoni: il-mibegħda tingħeleb bil-maħfra. “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Is-Salib huwa l-aqwa dikjarazzjoni tal-verità tal-veritajiet: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12:21).

Jiena u int, ċittadini tal-pajjiż tas-Salib, ejjew nitolbu kuljum minn qalbna din it-talba li San Franġisk kien jitlob b’tant ħrara quddiem is-Salib: Nadurawk, Sidna Ġesù Kristu, hawn u fil-Knejjes kollha tiegħek, li jinsabu fid-dinja kollha, u nberkuk, għax bis-salib imqaddes tiegħek inti fdejt id-dinja.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: