Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > L-isfidi u l-mezzi biex Kristu jiġi mħabbar

L-isfidi u l-mezzi biex Kristu jiġi mħabbar


Minn Patri Mario Attard OFM Cap

It-twissija ta’ San Pawl hija ċara kristall: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9:16). Li wieħed jevanġelizza huwa dmir sagrosant li ħadd ma jista’ jaħrab minnu. L-istess sejħa u ħajja Nisranija titlob dan b’qawwa kbira minna. Saħansitra, fir-rit tal-magħmudija stess, fil-parti imsejħa effatah, jiġifieri infetaħ, it-tarbija jitberkulha l-widnejn biex tisma’ l-Kelma ta’ Alla u fommha biex ixxandarha.

Minħabba li l-urġenza tal-evanġelizzazzjoni hija kbira u l-Knisja, kif tgħidilna l-famuża enċiklika tal-Papa Pawlu VI dwar it-tħabbir tal-Vanġelu lin-nies tad-dinja tallum, Evangelii Nuntiandi, “teżiżti biex tevanġelizza” (§ 14), dan l-aħħar ittellgħet Konferenza Nazzjonali fuq l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida sewwasew f’Chatswood l-Awstralja bejn id-9 u l-11 ta’ Awwissu. Din l-inizzjattiva ġiet organizzata mill-Uffiċċju għall-Evanġelizzazzjoni u l-Missjoni Kattolika f’isem il-Konferenza Episkopali Awstraljana. Il-kelliem ewlieni li ndirizza il-konferenza kien l-Arċisqof Mons. Salvatore Fisichella li attwalment hu l-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida tal-Vatikan.

Id-diskors ta’ Mons Fisichella joffri ħafna punti ta’ riflessjoni rigward kif l-evanġelizzazzjoni l-ġdida tista’ tassew tilħaqq lil dawk li huma mbegħda mill-Kelma ta’ Alla u l-Knisja. Il-punt bażiku tad-diskors tal-prelat tal-Vatikan hu li Kristu huwa s-sies tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida. Fil-Motu Proprio, Ubicumque et Semper, li bih ġie imwaqqaf il-Kunsill Pontifiċju biex jippromovi l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida, il-Papa Benedittu XVI saħaq ħafna fuq il-persuna ta’ Ġesù Kristu. Il-Papa qal li “huwa d-dmir tal-Knisja li ixxandar dejjem u kullimkien il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu. Huwa, l-evanġelizzatur ewlieni u suprem, ikkmanda lill-Appostli nhar il-jum tat-Tlugħ tiegħu għand il-Missier: ‘Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-Isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien” (Mt 28:19-20)”.

Fir-riflessjoni tiegħu fuq dan il-Motu Proprio l-Arċisqof Fisichella ikkummenta hekk: “Bidu bħal dan jenfasizza n-neċessità kemm li Ġesù Kristu jitpoġġa fil-qalba tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida u kif ukoll l-importanza li wieħed jagħraf li l-fidi mgħoddija mill-Appostli u dik li għandha tiġi mxandra huma prinċipalment il-persuna ta’ Ġesù Kristu”. Mons Fisichella issokta jgħid li prova ta’ dan huwa t-test meħud mill-Ittra lill-Lhud li jgħid mingħajr kantunieri: “Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem” (Lhud 13:8). “Imsejjes fuq dawn il-kelmiet qawwija jeħtieġ li kontinwament nagħrfu li m’hemmx iżjed għalfejn inkattru iktar insigurtà, apatija u wisq inqas għal kull forma ta’ newtralità fil-ħajja tagħna tal-fidi. F’dawk it-tliet avverbji hemm misjub is-sies b’saħħtu għar-rivelazzjoni ta’ Ġesù. Huwa ‘l-ġebla tax-xewka’ (Mt 21:42), ‘il-blata’ (Mt 7:24-25), is-sies li fuqu għandna nsejsu l-ħajjiet personali tagħna. Hu kien hekk ‘fl-imgħoddi, jiġifieri fl-istess ħin meta n-nies waslu biex ikollhom fidi fih. Huwa hekk ‘issa’ meta kelmtu hija mxandra u l-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu huwa iċċelebrat. U se jkun hekk ‘għal dejjem’ sa l-aħħar taż-żmien. F’kelma waħda Kristu huwa dejjem l-istess”

Tul id-diskors tiegħu Mons Fisichella issokta jdawwal iżjed l-isfidi li jiġu mqiegħdha lill-evanġelizzazzjoni kif impoġġija fuqha mill-kultura kontemporanja. Huwa semma’ bil-miftuħ il-ħsara li ssir minn ċertu xandâra li jgħawġu l-messaġġ Nisrani. Hawnhekk ftakart f’xandâr partikulari f’pajjiżna li għalkemm jgħid li jħobb lil Kristu imma l-lanżit u l-ħdura li għandu lejn Ommna Marija Santissima, il-Papa, is-saċerdoti, is-sagramenti u l-Knisja Kattolika kollha kemm hi hija tal-biża’! Hija tassew grazzja minn Alla li fuq l-istess stazzjon televiżiv il-Mulej bagħat lill-evanġelizzatur Kattoliku Edward Spiteri li, bi qlubija kbira, jiddefendi l-fidi Kattolika tagħna kontra l-qerq u tgħawwiġ li joħorġu minn fomm dan l-evanġelizzatur li jgħid li jħobb lil Kristu imma ma jaħmilx lill-Knisja tiegħu, il-Knisja Kattolika. Mhux ta’ b’xejn li fil-programmi tiegħu qatt ma jkollu saċerdot miegħu. Ara Edward dejjem jistieden lili, saċerdot, biex nindokra dak li l-Mulej ikun qiegħed jgħidilna permezz tiegħu! Għaliex evanġelizzaur ġenwin mhux mikri!

Mons Fisichella ma qgħadx idur mal-lewża imma ikkritika b’qawwa kbira lil dawk ix-xandâra qarrieqa li joħduha qatta’ bla ħabel kontra t-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Huwa qal li “s-seduzzjoni tax-xandâra li, għaliex m’għandhomx biżżejjed preparazzjoni intelletwali, jilgħabu b’mod insistenti fuq il-kordi tas-sentiment billi jpoġġu utopji u, waqt li jwegħdu kull forma ta’ ferħ, iħallu lin-nies f’solitudni akbar.”

Il-prelat tal-Vatikan issokta jfisser din is-sitwazzjoni tal-biki. “Illum Alla m’huwiex miċħud iżda mhux magħruf. F’ċertu sens jista’ jingħad li paradossalment l-interess f’Alla u fir-reliġjon kiber. Madankollu, dak li ninnota hu l-konnotazzjoni qawwija emottiva u l-waqgħa tar-reliġjon fil-plural. M’hemmx interess iżjed f’reliġjon u wisq inqas għat-tema tal-‘vera reliġjon’. Minn naħa l-oħra, l-iktar li għandhom importanza hawnhekk huma l-esperjenzi reliġjużi. In-nies qiegħdin ifittxu forom differenti ta’ reliġjon magħżula minn kulħadd. Huma jagħżlu dak li jogħġobhom fis-sens li jassigurawhom li l-esperjenza reliġjuża li jagħżlu hija dik l-iktar li tissodisfahom. Dan iseħħ fuq il-kriterju tal-interessi tagħhom u dak li jkollhom bżonn fil-mument”.

Huwa f’kuntest bħal dan li l-Arċisqof Taljan ta’ 60 sena saħaq fuq il-bżonn li l-evanġelizzazzjoni l-ġdida jeħtieġilha turi b’qawwa kbira li Ġesù Kristu biss, l-Iben ta’ Alla nnifsu, li waħdu huwa l-ħellies tassew tal-bniedem. “L-evanġelizzazzjoni l-ġdida titlob il-kapaċità li wieħed ikun jaf kif se jagħti tifsira tal-fidi tagħha. Jiġifieri li juri li Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla, huwa l-ħellies waħdieni tal-umanità. Jekk aħna kapaċi nagħmlu hekk se nkunu kapaċi noffru lin-nies tallum it-tweġiba li qiegħdin jistennew”.

Waqt li kien qiegħed jispjega fid-dettall x’ried ifisser b’evanġelizzazzjoni effettiva, l-Arċisqof Fisichella saħaq dwar l-importanza li nwessgħu l-evanġelizzazzjoni l-ġdida mhux biss fuq il-ħwejjeġ li jidhru imma anki, u speċjalment, fuq dawk li ma jidhrux. Ir-rejaltà hija ferm aktar wiesa’ minn dak li għajnejna jaraw, widnejna jisimgħu u jdejna imissu. Ġesù Kristu jibqa’ l-kriterju fundamentali tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida anki f’dan il-qasam eskatoloġiku, jiġifieri dak tal-ħajja li ġejja. “Jeħtieġilna li niffukaw ir-riflessjoni tagħna fuq it-tifsira tal-ħajja u l-mewt, u fuq il-ħajja ta’ wara l-mewt. Biex inħabbtu wiċċna ma’ dawn il-mistoqsijiet, f’kelma waħda ma’ dawk li jaffettwaw l-eżiżtenza tan-nies u jiddeterminaw l-identità personali tagħhom, Ġesù Kristu qatt ma jista’ ikun barrani. Jekk ix-xandir tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida ma jsibux il-qawwa tagħhom fl-element tal-misteru li jdawwar il-ħajja u li jgħaqqadna mal-misteru infinit ta’ Alla ta’ Ġesù Kristu ma jkunux iżjed kapaċi għall-effettività mitluba li titlob tweġiba tal-fidi”.

Mons Fisichella stqarr ukoll li l-evanġelizzazzjoni l-ġdida, minnha nnifisha, titlob sagrifiċċju kbir. “Li ninħbew fil-Knejjes jista’ jagħtina ftit faraġ iżda iġib fix-xejn lill-Pentecostè. Wasal iż-żmien li niftħu beraħ il-bibien u nirriturnaw inxandru l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, li tiegħu aħna xhieda… It-triq li għandna nimxu m’hijiex faċli. Titlob li nibqgħu fidili għas-sisien. U, preċiżament għal din ir-raġuni li għandna l-ħila nibnu xi ħaġa koerenti ma’ dawn is-sisien, li, fl-istess ħin, huma kapaċi li jintlaqgħu u jiġi mifhuma minn nies li huma differenti minn dawk tal-imgħoddi. Il-provi se jkunu ħafna”.

Il-prelat qal li tul din il-mixja jeħtieġ li “nevitaw milli nivvjaġġaw waħidna għalkemm żied jgħid li bħala Kattoliċi “ma nistgħux nagħmlu dan. M’aħniex kapaċi għaliha. Minn natura tagħna aħna Kattoliċi, jiġifieri miftuħa għal kulħadd u nixtiequ li nkunu ma’ kull persuna biex noffrulha l-kumpanija tal-fidi”.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu l-Arisqof Fisichella ikkwota parti minn diskors li, dak iż-żmien, il-Kardinal Joseph Ratzinger kien għamel f’Subiaco, ftit jiem biss qabel ġie elett bħala l-Vigarju ta’ Kristu u s-Suċċessur ta’ San Pietru. It-tema ta’ dan id-diskors kienet il-kundizzjoni tal-Ewropa. Fl-analiżi luċida tiegħu taż-żmien kontemporanju Kardinal Ratzinger fisser b’dawn il-kelmiet il-programm għall-evanġelizzaturi l-ġodda:

“Dak li għandna bżonn f’dan il-waqt ta’ storja huwa nies li, permezz ta’ fidi li hija mdawla u mgħixha fil-prattika, jagħmlu lil Alla kredibbli f’din id-dinja… Għandna bżonn nies li jżommu ħarsithom  iffissata fuq Alla u jitgħallmu minnu x’inhi l-umanità vera. Għandna bżonn nies li l-intellett tagħhom huwa mdawwal bid-dawl ta’ Alla u li qalbhom tista’ tinfetaħ minnu b’tali mod li l-intellett tagħhom jista’ jitħaddet mal-intellett tal-oħrajn u l-qalb tagħhom tista’ tiftaħ il-qalb tal-oħrajn. Huwa biss permezz ta’ nies li huma milquta minn Alla li Alla jista’ jirritorna lura għall-umanità”.

Il-konklużjoni ta’ l-Arċisqof Fisichella hija l-istess waħda ta’ Ġesù nnifsu: is-suċċess tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida qiegħed meta aħna l-Insara nħallu l-qalbna tinfetaħ għall-grazzja ta’ Alla  u meta tmissna tant kemm tbidlilna ‘l qalbna li nibdew ngħixu dak li nistqarru b’fommna li nemmnu! Hekk għalaq il-prelat tal-Vatikan: “L-evanġelizzazzjoni l-ġdida tibda minn hawn: mill-kredibiltà tal-għejxien tagħna u mill-konvinzjoni li l-grazzja taġixxi u titrasforma sal-punt li tibdel il-qalb. Huwa vjaġġ li għadu jsib Insara impenjati għalih wara elfejn sena ta’ storja”.

U int u jien? Aħna mpenjati li nħallu l-grazzja ta’ Alla tibdilna minn rasna sa saqajna? Lesti li nħallu d-dawl ta’ Kristu fina jibdel il-qlub tal-oħrajn kif għadu jibdel tagħna wkoll? Huwiex dan l-iktar mezz b’saħħtu li bih Kristu jista’ jiġi mħabbar b’persważjoni mill-aqwa?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: