Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Imħabba sal-aħħar!

Imħabba sal-aħħar!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap

Il-ħajja ma tifimhiex. Ċertu atti ma tifhimx għalfejn isiru. Għaliex kieku tgħid li meta jitwettqu dak li jkun se jdaħħal xi ħaġa fil-but, tagħlaq għajn waħda u, bi tqanżiħa, tgħid, “tifimha!”

Imma li taħsad il-ħajja tan-nies, hekk kiesaħ u biered, u l-aktar jekk ikunu żgħażagħ fl-aqwa tagħhom, b’futur lest quddiemhom, fuq ix-xwiek biex iħaddanhom miegħu, allura l-att tassew isir assurd. Bla sens. Tal-blieħ!

U mhux tal-blieħ trid tkun biex tidħol f’università mimlija studenti u tarma tispara fuq dawk li jħaddnu reliġjon differenti minn tiegħek? U mhux tal-blieħ trid tkun li tuża’ l-azzarin biex tbeżża’ u titterorizza lill-oħrajn biex twassal messaġġ? Hemm tant modi biex wieħed iwassal il-messaġġ li jixtieq iwassal? Hemm għalfejn jirrikorri għall-għemil daqshekk viljakk ta’ tpattija? Vendetta? Qtil bla ħniena?

Min se jsabbar lil dawk l-ommijiet li tilfu wieħed jew waħda minn uliedhom? Xi kliem se jgħidu lill-missirijiet li tant investew f’uliedhom biex jarawhom jikbru fil-karriera tagħhom? U lil dawk l-aħwa li tilfu lil oħthom jew lil ħuhom min se jsabbarhom għat-telfa kbira li ġarrbu? Hemm arahom! Qalbhom maqsuma! L-għaliex l-għeżież tagħhom ittieħdu bħall-ħaruf tas-sagrifiċċju għall-qatla. Mingħajr l-ebda sinjal ta’ ħniena.

Minkejja s-sigurtà li hemm bħalissa fil-pajjiż, bit-tfittxija sal-inqas xagħra biex ħadd ma jerġa’ jiġi maqtul, b’laħmu u xaħmu, kif inqatlu dawn l-imsejkna studenti, dak li kellu isir xorta sar! Min se jġibhom lura? Bħala Patri ma nistax lil dawn l-aħwa ma nibkihomx. Ma nitlobx għalihom. U lanqas ma nista’ ma napprezzax ix-xogħol kbir li għamlu u qed jagħmlu ħuti l-Kapuċċini Missjunarji Maltin mal-Kenjani tul dawn l-aħħar 40 sena. Fosthom l-Isqof preżenti, Monsinjur Joe Alessandro OFM Cap.

Qalbi imtliet bir-radd il-ħajr lill-Mulej għall-apprezzament li ħija Joe, bħala Isqof, wera lill-miġemgħa li marret tiċċelebra miegħu l-Għid fil-Kattidral tal-Konsolata. Tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn fejn sar l-attentat terroristiku ta’ nhar il-Ħamis 2 ta’ April. Jum Ħamis ix-Xirka. Dakinnhar aħna l-Kattoliċi, imxerrdin mad-dinja, konna qiegħdin niċċelebraw l-ikla mqaddsa meta Ġesù tana lilu nnifsu fl-Ewkaristija. U qajla intabħna li fil-Kenja ħutna l-Kattoliċi żgħażagħ kienu qiegħdin jiġu maqtula għal dak Ġesù li tant ħabbew minn qalbhom!

Dawn ħbieb huwa n-nies ta’ veru! In-nies li jħobbu sal-aħħar! In-nies li jibqgħu jistqarru li huma ta’ Ġesù Kristu! Anki meta ma rashom minflok ma jpoġġulhom il-ward ipoġġulhom il-kanna tal-azzarin. Minflok il-ġiżirajjen tad-deheb jqegħdulhom l-isplussivi biex iqattgħuhom biċċiet! Dawn huma r-rgħajja veri li, bħal ħuna Joe, u ħuna l-Monsinjur Silvestru Magro OFM f’Benghazi l-Libja, jagħżlu li jibqgħu mal-merħla tagħhom sal-aħħar. Sal-punt li jinqatlu magħhom!

Bil-paroli tgħid ħafna. Imma l-għemejjel jitħaddtu waħedhom. Is-sagrifiċċju ta’ dawn il-vittmi Kenjani ifakkarna li biex issir qaddis u qaddisa ħaġa waħda tinħtieġ: imħabba sal-aħħar!

L-istess bħalma għamlu dawn ħutna li baqgħu sħaħ fil-fidi Nisranija tagħhom. Sakemm ċarċru demmhom! L-istess bħalma qed jagħmlu Monsinjur Alessandro u Monsinjur Magro, li għażlu li jibqgħu man-nagħaġ tagħhom sal-aħħar. Akkost li l-lupu jattakka lilhom ukoll.

Għaliex x’inhi l-imħabba jekk ma tħobbx sal-aħħar?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: