Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-Papa Franġisku: “Il-Knisja tagħna hi Knisja tal-martri. Ejjew ningħaqdu ma’ ħutna persegwitati”.

Il-Papa Franġisku: “Il-Knisja tagħna hi Knisja tal-martri. Ejjew ningħaqdu ma’ ħutna persegwitati”.


L-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli jurina l-proċess li għadda Stiefnu quddiem is-sinedriju u t-tħaġġir tal-ewwel martri tal-Knisja.  Fuq din ix-xena drammatika l-Papa għamel omelija li tnissel fi qlubna l-uċuħ u l-istorja ta’ tant bnedmin li anki llum, bħall-ewwel martri, huma persegwitati, maqtulin minħabba l-fedeltà tagħhom lejn Ġesù.  Il-martri, osserva l-Papa, m’għandhomx bżonn ħobż ieħor għax il-ħobż tagħhom hu Ġesù.  Naraw li Stiefnu ma kellux bżonn jinnegozja jew jagħmel kompromessi.

Tant kienet qawwija x-xhieda tiegħu li min ried jitfgħalu t-tajn ma setax jirreżisti l-għerf tad-djaknu u l-ispirtu li bih kien qed jitkellem.  Bħal Ġesù, Stiefnu kellu jsib ma’ wiċċu xhieda foloz u poplu mkeskes li wassluh għall-mewt.  Stiefnu jfakkarhom f’kemm profeti kienu nqatlu għax baqgħu fidili lejn il-Kelma t’Alla u meta jistqarr li ra lil Ġesù, min kien qed jippersegwitah ħa skandlu, għalqu widnejhom biex ma jisimugħhx u mbagħad kaxkrux ‘il barra mill-belt biex iħaġġruh.

Ċerti qlub ma jifilħux jisimgħu l-Kelma t’Alla.  Il-Kelma t’Alla hi ta’ fastidju meta għandek qalbek iebsa, meta qalbek hi pagana, għax il-Kelma t’Alla tistiednek timxi ‘l quddiem billi tipprova xxebbgħek bil-ħobż li tkellem dwaru Ġesù.  Fl-istorja tar-Rivelazzjoni, kien hemm ħafna li nqatlu minħabba li kienu fidili lejn il-Kelma t’Alla, lejn il-Verità ta’ Alla.

Il-martirju ta’ Stiefnu, kompla jgħid il-Papa Franġisku, jixbaħ lil dak ta’ Ġesù: hu jmut b’dik il-qalb kbira nisranija li taħfer, jitlob għall-għedewwa.  Dawk li ppersegwitaw lill-profeti, u lill Stiefnu, kienu jaħsbu li b’hekk qed jigglorifikaw lil Alla, kienu jaħsbu li b’hekk kienu qed ikunu fidili lejn id-Duttrina t’Alla.

Illum, żied jgħid, nixtieq infakkar li l-Istorja tal-Knisja, il-vera Storja tal-Knisja, hija l-istorja tal-qaddisin u tal-martri; martri persegwitati u maqtulin, tant minnhom maqtulin, minn dawk li jaħsbu li b’hekk qed jagħtu glorja ‘l Alla, dawk li jaħsbu li għandhom il-verità imma għandhom qalb korrotta.

F’dawn il-ġranet, għadhom jeżistu fid-dinja aktar bnedmin bħal Stiefnu!  Niftakru f’ħutna li qatgħulhom gerżumthom fix-xatt tal-Libja; niftakru f’dak it-tifel maħruq ħaj minn sħabu għax nisrani; niftakru f’dawk il-migranti li sħabhom tefgħuhom f’nofs ta’ baħar għax kienu nsara; niftakru – dak li ġara l-bieraħtlura, – f’dawk l-Etijopi assassinati għax insara…. U tant oħrajn.

Il-Knisja tal-lum hi Knisja tal-martri: huma jsofru, jagħtu ħajjithom u aħna nirċievu l-barka t’Alla minħabba x-xhieda tagħhom.

Hemm ukoll, kompla jgħid Franġisku, il-martri moħbija, dawk l-irġiel u n-nisa fidili għal-leħen tal-Ispirtu, li jterrqu, li jfittxu mogħdijiet ġodda biex jgħinu lil ħuthom u biex iħobbu’l Alla aħjar u jisfaw vittmi ta’ suspetti, kalunjati, persegwitati minn tant “sinedriji moderni” li jaħsbu li l-verità hi propjetà tagħhom……. dawk il-ħafna martri moħbija.

U tant martri moħbija oħra li biex jibqgħu fidili lejn il-familji tagħhom isofru minħabba l-fedeltà.  Il-Knisja tagħna hi Knisja tal-martri.  U issa, fiċ-ċelebrazzjoni se jinżel fostna l-ewwel martri, l-ewwel wieħed li ta xhieda u aktar minn hekk, ġab is-salvazzjoni għalina lkoll.

Ejjew ningħaqdu ma’ Ġesù fl-Ewkaristija u ningħaqdu ma’ tant ħutna li qed isofru l-martirju tal-persekuzzjoni, tal-kalunja, tal-qtil, għax huma fidili lejn l-uniku ħobż li jaqta’ l-ġuħ, jiġifieri Ġesù.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: