Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > X’mediċina dik!

X’mediċina dik!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Dan l-aħħar il-batterija xegħlet l-oranġo. Kien sinjal li l-Patri, bħalek mela, kellu bżonn jistrieħ! U hekk għamilt sieħbi! L-għaliex mill-ewwel irrankajtlu għal ġol-friex! Fejn taf kemm kelli bżonn!

U rqadt. Irqadt fil-paċi. Fis-skiet. Fi trankwillità kbira! Ħassejtni qisni l-mowbajl li jiċċarġja fuq iċ-ċarġer. Inkella l-kompjuter li, wara sagħtejn jaħdem fuq il-batterija, kellu bżonn jiċċarjġa ħalli jissokta b’xogħlu. Ħbieb tiegħi, ilkoll kemm aħna għandna bżonn niċċarġjaw ruħna. U, minħabba l-ammont ta’ xogħol u r-responsabbiltajiet kbar li rridu nerfgħu fuq spallejna, bilfors li l-kompjuter ta’ ġisimna u ta’ moħħna irridu ngħallmuhom jistrieħu. U nħalluhom jorqdu kemm għandhom bżonn! Mela mhux ħa nitfgħululhom limitu sakemm jorqdu!

Dan bdejt nagħrfu fil-kuritur tal-isptar. L-aktar wara xi lejl ta’ xogħol bla waqfien. Lili l-għejja tgħallimni ħaġa tassew importanti: il-moħħ jipproponi imma l-ġisem jiddisponi! Il-moħħ, għax hu tal-bniedem, ifattar ħafna ħwejjeġ f’rasu. Ipaspar kull waħda! U mela raġel ta’ disgħin sena jista’ ikun li joħroġ mill-isptar u wara jaqbad il-ħġieġa tar-rizzi u jmur il-baħar ħa jtellagħhom min jisimgħek? Imma l-moral huwa dejjem moral. Almenu sakemm jibqa’ moral u ma jsirx fissazzjoni li bniedem, akkost ta’ kollox, irid iwettaq dak li paspar f’moħħu li jwettaq!

L-irqad mediċina. Almenu hekk ħassejtni jien wara li rqadt raqda nobis għall-irdoss ta’ kamarti fil-kunvent. Ma nafx. Abbli għax kont naf li kelli tnax-il siegħa xogħol billejl fl-isptar quddiem wiċċi. Imma dan il-fatt aktar ħeġġiġni biex norqod bil-qalb! L-irqad jagħlaqlek kapitlu u jiftaħlek ieħor. Meta qomt ħassejtni li dħalt f’rejaltà ġdida. Xejn ma baqa’ jirritani. Idejjaqni. Imarradni. Qisu aktar kelli dak is-sabar li nieħu paċenzja bl-oħrajn. L-għaliex il-paċenzja, jew is-sabar, jekk bħali tħobb l-ilsien Malti safi, qisu bħal likwidu fi flixkun. Il-flixkun dejjem timlieħ timlieħ. Iżda meta jimtela’ trid tara x’ħa tagħmel bih. Jekk għandek għalfejn iżżommu żommu. Forsi għandek bżonnu.

Issa immaġina jekk dak il-likwidu m’għandekx x’tambiħ. A ra kif iġennek! Tkun trid teħles minnu. L-għaliex ma tridux! U ma nlumekx sieħbi! L-għaliex kieku jien bħalek nagħmel! Issa immaġina ftit li kieku minflok dak il-likwidu kellek tbiddlu mal-għejja. Min iridha l-għejja? Ngħidlek ħadd! L-għejja ma tħallikx tirraġuna. Lanqas tgawdi l-ħajja. Tgħidlix li aħna naħdmu hawn u ngawdu fis-sema. Aħfirli! Imma ngħidlek giddieb! Giddieba! F’din id-dinja naħdmu. Kollox sew! Imma għandna l-limiti tagħna. Hemm linja safejn nistgħu naħdmu. Lil hinn minnha ma nistgħux ngħaddu. Inkella nidħlu f’dipressjoni mill-kbar nett. Il-bniedem limitat. Jaħdem iva. Imma jrid jistrieħ.

Meta nqalleb fil-Bibbja il-ħin kollu niltaqa’ mar-rejaltà tal-mistrieħ. Ħa nsemmilek xi vrus li jitħaddtu fuq hekk. U dan se nagħmlu l-għaliex waqt li nkun qed nagħmel hekk ikun qed infakkar lili nnifsi stess dwar l-importanza li nistrieħ. U ħa ngħidhielek kif inħossha: jiena bħalek dawn il-versi għandi bżonn niftakarhom sewwa!

“U fis-seba’ jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel, u waqaf fis-seba’ jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel. U bierek Alla s-seba’ jum u qaddsu, għax fih waqaf mix-xogħol kollu tiegħu li kien għamel fil-ħolqien” (Ġen 2:2-3). “Isma’, o Alla, l-għajta tiegħi, agħti widen għat-talba tiegħi. Minn truf l-art lilek insejjaħ, meta nkun qalbi maqtugħa; minn hemm inti mexxini lejn il-fortizza fuq l-għolja. Għax int sirt kenn għalija, torri qawwi quddiem l-għadu. M’hux li kont ngħix f’għamartek għal dejjem, nistkenn għas-satra ta’ ġwenħajk!” (S:61:1-5).

Mal-ewwel daqqa t’għajn dawn il-versi inisslulek dmugħ ta’ faraġ. Iqawwulek qalbek. Min minna ma jixtieqx li jistrieħ mix-xogħol li jwettaq? Min minna ma jħossux ippressat jew ippressata mill-volum ta’ xogħol li ilkoll meddejna għonqna għalih? Min minna ma jfittixx li jkollu dawk il-mumenti hekk għeżież fejn isib il-kenn li hemm fil-mistrieħ? Fejn, almenu imqar għal ftit waqtiet, ikun jista’ jgħix fis-satra ta’ ġwenħajn il-Paċi? Il-Qawwa tas-sliem?

Ejjew infittu l-mistrieħ. Il-waqt li norqod. Nistrieħ. Ħa nidħol għar-responsabbiltajiet ta’ ħajti b’entużjażmu! B’enerġija! B’qalb kbira! Li naqdi l-għaliex il-Mulej ikun qdieni fis-skiet il-mistrieħ tiegħi!

L-irqad! X’mediċina dik!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: