Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-Papa Franġisku: “Min ma jafx jiddjaloga irid isikket lill-oħrajn”.

Il-Papa Franġisku: “Min ma jafx jiddjaloga irid isikket lill-oħrajn”.


Min ma jafx jiddjaloga ma jobdix lil Alla u jrid isikket lil min jipprietka n-novità ta’ Alla, afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta dalgħodu.

Il-liturġija tal-lum titkellem dwar l-ubbidjenza.  Il-Papa osserva li l-ubbidjenza, ħafna drabi, teħodna fi triq li mhix dik li nafu aħna, turina li hemm triq oħra.

Li tobdi jfisser li jkollok il-kuraġġ li tibdel it-triq meta l-Mulej jitlob dan minnek.  Min jobdi għandu l-ħajja ta’ dejjem, filwaqt li min ma jobdix tinżel fuqu l-korla t’Alla.  B’hekk naraw li fl-ewwel qari tal-ġurnata meħud mill-Atti tal-Appostli, is-saċerdoti u l-kapijiet jordnaw lid-dixxipli ta’ Ġesù biex ma jipprietkawx aktar il-Vanġelu lill-poplu: huma mimlijin rabja u għejra għax qed isiru l-mirakli fil-preżenza tagħhom, il-poplu miexi wara l-Appostli u l-għadd ta’ dawk li jemmnu qed jiżdied.

Jitfgħuhom il-ħabs imma bil-lejl l-Anġlu ta’ Alla jeħlishom u huma jmorru lura jħabbru l-Vanġelu.  Arrestati u interrogati mill-ġdid, Pietru jwieġeb hekk għat-theddid tas-Saċerdot il-Kbir: Jeħtieġ nobdu lil Alla mhux lill-bnedmin.  Imma s-saċerdoti dan ma jifhmuhx.

Dawn kienu dutturi, kienu studjaw l-istorja tal-poplu, kienu studjaw il-profeziji, kienu studjaw il-liġi.  B’hekk kienu jafu t-teoloġija kollha tal-poplu ta’ Iżrael, ir-rivelazzjoni ta’ Alla, kienu jafu kollox, kienu dutturi u ma kellhomx ħila jagħrfu s-salvazzjoni t’Alla.  Għaliex din l-ebusija ta’ qalb?  Għax mhix ebusija tar-ras, mhix sempliċi ras iebsa.  Hawn hi l-ebusija….. U nistgħu nistaqsu: liema hi t-triq ta’ din l-ebusija tar-ras, dan l-għeluq totali  tal-qalb u tal-moħħ?

L-istorja u l-vjaġġ ta’ din l-ebusija tar-ras, enfasiżża l-Papa, hi li wieħed jingħalaq fih innifsu, li ma jiddjalogax, hija n-nuqqas tad-djalogu.

Dawn ma kinux jafu jiddjalogaw, ma kinux jafu jiddjalogaw ma’ Alla għax ma kinux jafu jitolbu u jisimgħu leħen il-Mulej, u ma kinux jafu jiddjalogaw mal-oħrajn.  Imma għaliex qed ninterpreta dan b’dal-mod, staqsa l-Papa? Huma kienu jinterpretaw il-liġi u riedu jagħmluha aktar eżatta, imma kienu magħluqin għas-sinjali li Alla bagħat fl-istorja, kienu magħluqin għall-poplu tiegħU, għall-poplu tagħhom stess.

Kienu magħluqin għal kollox u n-nuqqas ta’ djalogu, dan l-għeluq tal-qalb, wassalhom biex ma jobdux lil Alla.  Dan hu d-dramm ta’ dawn id-dutturi ta’ Iżrael, ta’ dan it-teoloġi tal-poplu t’Alla: ma kinux jafu jisimgħu, ma kinux jafu jiddjalogaw.  Id-djalogu jsir ma’ Alla u mal-aħwa.

Is-sinjal li juri li persuna ma tafx tiddjaloga, li juri li persuna mhix miftuħa għal-leħen tal-Mulej, għas-sinjal li l-Mulej iwettaq fil-poplu tiegħu, hija r-rabja u l-ostinazzjoni li riedu jsikktu lil dawk kollha li, f’dal-każ, kienu qed jippritkaw in-novità ta’ Alla, jiġifieri li Ġesù irxoxta.

M’għandhomx raġun imma jaslu għal dan.  Huwa vjaġġ ta’ niket.  Dawn huma l-istess nies li ħallsu lill-għassiesa tal-qabar biex jgħidu li d-dixxipli kienu ħadu l-ġisem ta’ Ġesù.  Minn kollox jagħmlu biex ma jinfetħux għal-leħen ta’ Alla.

Waqt din il-quddiesa, spiċċa jgħid il-Papa Franġisku, nitolbu għal dawk l-imgħallmin, għad-dutturi, dawk li jgħallmu lill-poplu ta’ Alla, biex ma jingħalqux fihom infushom, biex jiddjalogaw u b’hekk jinħelsu mill-korla ta’ Alla għax jekk ma jibdlux l-atteġġjamenti tagħhom din il-korla tibqa’ fuqhom.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: