Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Meta nara lilek nieħu r-ruħ!

Meta nara lilek nieħu r-ruħ!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Kull sala tal-Isptar hija storja fiha nnifisha! Ġrajja li għandha bidu i\da mhux tmiem. Għaliex anki meta l-persuna tmut għal din il-ħajja l-fidi Nisranija tagħna tgħidilna li l-persuna tgħix għal dejjem.

Meta nżur is-sala tad-Dialysis persuna, li soltu tkun kwieta u ma tkellem lil ħadd meta tkun qiegħdha mqabbda mal-magna tad-Dialysis, tħobb tgħidli: “Meta nara lilek nieħu r-ruħ!” Darba minnhom fettilli nistaqsiha l-għaliex. U l-persuna, bit-tbissima fuq wiċċha, qaltli: “Għax Patri int dawl fid-dlam!”

Fraħt u faħħart lil Alla. Għaliex it-tweġiba tagħha fakkrittni fis-sentenza li jgħid Ġesù fil-vanġelu skont San Ġwann: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12). Li tkun pazzjent u pazzjenta, hi x’inhi l-kundizzjoni jew il-kawża taż-żamma tiegħek fl-Isptar, hija esperjenza tad-dlam. Min jaf x’se jsibli t-tabib? Min jaf jekk il-kura taqbilx miegħi? Min jaf jekk jgħaddilix malajr jew hux se nġebbed fit-tul? U min jaf hekk u min jaf hekk! Il-mard idaħħalna ilkoll f’abbiss tad-dlam. Dak id-dlam li jnissel fina dubji. Inċertezzi. Dlam li qatt m’hu sulu. Iżda imsieħeb minn dik il-biża’ fina li taf tnikkittna jew, talinqas, iġġib xi żewġ demgħat fuq għajnejna.

F’dan id-dlam tal-mard faċli ħafna naqgħu fl-istess sentimenti li waqa’ fihom s-salmista. Bħalu jiġuna jiem li fihom nibdew ngħidu: “Ninsab fil-hemm,  nfnew għajnejja minħabba d-dwejjaq, ruħi wkoll u l-ġewwieni tiegħi. Nfniet ħajti bl-għali, u bl-ilfiq is-snin ta’ ħajti; minħabba fil-hemm naqsitni saħħti, u tmermer għadmi kollu” (Salm 30:10-11). U, ta’ bnedmin, nibdew nokorbu biex il-Mulej jgħinna! X’taħsbu li l-Mulej jagħmel? Jisma’ t-talba tagħna. Jismagħha l-għaliex jibgħatilna lill-qaddej tiegħu, lill-Patri, lid-dixxiplu u l-qaddej ta’ Dak li Hu d-Dawl tad-dinja!

Permezz tal-kelma, li l-Ispirtu ta’ Alla jżejjen biha fomm il-Patri, il-Mulej jimliena bil-kuraġġ. Bit-tama. Bil-ferħ tal-preżenza kollha mħabba u fidila tiegħu. Fil-persuna ikkonsagrata tal-Patri aħna nilmħu lil Ġesù Kristu li jidħol ħdejna, jieqaf biswit il-couch tagħna u itawwal idejh lejna. Jistedinna biex nafdaw fih. Jassigurana li m’għandniex għalfejn nibżgħu! Għax, jekk huwa magħna, min hu kontra tagħna? Jekk isimna hu mnaqqax fuq il-pali ta’ jdejh minn se jagħmlilna l-ħsara? Il-kundizzjoni tista’ iddgħajfilna saħħitna imma qatt m’hu se toħdilna l-paċi li l-Mulej biss jagħtina fi qlubna!

Issa naf l-għaliex din il-persuna, meta tarani, tgħidli minn qiegħ qalbha: “Meta nara lilek nieħu r-ruħ”. Għaliex ma tkunx qiegħdha tara lil Patri Mario imma lil Dak li Patri Mario jirrappreżenta bil-persuna ikkonsagrata tiegħu stess. Mela, lil Ġesù Kristu! U tant kemm tieħu r-ruħ li dritt tirċievi r-Ruħ! Jiġifieri l-Ispirtu s-Santu!

Meta tgħaddi mill-widien mudlama tal-mard tiegħek tibżax. Anzi! Agħmel il-qalb! Ħares iva lejn il-Mulej u minn qalbek itolbu l-kliem mill-isbaħ tas-Salm 18: Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi; Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi. Bik jien negħleb il-qtajja’ ta’ l-għedewwa; bl-għajnuna ta’ Alla tiegħi nirbaħ is-swar! Amen!” (Salm 18:29-30).

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: