Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Kemm rabbejtna boloħ!

Kemm rabbejtna boloħ!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap

Mhux l-ewwel darba li ddur lejn ommha u tgħidilha, kważi bid-dmugħ f’għajnejha: “Mà! Kemm rabbejtna boloħ!”

Il-frażi għall-ewwel taħsdek! Niftakar f’dak li kien iħobb jgħid l-għażiż Missieri, Alla jaħfirlu, meta konna naraw xi film fejn l-attur l-inkwiet kien jivvintaħ. “Dak iblaħ!” kien jgħid. Jiġifieri “Dak ma jaħsibhomx!” U tassew! L-għaliex dak li l-attur ewlieni kellu f’moħħu ma kienx joqgħod bi kwietu qabel iwettqu sal-inqas naqra!

Imma meta din il-mara iddur lejn ommha u tgħidilha: “Kemm rabbejtna boloħ!” żgur li mhux qed tfisser għal din it-tip ta’ bluha! Qiegħdha tfisser tip ta’ valuri li għad-dinja tkun tassew iblaħ jekk isseggwihom. Ħu, ngħidu aħna, il-fedeltà. Illum jidħku bik jekk jarawk fidil lejn martek u żewġek. Ikun hawn min kważi jinbxek. U kif jista’ ikun li m’hemmx oħra jew ieħor minn wara l-kwinti? Waħda ta’ fuq ix-xogħol u l-oħra tad-dar. Wieħed għal quddiem in-nies u l-ieħor ta’ wara l-ħin. Daqskemm ma issibx lil min jidħak bik jekk dejjem tkun subgħajk dritt. Għandek ċans li dbil subgħajk fl-ilma tal-karti u int, l-għaliex għandek il-valur tal-onestà, tgħid: “Le!” Inkella żewġ żgħażagħ jiddeċiedu li ma jkollhomx x’jaqsmu bejniethom qabel iż-żwieġ. Ħalli meta jidħlu għaż-żwieġ jidħlu imħejjija biex jagħtu kollox lil xulxin. Jekk tax-xogħol ikunu jafu x’passata jgħaddu bihom! “Arahom! Qishom il-Patri u s-Soru! U qumu fuq tagħkom!”

Kummenti bħal dawn illum jiżdiedu mhux jonqsu. F’dinja fejn l-ewwel tgħidlek aqleb kull m’hawn u agħmel li jiġi għal idejk imbagħad, meta jfettlilha hi, bħal riħ bla xita, tibda’ iddoqq it-trumbetta bik! Stenna naqra! Għal min proprjament aħna ngħidu li jagħmel hekk? Mhux għax-xitan x’kull waħda! Mhux hu li jipprova jinfluwenza lid-dinja? Mhux hu li jwiegħed lid-dinja setgħa, flus u pjaċir? Biex imbagħad, wara li jkun illupjaha bi ħżunitu, jħalliha tarmi lilha nnifisha fil-belliegħa tal-infern? Li jibda’ minn din id-dinja?

Il-kelma ta’ Alla tħeġġiġna bil-qawwi biex ma ninġarrux mill-mentalità tallum fejn kollox jgħaddi. Fejn xejn mhu xejn. Fejn il-valuri u l-prinċipji saru tal-lastku. Basta ma turtax. Ma ġġiegħelx lil min irid iqattgħek għaliex tifaħlu għajnejh. Meta jikteb lill-Insara li kienu qegħdin jgħixu f’kultura permissiva u pagana għall-aħħar, jiġifieri lill-Insara ta’ Ruma, San Pawl jiktbilhom hekk: “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett” (Rum 12:2).

Ħbieb dan huwa eżerċizzju li rridu nibqgħu inwettquħ. Il-fidi tagħna qatt ma tħallina nikkuntentaw ruħna bil-biċċiet! Bil-laqx. Min il-fidi tiegħu jgħixha b’dan il-mod żgur li mhux ħa jasal li jduq il-qawwa tagħha. Tiftakru meta konna l-iskola x’kienu jgħidulna? “Studja biex iġġib il-mija. U mbagħad li ġġib iġġib”. Imma x’konna nagħmlu? Kien hemm fostna dawk li jimmiraw għall-ħamsin bit-tama li jġibuhom. U x’kien jiġrilhom? Kienu jibqgħu b’xiber imnieħer! Għaliex sa ħamsin ma kienux iwasslu! Imbagħad għal xejn il-biki! In-nervi. Il-jiem maqfula fil-kamra għaliex imnikkta jew imnikket minħabba r-riżultat!

Il-Kelma ta’ Alla tirrispettana għaliex tafdana. Tgħidilna biex ma nimxux le mal-mod kif trid timxi s-soċjetà. Mhux dak kollu li s-soċjetà tagħna iċċapċaplu u trewwaħlu jfisser li huwa tajjeb! Għalina l-Insara wieħed biss huwa tajjeb. Lejn eżempju wieħed biss irridu nħarsu. U leħen wieħed biss iridu nagħtu kasu. Dak ta’ Ġesù Kristu! Ġieli s-soċjetà tmur lura l-għaliex tisma’ diversi ilħna. U miskina titqarraq u tinġarr magħhom! Għalhekk it-tajjeb issejjaħlu ħażin u l-ħażin f’daqqa waħda sar tajjeb! Imma min iħobb tassew lil Ġesù aktar jissaħħaħ fil-valuri sbieħ li għallmuh/a l-ġenituri bħalma huma t-talb, is-sinċerità, il-fedeltà, is-safa, il-bżulija, l-għaqal, ir-rażan, il-maħfra, il-fidi, il-ħniena, l-onestà.

Nippreferi jgħajruni iblaħ għaliex inkun fis-sewwa milli jidħkuli jew jilqgħuni l-għaliex nixxala fil-ħażen. Toħodhiex bi kbira li min issa jgħajrek quddiem sħabu għad jiġi kutu kutu ħa tgħinu joħroġ minn xi bawxata! Il-ħażen jiġġarraf!

Mulej ibdilli moħħi fil-moħħ tiegħek. Agħtini l-grazzja nagħraf xi trid minni. U agħtini l-kuraġġ ħalli nwettqu. Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: