Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Id-demm tal-martri hu ż-żerriegħa tal-Insara

Id-demm tal-martri hu ż-żerriegħa tal-Insara


Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Fl-aqwa xogħol li qatt ħareġ mill-pinna ta’ Tertuljanu, jiġifieri l-Apologeticus (Id-difiża), f’kapitlu 50 ta’ dan ix-xogħol kbir dan il-kittieb Nisrani jistqarr: “Id-demm tal-martri hu ż-żerriegħa tal-Insara”. Ma ninsewx li f’din id-difiża eċċellenti dan l-awtur Nisrani prolifiku tal-aħħar tat-tieni u l-bidu tat-tielet seklu tal-Kristjaneżmu f’Kartaġni kien qiegħed jitlob lill-istat biex jitollera legalment il-Kristjaneżmu. Tertuljanu ried li l-Insara jkunu almenu ittratti daqs il-membri ta’ settet oħra fi ħdan l-istess Imperu Ruman.

Qatt daqs iż-żmien li qiegħdin ngħixu fih bħalissa l-kliem ta’ Ġesù Kristu: “Mbagħad jagħtukom f’idejn min iħabbatkom u joqtolkom; u l-ġnus kollha jsiru jobogħdukom minħabba f’ismi” (Mt 24:9) ma sar daqshekk ħaj u attwali. Il-qtugħ tal-irjus, it-tortura, l-istupri, il-ħtif, il-qil tal-massa, nies jitħallew bil-ġuħ, il-ħabs u, saħansitra, it-tislib tan-nies innoċenti sempliċiment l-għaliex huma Insara juri tabilħaqq li l-persekuzzjoni tagħna l-Insara ma intemmitx taħt is-salib jew fil-gradi magħluqa tal-Kolossew Ruman.

Dan l-aħħar id-dinja reġgħet ħadet dehxa oħra meta, nhar il-Ħamis 2 ta’ April, nhar Jum Ħamis ix-Xirka, irġiel armati daħlu f’Garissa University College f’Garissa fil-Kenja. Huma qatlu mill-anqas 148 persuna u ferew mas-79 persuna jew aktar. Il-grupp militanti li ħareġ mill-organizzazzjoni terroristika Al-Qaeda, jiġifieri Al-Shabaab, ħa r-responsabbiltà għal dan l-attakk feroċi. Irġiel armati ħatfu ‘l fuq minn 700 student. Ħelsu lill-istudenti Musulmani kollha u qatlu, kiesaħ u biered, lil dawk li intebħu bihom li kienu Insara. L-assedju għalaq f’dik il-ġurnata stess wara li l-erba’ irġiel armati ġew maqtula. Skont il-Ministeru tal-Intern Kenjan erba’ irġiel armati poġġew magħhom għadd ta’ splussivi u ħadu lill-istudenti Insara bħala ostaġġi. Għejjun tal-informazzjoni qalu li meta t-terroristi staqsew lill-istudenti fuq il-kampus jekk kienux Insara, jekk dawn weġbuhom iva, mill-ewwel sparaw fuqhom. Il-massakru ġie ikkundannat mill-Komunità Internazzjonali, inklużi l-Istati Uniti, li offriet lill-Kenja kull għajnuna biex tiġġieled lill-grupp terroristiku.

F’telegram li bagħat nhar l-għada l-Ġimgħa, Jum il-Ġimgħa l-Kbira, it-3 ta’ April, lill-Kardinal John Njue, li huwa l-president tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Kenya, permezz tas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, Papa Franġisku esprima s-sogħba personali tiegħu għal dan il-massakru vjolenti. It-telegram qal: “Imnikket għall-aħħar bit-telfa kbira u traġika ta’ ħajja ikkawżata mill-attakk riċenti fuq Garissa University College, il-Papa jibgħat l-assigurazzjoni tiegħu ta’ talb u viċinanza spiritwali tiegħu mal-familji tal-vittmi u mal-Kenjani kollha f’dan iż-żmien ta’ uġiegħ”.

It-telegram issokta jgħid li l-Papa offra l-erwieħ ta’ dawk li sfaw mejta lill-ħniena infinita ta’ Alla li jista’ kollox. Il-Papa jitlob li dawk li jinsabu imnikktin minħabba l-għeżież tagħhom li nqatlu f’dan l-attakk ikunu imfarrġa fit-telfa li ġarrbu. It-telegram jgħid: “F’għaqda man-nies kollha ta’ rieda tajba madwar id-dinja, il-Qdusija tiegħu jikkundanna dan l-att ta’ brutalità bla sens u jitlob għal bidla fil-qalb ta’ min wettqu”. Il-messaġġ għalaq billi qal li l-Papa “jappella lil dawk li qiegħdin fl-awtorità biex jirdupjaw l-isforzi tagħhom biex jaħdmu mal-irġiel u n-nisa fil-Kenja ħalli jtemmu vjolenza ta’ din ix-xorta. U li jħabirku ħalli jkun hemm għodwa ta’ żmien ġdid ta’ fraternità, ġustizzja u paċi”.

Minn naħa tiegħu, l-Isqof Malti ta’ Garissa u ħija fl-Ordni Franġiskan Kapuċċin, Monsinjur Joe Alessandro, irringrazzja u faħħar lin-nies li, minkejja l-attakk li sofrew mill-militanti Iżlamiċi, xorta waħda marru l-Knisja f’Garissa. “Grazzi li ħafna minnkom ġejtu”, qal Monsinjur Alessandro lill-kongregazzjoni preżenti.  Ma ninsewx li l-attakk fl-Università ta’ Garissa seħħ biss daqs tefgħa ta’ ġebla ‘il bogħod min fejn l-Isqof Alessandro jgħix. L-Isqof Alessandro qal li uħud minn dawk li mietu nhar Ħamis ix-Xirka kienu se jkunu preżenti mal-komunità Kattolika għall-funzjonijiet. Fid-diskors tiegħu l-Isqof Alessandro qara messaġġi ta’ kondoljanzi li rċieva mid-dinja kollha. Huwa qabbel dak li għadda minnu Ġesù Kristu, li s-Solennità tal-Għid tfakkar bil-qawwa kollha, ma’ dak li għaddew minnu l-Insara f’Garissa.

Rigward il-vittmi Monsinjur Alessandro qal: “Aħna ngħaqdu t-tbatijiet tal-familjari u l-vittmi mat-tbatijiet ta’ Ġesù. Il-vittmi se jqumu mill-ġdid ma’ Kristu”. X’sinsla ta’ Isqof li jibqa’ viċin tal-merħla tiegħu! Anki jekk jaf li t-terroristi, kif esprima l-Isqof Alessandro, “ma tafx min huma. Jistgħu jkunu l-ġirien tiegħek”.

Xhieda oħra qawwija ta’ Isqof ieħor ta’ sinsla hija dik tal-Franġiskan Monsinjur Silvestru Magro, l-Isqof ta’ Benghazi fil-Libja. Minkejja li l-Libja saret tejatru tal-mewt l-Isqof Magro xorta waħda irritorna lejn il-merħla tiegħu. Biex jibqa’ jħarisha bil-preżenza paterna tiegħu. Meta waqaf fi triqtu lejn il-Vatikan għall-Konferenza Reġjonali tal-Isqfijiet tal-Afrika ta’ Fuq Monsinjur Magro qal li hu kien se jerġa’ lura lejn il-merħla tiegħu minkejja l-biżgħat li għandu li jinqabad f’xi bomba għall-għarrieda jew attakk bil-missili. Fil-konferenza stampa li ta hawn Malta fi triqtu lejn Ruma l-Isqof Magro qal: “Fil-gwerra l-fazzjonijiet jmorru f’areas differenti. Huma jitilfu. U jerġgħu jiksbu artijiet. U jgħidu li ħadu oħrajn ġodda. U int tibda’ taħseb – aħna jmiss. L-area tagħna jmiss. Nibża’ meta jkun hawn il-bumbardamenti. Meta nisimgħu dawk l-isplużjonijiet kbar ngħidu – daqshekk. Imma s’issa skansajnieha. Bis-saħħa tal-ħniena ta’ Alla”.

Dan l-aħħar Papa Franġisku awgura li “din il-persekuzzjoni kontra l-Insara, li d-dinja tipprova taħbi, tispiċċa u jkun hawn il-paċi”. Mhux biss. Imma n-numru tal-Insara se jikber bil-bosta!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: