Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Jekk għandek salib ġorru mhux tkaxkru!

Jekk għandek salib ġorru mhux tkaxkru!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap

In-nofsiegħa ta’ filgħodu. Idoqq il-pager. Immur f’waħda mis-swali tal-isptar. Iddaħlet omm anzjana. Bintha mħawda. Ma tafx x’ser taqbad tagħmel.

Il-ħin jibda’ għaddej. Nasal fis-sala. Nidħol. Nistaqsi għall-persuna. “Għandha bżonn il-Griżma tal-Morda”. Immur biswit l-omm. Il-bint tidħol miegħi. Tibda’ titlob miegħi hi wkoll. Hija mara li temmen. Mela fis-saram żgur li se ssibha issejjaħ l-Isem Qaddis u Adorabbli tal-Mulej Ġesù biex isalvaha. Id-dmugħ beda nieżel ma’ ħaddejha. Iebsa li tara lil ommok sejra lura bil-minuti f’saħħitha. Iebsa! Imma din hi l-ħajja. Min xi darba twieled se tasallu wkoll is-siegħa li għad iħalli dan il-Wied ta’ dmugħ.

Wara t-talba ħriġna minn ħdejn ix-xiħa. U din il-mara tgħidli, jew aħjar tgħallimni lezzjoni importanti għal ħajti kollha. Nittama li tkun ukoll għalik. “Patri”, tgħidli. “Taf x’kienet tgħid ommi? Jekk għandek salib ġorru. Mhux tkaxkru!” Avolja kien hemm siekta kbira fis-sala. Ma ninsewx! Kienu biss l-ewwel minuti ta’ jum ġdid. Madankollu s-sala donnha imtliet. Imtliet mhux bin-nies li kliemhom ikun fil-vojt. Għalhekk jiżvojta malajr. Iżda bil-Kelma qawwija u setgħana ta’ Dak li qal u għadu jgħid sal-ġurnata imqaddsa tallum: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mk 8:34). Interessanti li din il-frażi Ġesù qalha billi “sejjaħ lejn in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu” (Mk 8:34). Donnu San Mark irid jgħidilna li biex tkun Nisrani u Nisranija m’għandekx għalfejn tkun tħokk mal-Mulej. Hemm bżonn biss li tgħix din il-kundizzjoni li qed jagħtina Ġesù Kristu.

F’dawn il-jiem imqaddsa se naraw ħafna slaleb. Uħud żgħar. Oħrajn kbar. Slaleb ta’ kull daqs. Slaleb tal-ġebel. Tal-injam. Saħansitra tal-fidda u tad-deheb. Slaleb jixgħelu u mitfijin. Huma ta’ liema materjal huma. Anki jekk uħud minnhom ilellxu, slaleb jibqgħu. Il-Malti jgħid: “L-ebda warda m’hi bla xewka”. Int min int. Int x’kariga tokkupa. Taf kemm taf skola. Jew taf kemm taf tuża’ moħħok jew idejk għas-sena. Anki jekk taf tqiegħed id-diskors, għandek is-salib x’iġġorr. Attenti ħuti! Din il-mara qalet x’iġġorr u mhux xi tkaxkar!

Ħafna drabi s-salib tiegħi inkaxkru. U tant kemm inkaxkru li nibda’ nirraġuna: “Xi trid tagħmel! Minn dak hemm!” Dan it-tip ta’ raġunament iwassalni f’punt li ngħid: “Iddardarx l-għajn li trid tixrob minnha”. Mela mhux ħa nagħmel hekk l-għaliex se nbati xi konsegwenzi. Jew penalità. Jekk se nibqa’nirraġuna hekk se nibqa’ ngħix b’dieqa kbira f’qalbi. U mhu ħa nikber qatt! Se nibqa’ nippretendi li japprezzawni. Li kollox jiġi favurija. U meta l-affarijiet ma jiġux kif nixtieq jew se nilgħabha tal-vittma jew tal-miskin. Inkella se nirvella u nivvendika ruħi. Bil-goff jew bil-pulit! Imma mod ta’ mġieba ta’ din ix-xorta destinazzjoni waħda għandu: Għal ġol-ħajt! B’għajnejja miftuħa għalkemm magħluqa!

Għal min jemmen jeżiżti mod ieħor. Il-mod ta’ Ġesù! L-evanġelista Ġwanni speċjali taħt ħafna aspetti. Wieħed minnhom hu żgur meta jirrakonta kif Ġesù ġarr is-salib. Ġwanni jgħid: “Ġesù rafa’ s-salib u ħareġ lejn il-post imsejjaħ ‘il-Qorriegħa’, bil-Lhudi Golgota” (Ġw 19:17). Din il-biċċa li Ġesù rafa’ s-salib u mhux tefgħu fuq ħaddieħor biex jerfagħulu hu tfakkarna f’dak li Ġesù stess kien qal fil-vanġelu skont San Luqa: “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi” (Lq 14:27).

Ġesù wettaq dan kollu. Huwa nnifsu “rafa s-salib” (Ġw 19: 17). Imma b’liema mod? Billi, fi tbatijietu, baqa’ jistabar, iħenn. Baqa’ umli. Ma fittixx dak li hu tiegħu. Ma żammx f’qalbu għad-deni. Baqa’ jagħder, jemmen, jittama u jissaporti (ara 1 Kor 13:4-8). Għaliex talab baqa’ jemmen li “l-imħabba ma tintemm qatt” (1 Kor 13:4-8). B’mod speċjali fl-eħrex tbatija u uġiegħ bħalma hi l-mewta tas-salib. Għalhekk, fil-film The Passion of the Christ, Ġesù lis-salib jgħannqu miegħu u mhux jagħtih bis-sieq! Jgħannqu l-għaliex minfuqu l-aktar li ħabbna! Tant li bih salvana!

Offri t-tbatijiet li jġagħlek tbati salibek għall-konverżjoni tal-midinbin! Ħobb b’salibek! Grazzi li bi tbatijietek se tifdi miegħek lili wkoll!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: