Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Ibqa’ wieqfa!

Ibqa’ wieqfa!


Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Wieqfa! Taħt is-Salib! Il-Mara imnikkta. Il-Mara mweġġa’. Mill-ingratitudni tal-bniedem lejn Binha Mislub. Il-Mara li dejjem fittxet li tkun hemm għalih. Li ssalvah. Li tħarsu minn kull periklu. Imma issa ma setgħet tagħmel xejn. Għajr li tarahom ibiċċruhulha. Isallbuhulha. Saħansitra jifduhulha. Taħt għajnejha stess!

Sa minn meta kien daqs naqra, tarbija, x-xitan ried jeqridhula. Erodi raħ żejjed. U le! X’jien ngħid? Pinġih bħala l-perċimes tal-għedewwa tiegħu. U tafu l-għaliex dan kollu? L-għaliex beża’ li dan it-tfajjel tarbija kien se joħodlu s-saltna. Malajr qatagħha l-problema tafux! Bagħat joqtol is-subjien kollha minn sentejn l-isfel. B’tant kefrija! U ħruxija! Fejn tasal hux qalb il-bniedem? U dan l-ispettaklu makabru tad-dmija tafu l-għaliex seħħ? L-għaliex it-tifel kien il-Prinċep tas-Sliem!

Kos hux! Kemm għandha għedewwa il-paċi! Għaliex li noqtol. Li nħanxar l-irjus. Li nidres fuq id-drittijiet ta’ nies innoċenti. Li nisraq. Li nwettaq kull xorta ta’ ħażen lejn min hu vulnerabbli u dgħajjef jagħmel ħoss! U mhux b’dawn il-ġrajja li jinbiegħu l-gazzetti x’kull waħda!

Hemm araha nieżla! Dik id-demgħa siekta! Tal-Mara bla dnub. Tal-Mara li ħajjitha dejjem kienet IVA waħda, minn fuq s’isfel, għal dak li hu sewwa. Ħniena. Mogħdrija. Ħlewwa. Sabar. Maħfra. Anki jien, minfejn jien moħbi, biċ-ċoqqa fqajra fuq dik l-Għolja tat-tbatija, qiegħed nilmaħ lil Mara taqsam qalbha fit-tifsira stess ta’ isimha. Baħar ta’ mrar!

U, għidli int, ħija u oħti, jekk, f’dik il-Mara twajba, sinċiera u ħanina, hemmx ukoll rappreżentata l-qalb mifnija ta’ kull omm. Tgħidlix li f’dik id-demgħa, nieżla bħal xmara, minn għajnejha miksura, ma tilmaħx int ukoll id-demgħa tal-omm li tilfet it-tarbija tagħha fit-tqȃla. Jew waqt il-ħlas. Ma tarax bħali ukoll id-demgħa tal-omm li serqulha lil binha u dawruh f’ostaġġ. Biex imbagħad, wara tant jiem u xhur ta’ stennija, tarah fuq l-Internet b’rasu mħanxra. Hekk! Għal xejn b’xejn!

Taħsibx li dik id-demgħa m’hijiex ukoll fil-qalb ta’ dik l-omm li, minkejja l-imħabba li tat lil binha jew bintha, dan u din spiċċaw fil-ħabs. Ħtija li ħallew il-kumpanija ħażina li ġarrithom bla ħniena fl-isqaq tal-ħażen u r-rovina. Lanqas ma rridek tinsa’, int, li bħali iddemmgħa għajnejk bid-dmugħ tan-niket għal din l-Omm kollha mħabba, f’dik l-omm li qiegħdha rikoverata f’waħda mid-djar tal-anzjani. Kemm għamlet għal uliedha! Isallbet bħall-Mislub għalihom! Kemm iċċaħdet biex rabbiethom sewwa u tagħtihom futur mill-isbaħ. Qagħdet bil-ġuħ hi biex uliedha jilħqu! Imma biex ħallsuha? Tefgħuha f’home! U qajla jmorru iżuruha. Kważi kważi lanqas huma interessati jekk għadhiex ħajja jew mejta!

Imbagħad, u hawn jagħqad kollox, tgħidlix li d-dmugħ tal-Omm fuq il-Kalvajru ma jfakkrikx ukoll fid-dmugħ il-omm li għadha kemm difnet lil wieħed jew waħda minn uliedha! X’niket hux! X’qasma ta’ qalb!

Imma anki jekk minġel il-mewt, ħassadi kemm tridu, baqa’ jwettaq il-kiefer xogħlu, wasal fl-aħħar it-tielet jum! Il-jum tal-Qawmien għall-ħajja! Il-jum fejn l-Omm dmugħha inbidel f’ferħ! Bħalma għad jinbidel dmugħek ja omm li għalissa tibki. Meta tiltaqa’ fil-ġejjieni ma’ wliedek fil-glorja tas-sema. U anki jekk, għalissa, għadek ma tistax tarahom, ngħidlek jien, għaliex ġarrabtha, il-ħsieb biss li se tiltaqa’ magħhom idawwarlek dmugħek imnikket f’wieħed ta’ faraġ! Serħan! Paċi!

Mela, … ibqa’ wieqfa Mà!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: