Home > Djalogu bejn żewġt aħwa > Djalogu bejn żewġt aħwa

Djalogu bejn żewġt aħwa


Preambolu

Għażiz Ħija,  il-laqgħa li tana l-Mulej f’dawn l-aħħar jiem permezz ta’ dan il-mezz ta’ teknoloġija, nissel fija ferħ għall-fatt li miegħek għandi opportunità oħra biex nitkellem dwar il-Mulej Ġesù b’qalb miftuħa ma’ wieħed minn ħuti li huma wkoll għandhom ġenn għalih.

  • Xtaqt li dan id-djalogu li għadu kif beda bejnietna jgħin lilna t-tnejn ħalli niskopru dejjem aktar lil Dak li nħobbu.  Li jiftaħ bejnietna spirtu ġdid ta’ ħbiberija u fraternità li jqarribna aktar lejn xulxin, bħala wlied l-istess Missier li għamilna lkoll xbieha tiegħu, bħala l-aħwa ż-żgħar ta’ dan Ħuna l-Kbir, bħal tempji indenji tal-istess Spirtu Qaddis.
  • Irrid li nidħol għal dan id-djalogu ta’ bejnietna bi spirtu ta’ umiltà, bla ebda pretensjoni fija u fl-istess waqt b’kunvinzjoni qawwija li jiena stess għad fadalli ħafna fejn irrid niskopri lill-Mulej f’ħajti u ħafna fejn jeħtieġli noqrob lejh.
  • Ħadd minna ma huwa l-verità.  Il-Verità huwa Hu biss, u aħna jkollna l-verità meta jkollna Lilu.  Għalhekk jekk b’dan id-djalogu ta’ bejnietna nistgħu inressqu aktar lil xulxin lejH, allura inkunu qegħdin ukoll nersqu lejn il-Verità f’ħajjitna.
  • Nistqarr miegħek b’sinċerità kbira li jiena midneb, li fija hemm l-effett tad-dnub, li anke jiena fadalli ħafna fejn jeħtieġli nikkonverti, imma nemmen ukoll fl-istess waqt fil-Ħniena Infinita tiegħu, li permezz tal-grazzja tiegħu qiegħed kuljum jsejjaħli lejh u jnewwilli idu biex jgħinni fil-pass li jmiss.
  • Nemmen li huwa biss is-Salvatur tiegħi u tagħna.  Ma hemm ebda salvazzjoni jekk mhux permezz tiegħu. Imma nemmen ukoll li jiena jeħtieġli nikkopera mas-salvazzjoni tiegħu inkella għalija din tisfa fix-xejn.  F’ħajti tkun bħal ġawhar mixħuta qalb il-qżieqeż [Mt 7:6].
  • Nemmen ukoll fil-Komunità tal-aħwa, dawk kollha li jemmnu fl-Isem ta’ Ġesù u li jridu jimxu warajh.  Nibki f’qalbi meta niftakar fil-firdiet ta’ bejnietna, u nitkexkex bil-biża li jiena stess qatt stajt inkun mezz ta’ firda.  Għalhekk, f’rabta mat-talba tal-Mulej lill-Missier, biex aħna nkunu lkoll ħaġa waħda, [Ġw 17:21], nitlob jiena wkoll biex dan iseħħ f’ħajti u f’ħajjitna u bl-għajnuna t’Alla rrid nagħti s-sehem żgħir tiegħi biex dan iseħħ. B’hekk biss tista’ d-dinja temmen li Huwa hu l-mibgħut tal-Missier.

Fl-aħħarnett nixtieq nitolbok, li jekk f’xi mument tad-djalogu tagħna tintebaħ li jiena qiegħed nitbiegħed minn dak li ktibtlek hawn fuq, allura inti tikkoreġini ħalli ma mmurx infixkel dak li Huwa beda f’ħajjtna u b’hekk  ma nħallihx iwasslu fi tmiemu.  Napprezza ħafna l-kummenti tiegħek dwar dan li ktibtlek hawn fuq.

Inħeġġek ħafna biex titlob għalija.  Ħajr.

joe farrugia

  1. Charles
    May 24, 2015 at 5:48 pm

    Joe, grazzi hafna tal-kummenti tieghek u tal-laqgha li kellna. Hadt pjacir niddiskuti mieghek imma xorta bqajt ma fhimtx ghaliex intom il-kattolici tatu bniedem iehor bhalna dak li huwa biss ta’ Alla. Ahna nemmnu li l-Iskrittura hija spirata u hija infallibbli. Ghalina hija l-uniku sors ta’ verita’ u ma hemmx iehor hliefha. Imma intom tghidu li l-Papa huwa infallibli u aktar temmnu lilu milli l-kelma t’Alla. Kif nista’ naccetta’ din? Ghalija din hija wahda mid-differenzi l-kbar li hemm bejnitna. Hemm affarijiet ohra, imma din hi wahda mill-kbar. Tislijiet.

    • May 24, 2015 at 7:19 pm

      Għażiż Charles, grazzi ħafna ta’ dak li ktibli. Apprezzajtu!

      Anke jiena fraħt bil-laqgħa li kellna u bl-istedina tiegħek għal dan id-djalogu bejnietna. Wara kollox iltqajna biex nitkellmu dwar dak li nemmnu fih. Nittama li ma ndumux ma nerġgħu niltaqgħu.

      Nifhem dak li ktibli u r-reazzjoni tiegħek dwar l-Iskrittura għaliex kif taf tajjeb inti, anke aħna l-kattoliċi nemmnu li l-Kotba Mqaddsa huma mnebbħa mill-Ispirtu s-Santu li ħares lill-kittieba sagri biex jiktbu dak kollu li riedhom jiktbu hu, u biex jiktbuh bla żball.

      Awtorità li tfisser il-Bibbja
      Imma dan ma jnaqqas bl-ebda mod il-bżonn ta’ awtorità li bla ma żżid jew tmur kontra dak li hemm miktub fil-Kotba Mqaddsa, tfisser din il-kitba u tgħinna napplikawha għaċ-ċirkustanzi ta’ żmienna.

      Minn żmien għal żmien jinqalgħu ċirkustanzi li fil-Bibbja ma nsibu xejn miktub dwarhom, fost dawn hemm materji bioetiċi ta’ żmienna, IVF, cloning, u tant oħrajn. Il-Mulej Ġesù li jaf in-natura tal-bniedem, kien jaf li matul is-sekli se jqumu ċirkustanzi li jkollhom bżonn ta’ gwida. Għalhekk qabel mar lura għand il-Missier huwa ħallilna lil Pietru u lill-Appostli l-oħra u għabbihom bir-responsabiltà mhux biss li jxerdu l-fidi, imma wkoll li jħarsuha fl-integrità tagħha.

      Inti taf li l-ewwel komunità nisranija ma kellhiex il-kotba tat-Testment il-Ġdid sa mill-bidu tagħha. Qabel bdew jinkitbu dawn il-kotba, it-tagħlim tal-Imgħallem kien imwassal bil-fomm. U kien b’dan il-mod li wasal f’kull parti tad-dinja ta’ dak iż-żmien. Għalhekk nistaqsi jiena, kieku l-Bibbja hija l-uniku għajn ta’ verità, allura dawk l-insara, fuq xhiex kienu jimxu? Għax it-Testment il-Ġdid kien għadu mhux miktub.

      Min stabilixxa l-lista ta’ kotba tal-Bibbja?
      Imma hemm fattur ieħor, li jiena nqisu ta’ importanza kbira. Aħna t-tnejn qbilna li l-Bibbja kollha sspirata. Imma xi tgħidli għall-indiċi li hemm quddiem nett. Kif nafu jew x’garanzija għandna li l-lista tal-kotba li hemm fil-Bibbja hija korretta. Il-kotba tal-Bibbja nfushom ma jgħidu xejn dwar dan. Min qalilna li l-kotba tal-Bibbja huma biss dawk u li ma hemmx oħrajn? Min qalilna li m’hemmx kotba żejda jew nieqsa f’dik il-ġabra?

      Nafu li l-lista ta’ kotba li hemm fil-Bibbja, kienet stabbilità mill-Knisja. U allura kieku l-Knisja ma kienetx infallibli meta għamlet dan, allura dik il-lista tista’ tkun żbaljata. Ma nafx spjegajtlekx tajjeb l-argument tiegħi.

      Dak li tgħid il-Bibbja stess.
      Imma hemm argument ieħor li xtaqt nirreferik għalih u dan meħud mill-Bibbja nfisha. Intom tgħidu li l-Bibbja hija l-uniku pilastru tal-verità. Fl-ewwel ittra tiegħu lil Timotju, San Pawl kiteb li hija l-Knisja, “il-kolonna u pedament tal-verità”. Kif tara dan tiddikjarah b’mod infallibbli, il-Bibbja stess.

      Huwa propju minħabba dawn u minħabba diversi argumenti oħra li l-Knisja Kattolika temmen u tgħallem li l-għejjun tar-Rivelazzjoni minn Alla huma tnejn, waħda hija l-Bibbja (u dan naqblu fuqu), imma minbarra din hemm ukoll it-Tradizzjoni. U hija din it-Tradizzjoni li tatna l-Bibbja u ssaħħaħ l-importanza u l-infallibiltà tagħha.

      Minn qalbi nawguralek kull ġid. Sakemm nerġgħu niltaqgħu, nitolbu għal xulxin.

      joe

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: