Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Żjara ta’ tama

Żjara ta’ tama


Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Nhar is-Sibt 21 ta’ Marzu Papa Franġisku għamel żjara mill-aktar sabiħa u profetika fin-naħa ta’ fuq ta’ Napli, f’żona li jisimha Scampia. Huwa maħsub li l-organizzazzjoni kriminali Camorra għandha l-kontroll ta’ din iż-żona. F’din iż-żjara l-Papa iltaqa’ mal-priġunieri li qiegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Paggioreale. Żar is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompei u iltaqa’ maż-żgħażagħ f’wieħed mill-isbaħ postijiet tal-Italja, jiġifieri dak tal-Lungomare Caracciolo. Beħsiebni insemmi xi ħsibijiet qawwija li għaddilna l-Papa tul din iż-żjara tiegħu li laqgħtuni.

Lill-priġunieri taċ-Ċentru ta’ Detenzjoni Giseppe Salvia ta’ Poggioreale, il-Papa qalilhom hekk:

“Għeżież ħuti, naf bis-sitwazzjonijiet ta’ wġiegħ tagħkom. Nirċievi ħafna ittri, uħud minnhom tassew li jikkommovuk, minn għadd ta’ ħabsijiet madwar id-dinja. Il-priġunieri, ħafna drabi, huma miżmumin f’kundizzjonijiet li ma jixirqux lill-persuna umana. U imbagħad ma jirnexxilhomx jintegraw [lill-priġunieri] fis-soċjetà. Imma, niżżu ħajr l’Alla, hemm ukoll mexxejja, kappillani, edukaturi, ħaddiema pastorali li jafu jkunu viċin tagħkom b’mod tajjeb. U hemm xi esperjenzi tajbin u input li jagħmel sens. Hemm bżonn li nħarsu lejn dan. Biex niżviluppaw dawn l-esperjenzi pożittivi. Dawn ikabbru attitudni differenti fil-komunità ċivili u anki fil-komunità tal-Knisja. Fil-qiegħ ta’ dan l-impenn hemm il-konvinzjoni li l-imħabba tista’ dejjem tibdel lill-persuna umana. U imbagħad, bħala post ta’ marġinalizzazzjoni, fis-sens negattiv, il-ħabs jista’ isir post ta’ inklużjoni u stimolu għas-soċjetà kollha. L-għaliex isir aktar ġust u attent għan-nies”.

Lir-residenti ta’ din il-Faċilità Papa Franġisku ħeġġiġhom bis-sħiħ sabiex jgħixu fil-preżenza ta’ Alla. “Nistedinkom biex tgħixu kuljum, kull mument, fil-preżenza ta’ Alla. Li lilu l-ġejjieni tad-dinja u tal-bniedem imiss. Hawn qiegħdha t-tama Nisranija: il-futur qiegħed f’idejn Alla! L-istorja tagħmel sens l-għaliex hija mgħammra mit-tjubija ta’ Alla. Għalhekk, anki fil-qalba ta’ ħafna problemi, anki dawk serji, ma nitilfux it-tama tagħna fil-ħniena infinita ta’ Alla u fil-provvidenza tiegħu. Ma’ din it-tama ċerta ejjew … immexxu ħajjitna lejn il-Mulej u nżommu ħajja fina il-fjamma ta’ mħabbtu”.

It-tama ta’ Ġesù Kristu li ġab f’Napli l-Papa Franġisku kienet anki għas-saċerodoti, reliġjużi u persuni ikkonsagrati irġiel u nisa, li saret fil-Kattidral tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija fejn hemm l-urna bid-demm ta’ San Gennaro, il-qaddis padrun tal-belt. Ma’ dawn il-Papa kien mingħajr kantunieri. Kellimhom minn qalbu u mhux mill-karta!

Il-Papa faħħar l-entużjażmu tar-reliġjużi irġiel u nisa, l-aktar tax-xjuħ li qal li qiegħdin jimxu “fuq il-passi ta’ Kristu”. Filwaqt li saħaq fuq il-bżonn li jagħtu xhieda permezz tal-ħajja reliġjuża tagħhom il-Papa qal li Kristu għandu jkun fiċ-ċentru. Filwaqt li ħeġġiġhom biex ma jinqabdux fi ġlied jew nuqqas ta’ ftehim kontra s-superjuri jew kollegi tagħhom il-Papa qalilhom: “Li tħalli kollox biex ma tagħmilx familja, ma jkollokx ulied, ħajja taż-żwieġ, dawn kollha sbieħ. Imma li tispiċċa tiġġieled ma’ isqof, saċerdot jew lajċi, b’ħafna rabja, dan m’huwiex sewwa”. Għalhekk, il-Papa insista mill-ġdid: “Ġesù jinħtieġ li jkun fiċ-ċentru”.

Papa Franġisku ħeġġeġ ukoll lis-seminaristi biex jagħmlu l-istess. “Ngħidilkom ħaġa waħda. Jekk m’għandkomx lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ ħajjitkom ippostponu l-ordinazzjoni tagħkom. Jekk mintomx ċerti li Kristu huwa fiċ-ċentru stennew ftit ieħor ħalli tkunu ċerti. Jekk m’intomx ċerti se tibdew triq li ma tafux kif se tispiċċa”. Filwaqt li issokta d-diskors tiegħu l-Papa qal li biex is-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-persuni ikkonsagrati jpoġġu lil Kristu fiċ-ċentru jeħtieġilhom, l-ewwel nett, imorru għand Ommu, l-Imqaddsa Verġni Marija. “Is-saċerdot, l-isqof, ir-reliġjuż li ma jitlobx lill-Ommna Marija, li ma jitlobx ir-Rużarju […], l-Omm mhux se tkun kapaċi tagħtih lil Binha. Iċ-ċentru u l-essenza ta’ Marija hija li hi omm, li tagħtina lil Ġesù”.

Laqatni wkoll il-fatt li wara li l-Papa Franġisku żar il-Belt ta’ Pompeii mill-ewwel żar l-area sportiva ta’ Scampia. Hawnhekk il-Papa, fil-preżenza tal-Arċisqof ta’ Napli, il-Kardinal  Crescenzio Sepe, ikkonfronta bi qlubija suġġetti jaħarqu bħall-kriminalità, il-qagħad u l-immigrazzjoni.

Il-Papa beda r-rimarki tiegħu billi qal: “Xtaqt nibda iż-żjara pastorali tiegħi f’din il-periferija”. Filwaqt li ammetta li l-ħajja f’Napli qatt ma kienet faċli Papa Franġisku qal li qatt ma kienet imdejqa lanqas. Lil dawk preżenti qalilhom: “Il-ferħ tagħkom huwa teżor”. Madankollu, filwaqt li semma r-rata għolja ta’ kriminalità f’din iż-żona, il-Papa irrimarka: “Min jagħżel it-triq tal-ħażen iċaħħad lilu nnifsu u lill-oħrajn mit-tama!” Papa Franġisku qal li l-ħażen jista’ jisraq “biċċa” mit-tama. Iżda “qatt m’għandu l-aħħar kelma”.

Fid-dawl tal-immigrazzjoni u l-isfidi tal-qagħad f’din il-Belt Taljana l-Papa staqsa: “Hemm bżonn tassew ngħidilkom li l-immigranti huma wlied Alla? … L-immigranti huwa ċittadini tat-tieni klassi?” “Le!” il-Papa wieġeb. “L-immigranti huma ċittadini bħalna!” Fid-diskors spontanju tiegħu l-Papa qal li ħadd minna m’għandu dar permanenti fuq din l-art. “Aħna ilkoll immigranti!” qal. Din ir-rejaltà hija parti minn dak li aħna.

Filwaqt li semma ċ-ċifra ta’ 40 fil-mija li huma qiegħda f’dawn l-inħawi Papa Franġisku qal: “In-nuqqas ta’ xogħol għaż-żgħażagħ hija problema gravi għas-soċjetà. Il-qagħad jisraq id-dinjità tal-persuna”. Huwa saħaq li meta r-rata ta’ dawk qiegħdha tispara ‘l fuq in-nies jispiċċaw sfruttati. Jiġu “ridotti għall-jasar” b’ħafna sigħat u bi ftit ħlas. Il-Papa ħeġġiġhom biex “jiġġieldu għal xogħol diċenti!” u għad-dinjità li tixirqilhom.

Huwiex il-messaġġ ta’ din iż-żjara ta’ tama? Anki għalina f’Malta?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: