Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Is-Sibt Qaddis tal-Għid

Is-Sibt Qaddis tal-Għid


Patri Mario Attard OFM Cap

Illum is-Sibt Qaddis tal-Għid! L-ilsien liturġiku Latin proprjament isejjaħlu Sabbatum Sanctum. Is-Sibt tal-Ġimgħa Mqaddsa. Uħud isibuh ukoll bħala s-Sibt il-Kbir. Jew is-Sibt l-Iswed. Inkella l-Vġili tal-Għid. Kien min, fosthom l-Insara Kopti, li sejħulu wkoll bħala Sibt il-Ferħ. Inkella laqqmuħ bħala Sibt id-Dawl. Dan il-jum, li jiġi l-għada tal-Ġimgħa l-Kbira, huwa l-aħħar jum qabel l-Għid il-Kbir. Mela l-aħħar wieħed tal-Ġimgħa Mqaddsa kollha. Fih, aħna l-Insara inħejju ruħna għaċ-ċelebrazzjoni solenni tal-Għid li tfakkar il-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet.

Il-magħruf teologu tas-seklu għoxrin, Hans Urs von Baltasar, qies dan is-Sibt bħala wieħed kompletament speċjali. Għal Von Balthasar dan is-Sibt hu qaddis. L-għaliex, sewwasew f’dan is-Sibt intweriet is-solidarjetà jew aħjar l-imħabba ta’ Alla, fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, magħna l-bnedmin. Mhux sempliċiment magħna l-ħajjin. Imma wkoll mal-bnedmin fostna li mietu qabilna. Magħna l-bnedmin li se mmutu f’kull żmien tal-istorja. Mela anki dawk li mietu wara li Ġesù Kristu miet u rxoxta.

L-istorja tad-dinja biżżejjed urietna safejn għandha l-ħila twassal qalb il-bniedem! X’kapaċi jagħmel il-bniedem meta jitbiegħed mill-Għajn Divina li ħalqietu. Sawrietu. U mlietu b’ħajjitha stess. Papa Benedittu XVI jġibna konxji ħafna ta’ din ir-rejaltà fil-meditazzjoni mill-isbaħ li tana quddiem il-Liżar Imqaddes ta’ Kristu fi żjara pastorali li għamel f’Turin, nhar il-Ħadd 2 ta’ Mejju 2010. Dakinnhar il-Papa kien qal:

“Fi żmienna, speċjalment wara l-esperjenza tas-seklu l-ieħor, l-umanità saret partikularment sensibbli għall-misteru ta’ Sibt il-Għid. Il-ħabi ta’ Alla hu parti mill-ispiritwalità tal-bniedem tal-lum, b’mod eżistenzjali, kważi inkonxju, bħala vojt fil-qalb li dejjem jitwessa’ iżjed. Lejn tmiem is-seklu dsatax, Nietzsche kiteb hekk: ‘Alla miet! U aħna qtilnieh!’. Din l-espressjoni ċelebri, meta nifluha mill-qrib, hi meħuda kważi kelma b’kelma mit-tradizzjoni Nisranija, spiss intennuha fil-Via Crucis, forsi mingħajr ma nintebħu għal kollox dwar dak li nkunu llissnu. Wara ż-żewġ gwerer dinjija, il-lager u l-gulag, Hiroshima u Nagasaki, l-epoka tagħna saret dejjem iżjed Sibt il-Għid: id-dalma ta’ dan il-jum tqanqal lil dawk kollha li jistaqsu dwar il-ħajja, b’mod partikulari tqanqal lilna li nemmnu. Anki aħna għandna x’naqsmu ma’ din id-dalma”.

Iżda x’inhi t-tweġiba għal din id-dalma li daħħlet fi sqaq, jew aħjar ċajpret l-isplendur tal-glorja ta’ Alla fil-bniedem? Għaliex Alla jinħeba? It-teologu Von Balthasar ikellimna dwar is-solidarjetà ta’ Ġesù Kristu ma’ dawk li kienu qiegħdin jgħixu “fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt” (Lq 1:79). Fil-fatt, l-ispazju sieket bejn il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid huwa qawwi. Jitħaddet waħdu! U fuqhiex jitħaddet jekk mhux dwar l-abbandun sħiħ ta’ Kristu u s-solidarjetà tiegħu mal-mejtin? Mela ma dawk li huma abbandunati?

L-istess bħall-Ġimgħa l-Kbira s-Sibt Qaddis tal-Għid jisħqilna fuq l-imħabba infinita ta’ Alla. Jikteb Von Balthasar, fil-ktieb tiegħu Explorations in Theology: “Jekk Ġesù bata fuq is-Salib id-dnub tad-dinja sal-aħħar qattra tal-verità ta’ dan il-ħabi ta’ Alla, mela huwa kellu jesperjenza, fis-solidarjetà tiegħu mal-midinbin li marru f’art l-imwiet, il-firda bla tama u aħħarija tagħhom minn Alla. Inkella ma kienx ikun jaf il-fażijiet u l-kundizzjonijiet kollha ta’ xi tfisser li l-bniedem ma jiġix meħlus għalkemm, madankollu, ikun qed jistenna l-ħelsien”. Għal Von Balthasar, “fis-Sibt Qaddis tal-Għid, aħna nosservaw il-milja tal-misteru tas-salvazzjoni. Minn issa ‘l quddiem art l-imwiet tappartjeni lil Kristu”. Kristu nnifsu jaqsam “l-aljenazzjoni l-aktar imbiegħda” tal-bniedem. U meta jagħmel hekk, jissokta Von Balthasar, “Alla nnifsu jkun wera li jista’ kollox u li huwa kapaċi jiggarantixxi l-identità tiegħu fin-nuqqas tal-identità tiegħu. Li jkun miegħu nnifsu meta jkun mitluf. Li jkun ma’ ħajtu meta jkun mejjet”.

Fi kliem sempliċi, illum, is-Sibt Qaddis tal-Għid, huwa l-aħħar jum tas-solidarjetà ta’ Alla mal-imwarrbin. Mal-midinbin. Ma’ dawk li jħossuhom li Alla telaqgħhom. Fis-Sibt Qaddis tal-Għid għandna l-loġika tal-Qaddisin. Huwa l-jum fejn aħna nissieħbu ma’ dawk li jsibuha impossibbli li anki ruħ waħda tiġi ikkundannata għat-telfien ta’ dejjem.

Fil-meditazzjoni tiegħu dwar il-Liżar imqaddes ta’ Turin  Papa Benedittu XVI fisser Sibt il-Għid b’dan il-kliem: “Alla, meta sar bniedem, wasal sal-punt li daħal fis-solitudni estrema u assoluta tal-bniedem, fejn l-ebda raġġ ta’ mħabba ma jwassal, fejn isaltan l-abbandun totali mingħajr ebda kelma ta’ faraġ: ‘l-imwiet’. Ġesù Kristu qagħad f’din l-mewt, rifes lil hemm mill-bieb ta’ din is-solitudni aħħarija biex anki lilna jmexxina lil hemm miegħU. Kollha kemm aħna xi darba jew oħra kellna sensazzjoni ta’ biża’ li ġejna mitluqin għal riħna, u dak li l-aktar ibeżżagħna fil-mewt hu sewwa sew dan, l-istess kif ta’ tfal bżajna li nibqgħu waħidna fid-dlam u l-preżenza ta’ persuna li tħobbna biss tista’ sserrħilna rasna”.

Ejjew ma nibżgħux meta int u jien inħossu li Alla nsiena. Lanqas niddispraw meta, ta’ bnedmin li aħna, nidinbu. Inkella meta nħossu li ħadd m’hu qed iħoss il-piż li nħossu aħna. Ejjew ma naqtgħux qalbna meta niftakru li xi darba, int u jien, għad irridu ngħaddu mill-mewt tal-ġisem. Lanqas meta naraw madwarna d-dalma tal-mibegħda u l-ħażen. Għax Sibt il-Għid, fi kliem Papa Benedittu, ifakkarna “fir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, ta’ l-imħabba fuq il-mibegħda; [f]il-mewt ta’ Ġesù … [n]ilmħu riesaq il-Qawmien tiegħu; qalb il-mewt issa hemm tħabbat il-ħajja, la fiha hemm l-imħabba”.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: