In-nissieġ/a


Patri Mario Attard OFM Cap

Iċ-ċombini. It-trajbu. Il-ħajt. Il-magħżel. Il-labbra. Il-ħolqa. Il-minċott. Il-punt… Id-dinja tax-xogħol tal-idejn! Id-dinja li tkun Malti u Maltija! Fil-bżulija tal-id u s-sliem tal-moħħ! Ġenna ta’ sliem!

Xi xhur ilu kelli l-grazzja nduq din il-ġenna ta’ sliem. Dak is-sliem li joħroġ mill-qalb ħelwa u qalbiena tal-mara u tax-xebba bil-għaqal. Li jinsew lilhom infushom. U jintefgħu jaħdmu b’ruħhom u ġisimhom fuq biċċa xogħol tal-idejn. Punt wara punt. Bil-kalma. Bis-sliem. Bis-sewwa. Is-skiet imexxihom hu. L-għaliex is-skiet m’huwiex waħdu. Is-skiet huwa tqil. Tqil bil-ħajja. Anzi … l-Ħajja! Il-leħen ta’ Dak li hu l-Ħajja nnifisha. Ta’ Dak li qal: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6). L-istess leħen ta’ Dak li, fl-ewwel kapitlu tal-ewwel ktieb tal-Bibbja, il-Ġenesi, għammar: “‘Ħa jkun id-dawl.’ U d-dawl sar” (Ġen 1:3). U d-dawl sar għaliex ġej mid-Dawl! Minn dak li qal: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12).

U fid-dawl, fl-eqqel dawl tal-jum, jiena żort ħanut sabiħ u mgħammar sewwa bix-xogħol tal-idejn. Għax fid-dawl stajt nilmaħ is-sengħa qadima u ġdida Maltija. Qadima l-għaliex għaddewhielna missirijietna. U għaddewhielna fi ġrajjiet ta’ niket imgewżra fid-dlam, għajr id-dawl ħanin tal-lampa. Għaddewhielna bil-għaraq ta’ ġbinhom. U bid-dmugħ li leħħ f’għajnejhom. Għaddewhielna fost ħafna inċertezza u tbatija. Imma … għax Maltin ta’ veru, għaddewhielna bl-oħla tjubija ta’ ruħhom u bl-għejja li tifnik ta’ ġisimhom.

Issa, f’dan il-ħanut, stajt nilmaħ din is-sengħa imħollija lilna mix-xjuħ tagħna, imgeżwra fil-ġdid. Fil-modern tat-teknoloġija. Għall-qiegħa tad-dawl elettriku u l-frisk tal-aircondition. Imsieħba mill-ħsejjes tal-cash register u l-ixkaffef sbieħ u li jħajjruk li jimlew il-ħanut. Madankollu ma kienux il-kumditajiet tad-dinja moderna li saħħruni. Anzi! Dawn tefgħuni bil-ġiri biex nitgħaxxaq u nitpaxxa bil-ġmiel tas-sengħa tal-idejn.

Għax dan ix-xogħol, hekk mill-ifjen u grandjuż, fakkarni fil-mara bieżla tal-ktieb tal-Proverbji. Dik il-mara li warajha, l-awtur sagru, tilef għaqlu. Attenti! Mhux għaliha daqskemm għal dak li s-sbejħa idejha kienu qiegħdin jinsġu!

“Mara ta’ ħila min isibha? Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar. Fuqha tistrieħ qalb żewġha, u dan żgur ikunlu ta’ ġid. Riżq tajjeb iġġiblu, u mhux ħażin, il-jiem kollha ta’ ħajjitha. Tfittex suf u ħjut tal-qoton, u taħdmu bil-qalb b’idejha. Bħal ġifen tal-merkanti, hi ġġib mill-bogħod ikilha… Tmidd idejha għall-magħżel, jaqbdu d-dussies idejha. Ma tibżax mis-silġ għan-nies ta’ darha, għax kollha għandhom żewġt ilbiesi. Ħwejjiġha hi tagħmilhom; għażel fin u porpra lbiesha…  Tinseġ drapp ta’ l-għażel u tbigħu; u tagħti trieħi lill-merkanti. Tilbes bil-ġieħ u l-qawwa, tħares daħkana lejn il-ġejjieni. Kliem l-għerf għandha fuq fommha, kliem it-tjieba fuq ilsienha. Ħsiebha fit-tmexxija ta’ darha, minn ħobż l-għażż ma tiekol qatt. Uliedha jqumu u hienja jsejjħulha; u żewġha wkoll ifaħħarha u jgħidilha: ‘Ħafna nisa wrew ħila kbira imma inti lkoll għaddejthom.’ … Mara li tibża’ mill-Mulej ta’ min ifaħħarha. Agħtuha mill-frott ta’ xogħol idejha. Ħa jfaħħruha f’bibien il-belt l-għemejjel tagħha” (Prov 31: 10-14. 19 -22. 24-31).

U meta tlabna flimkien il-Kurunella tal-Ħniena Divina, li biha ikkonsagrajna l-ħanut, ma stajtx ma nlissinx bid-dmugħ f’għajnejja lil dawk preżenti għal din il-barka l-aktar speċjali: “Ħbieb!”, għedtilhom. “M’intomx tintebħu kif din it-talba tal-Ħniena Divina hija bħax-xogħol tal-idejn? Bit-talba tal-Missier Etern nitfħu l-ispazzju biex nimlewħ bit-talba F’ġieħ il-passjoni ħarxa tiegħu. Punt wara punt. Sal-għaxar wieħed. U nerġgħu nagħlqu din il-parti bit-talba tal-Missier Etern. U nibqgħu nagħmlu hekk għall-ħames darbiet. Imbagħad, nagħlqu ferħana din il-bizzilla ta’ talb bit-talba Qaddis Alla… għal tlett darbiet! U n-nisġa lesta! U fit-talba tar-Rużarju mhux l-istess nagħmlu ħbieb?”

Tbissimna. Għaliex tgħallimna! Jien l-ewwel wieħed! Għax ħajti u ħajtek nisġa. Punt wara punt. L-importanti hu li jkollna ħajt b’saħħtu. Il-ħajt tat-talb. Għax bih in-nisġa ma tiżżarrat qatt! Anzi! Tissaħħaħ! Inseġ ħajtek bil-Ħniena Divina u r-Rużarju! U tkun nissieġ/a gwapp/a!

  1. Michael Zammit
    April 4, 2015 at 7:35 am

    Nifraħlek tal-kitba tiegħek. Jien wieħed mill-‘fans’ tiegħek. Nieħu pjaċir naqra kitbietek fil-gazzetti. Huwa l-istil li nħobb jien. Għandek tassew pinna ħafifa, mexxejja, mirquma u tolqot. Ibqa’ ħaddem dawn it-talenti għax nemmen li qiegħed tagħmel ġid kbir.Berikni.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: