Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > L-għerf tal-qalb

L-għerf tal-qalb


Patri Mario Attard OFM Cap

Fl-okkażjoni tat-23 Jum Dinji tal-Morda, li ġie imwaqqaf minn San Ġwann Pawlu II, u li jiġi iċċelebrat bħas-soltu kull 11 ta’ Frar ta’ kull sena, Papa Franġisku ħareġ messaġġ għal dan il-jum partikulari. Il-messaġġ ta’ din is-sena jismu: L-għerf tal-qalb. Kont għajnejn għall-għama, kont riġlejn għaz-zopp (Ġobb 29,15).

Aktar minn sempliċiment nirrepeti dak li l-Papa Franġisku kiteb f’dan il-messaġġ sabiħ b’mod pappagallesk xtaqt nieqaf fuq frażi profonda mit-titlu tal-messaġġ: L-għerf tal-qalb. Ħadt gost ħafna li l-Papa silet it-titlu tiegħu mill-ktieb ta’ Ġobb. Ġobb huwa wieħed mill-personaġġi bibbliċi li għadda minn kull tbatija immaġinabbli. Tilef lil uliedu, ġidu u saħħtu. Kos hux! Għidli ftit jekk il-morda jitilfux huma wkoll lill-familja tagħhom, ġidhom u saħħithom? L-esperjenza tiegħi fl-Isptar Mater Dei tgħallimni li min jitlef saħħtu jkun tilef lill-familja tiegħu stess. Bħalissa tiġini quddiemi l-esperjenza ta’ missieri stess, Alla jaħfirlu. Meta kien pazzjent magħna f’Mater Dei seta’ igawdi lil ommi u lil ħuti? Le! L-għaliex lanqas meta kellu mumenti fejn kien jiġi f’tiegħu l-għejja u l-ħeddla tal-mard ma kienux jippermettulu li jgawdina. Fl-isptar ġieli niltaqa’ ma pazzjenti tal-flus! Jistgħu igawduhom? Jistgħu isiefru jew imqar li joħorġu jieklu mal-membri tal-familja tagħhom? Żgur li le! Mela dawn ikollhom moħħ!

L-isptar joffri l-għerf. Kif jgħid il-Papa fil-messaġġ tiegħu, “dan l-għerf mhux wieħed teoriku, astratt, frott tar-raġunamenti” (§ 1). Emmnuni li xi kultant tassew nitbissem! U mela l-pager se jagħtik ċans tagħmel is-silloġiżmi tal-argumenti? Jew titfa’ inkella tirfina xi ipoteżi fuq oħra bil-għan li tikkonvinċi bil-pulit? Il-pager tal-isptar lili jgħallimni ħaġa waħda: “Ħniena Patri Mario!” Mela itlaq kollox minn idejk u mur ara x’għandhom bżonn il-morda! L-għerf fl-isptar jinsab fl-istrapazz! Fl-iljieli bla rqad għaliex mgħoddija f’għajnuna materjali u spiritwali lill-pazzjenti tagħna! L-għerf fl-isptar jinsab fl-għejja siekta imma erojka li jgħaddu minna l-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa! Huwa dan l-għerf li, kif jgħid San Ġakbu fl-Ittra tiegħu, huwa tabilħaqq “”għerf safi, … li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa; huwa kollu ħniena u frott tajjeb” (Ġak 3:17)

Għall-grazzja ta’ Alla l-isptar ma jagħtix lok għal ħafna analiżi tal-proxxmu li l-għan tagħha huwa li tikkundanna, tittimbra, teskludi jew tikkastiga. L-isptar huwa post fejn persuni ta’ dawn it-tip letteralment iżżarmahom! Iġġibhom b’ta fuqhom senduqhom! Ifakkarhom li Alla tagħhom ma għandux ikun moħħhom, il-priġunier tal-preġudizzji imsieken tagħhom. Għall-kuntrarju! Ħalli jkunu qaddejja u priġunieri tal-ħniena! Ejjew inkunu sinċieri, għandna bżonn ħniena? Tiċċajta! U mela mingħajr il-ħniena ħa ngħixu!

Ħu persuna li qabel daħlet l-isptar kienet tiflaħ taqleb kantuniera. Imbagħad, bħal riħ bla xita, spiċċajt mgħawġa ganċ fuq is-sodda tal-mord. Għidli int x’se tagħmlilha? X’se tgħidilha? Se toqgħod forsi tħaqqaqha magħha? Għaliex messet għamlet hekk u mhux ħaġa oħra? Se toqgħod tfettqilha fuq l-iżbalji li setgħet wettqet? U mhux tinsa’ kollox u tismagħha? U mhux titfa’ kollox wara dahrek u tara kif tista’ tkun ta’ għajnuna għaliha? Għaliex dik il-persuna, għamlet x’għamlet, persuna ħa tibqa’! U, għalina l-Insara, li nemmu li fil-marid hemm Ġesù Kristu nnifsu, tant li ġurnata għad jgħidli u jgħidlek: “Kont marid u ġejt iżżuruni” (ara Mt 25:36) jew, allaħares qatt, “kont ma marid u ma ġejtx iżżuruni” (ara Mt Mt 25:39-40), aktar u aktar għandna nuru ħniena mal-marid!

Għalhekk huwa tassew għerf tal-qalb li nuru ħniena ma’ ħutna l-morda. U l-ħniena irridu nsarrfuha billi nakkumpanjaw b’imħabba l-persuna marida. Imma kif nakkumpanjawha? Il-Papa Franġisku jfissrilna kif fil-messaġġ tiegħu.

L-Għerf tal-qalb ifisser solidarjetà ma’ ħuk mingħajr ma tiġġudikah.  Il-karità teħtieġ iż-żmien.  Żmien għall-kura tal-morda u żmien biex iżżurhom” (§ 5).  Sabiħa li nżuru lill-morda. Li nkunu hemm għalihom. Imma irridu noqgħodu b’seba’mitt għajn fuq xi ħwejjeġ. L-ewwel nett aħna nżuru lill-morda mhux biex neħilsu minn xi dover li għandna nagħmlu imma l-għaliex irridu nkunu ta’ għajnuna u sollief għalihom bil-preżenza tagħna. Mhux sewwa li ħdejn is-sodda tal-marid qisna qiegħdin ix-xalata! Ħafna daħk, kliem jgħajjat, u wisq agħar, paroli fil-vojt, deni jagħmlu. Jiena ma mmurx nara lil xi ħadd marid biex nieħu ir-raġun fuq xi kwistjoni. Jekk dan hu l-mottiv aħjar ma mmurx milli mmur u nagħti xi kedda lill-persuna marida! Barra minhekk jeħtieġli li nkun sensittiv u sensittiva għall-bżonnijiet veru tal-persuna marida. Jekk il-persuna tkun qiegħdha tbati m’hemmx għalfejn joqogħdu ħdejha r-razza u r-radika. Ara miskina kif ikissruha! Mela nobdu mill-infermieri għaqlin tagħna li ħdejn il-persuna marida joqgħodu mhux aktar minn tnejn.

L-aktar għerf li jgħallimni l-isptar huwa li fit-tbatija l-bniedem donnu aktar idur lejn Alla milli meta jkun f’saħħtu. Għalhekk, jekk kif għallimni Ġorġ, l-Għannej tal-Mulej, li “Patri bid-daħka b’wiċċu l-midneb aktar ifittxu”, ejjew lill-morda nkunu ħelwin magħhom. Nitbissmulhom. Nittrattawhom b’delikatezza kbira! Għax bil-kelma t-tajba toħroġ il-far mit-toqba!

Il-mard jgħallimna li għandna nittrattaw lil xulxin bi mħabba u ħniena kbira issa, meta għadna f’saħħtina. Wara għalxejn ir-rimorsi! Ikun tard wisq! Jalla l-Ewkaristija li ħa ssir nhar l-Erbgħa 11 ta’ Frar fis-6.30 pm fis-Santwarju ta’ Santa Tereża B’kara għal Jum il-Morda tfakkarna f’dan kollu! Ejjew nikbru fl-għerf tal-qalb!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: