Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Grazzi li int Mara!

Grazzi li int Mara!


Patri Mario Attard OFM Cap

Kemm hu importanti għalina li nagħrfu u niċċelebraw lill-eroj u l-eroijni tagħna!” Din is-sentenza ma ħarġitx minn fommi, il-Patri! Imma minn fomm il-poeta Afrikana-Amerikana, Maya Angelou. U illum, il-Ħadd 8 ta’ Marzu, il-Jum Internazzjonali tal-Mara, il-jum li fih jiġu iċċelebrati l-kisbiet tan-nisa fl-istorja u fil-pajjiżi kollha ta’ taħt is-sema, jiena wkoll nixtieq ningħaqad mal-kor tal-umanità biex infaħħar u nuri l-apprezzament kbir tiegħi u tal-Knisja tad-don ta’ kull mara.

Il-mara hija kbira għax hi mara! Il-mara m’għandiex ħafna paroli u ftaħir. It-tlablib mhux ħabib tagħha! Anzi, fi kliem l-ex Prim Ministru Ingliża, Margaret Thatcher, “jekk trid xi ħaġa li tingħad itlob raġel. Imma jekk trid xi ħaġa li tiġi mwettqa itlob mara”. Il-mara azzjoni toħodha. U toħodha għax tara li hemm ġid kbir fli tittieħed. M’għandniex xi ngħidu, hawnhekk nidħlu fil-kwistjoni tal-għażla. Jew mara tinġarr mit-tajjeb, mis-sewwa u mill-fejqan. Inkella tinħakem mill-ħażen, mill-qerq u mir-rabja infernali li twassalha għall-vendetti tal-biża. F’idejha t-tmun! Imma, għaliex nemmen u nafda li l-mara hija qawwija u umli biżżejjed li tħalli l-maħfra, il-ħniena, is-sabar u l-perseveranza f’dak li hu qaddis imexxu lil ħajjitha nixtieq insemmi x’kapaċi tagħmel “mara ta’ ħila” (Prov 31:10).

Mara ta’ ħila tirċievi! Bħal Marija hija lesta li tirċievi l-missjoni li Alla bagħtha tagħmel fuq din l-art. Saħansitra ġisimha stess ġie maħluq biex jirċievi ħajja ġdida. Ara ftit kif il-bniedem jitnissel fil-ġufha? Jikber? U jissaħħaħ? U, meta jasallu l-waqt, il-mara, wara li tkun temgħetu u sqietu fi ħdanha, tvaraħ fid-dinja biex ikun rigal għall-oħrajn. Imma din hija faċċata waħda tal-mara. Il-mara kapaċi tilqa’ f’qalbha u fl-ispirtu tagħha lill-oħrajn. Il-mara kapaċi tapprezza u tara s-sbuħija ta’ dak kollu li hu tal-għaġeb fl-umanità. Il-mara tassew tirċievi meta taħdem favur il-ħajja umana. Saħansitra tinfluwenza policies fid-dinja tax-xogħol u fil-kultura ta’ madwarna li jsaħħu l-familja!

Is-sensittività hija wkoll kwalità sabiħa oħra li għandha l-mara. Il-mara kapaċi tinduna minn qabel bil-bżonnijiet u t-tamiet tal-futur tagħha. Il-mara għandha l-qawwa li tinfluwenza liġijiet li jagħrfu b’ġustizzja d-dinjità ta’ min qiegħed ibati. Il-mara kapaċi tiddefendi nisa oħra li spiċċaw vittmi tal-prostituzzjoni, tal-industrija tas-sess u tal-pornografija. Il-mara hija imħejjija, minn natura tagħha, li teżerċita s-sensittività tagħha biex l-umanità ta’ kull persuna tiġi imħarsa.

Xi ngħidu mbagħad għall-virtù tal-ġenerożità? X’ma tagħmilx il-mara biex tkun ta’ barka għall-bżonnijiet tal-komunità fejn tgħix u l-professjoni li tħaddem? Il-Kelma ta’ Alla tkellimna dwar l-ospitalità ġeneruża ta’ Marta u Marija meta kienu jilqgħu lil Ġesù għandhom. Ġesù wera interess kbir fil-ħajjiet tan-nisa u tal-ambjent tagħhom. Ġesù stedinhom biex jieħdu sehem fix-xogħol tiegħu. Ġesù fada fil-qlub ġenerużi tan-nisa li kienu qiegħdin jieħdu ħsiebu l-għaliex għarrfu kemm kellu bżonn jiġi milqugħ, imħeġġeġ u mifhum fil-missjoni tiegħu. Il-ġenerożità naturali tal-mara hija arma kontra tip ta’ xjenza li ġġib taħt saqajha lid-dinjità tal-bniedem. In-nisa juru l-ġenerożità tagħhom l-għaliex ikabbru r-rispett u l-imħabba lejn il-bniedem kontra l-isfruttament li dan jirċievi mix-xjenza u t-teknoloġija.

Fl-aħħar nett il-mara hija mara meta tħaddem il-maternità tagħha. Anzi! Issib okkażjonijiet fejn tista’ tħaddimha b’modi ġodda! Il-mara hija mara meta turi l-maternità spiritwali, affettiva u kulturali tagħha mal-oħrajn. Meta tkun widna ta’ faraġ għal min irid jitħaddet l-uġiegħ tiegħu. Meta tgħid dik il-kelma ta’ għerf li biha l-persuna imħawda tara xaqq dawl biex toħroġ miċ-ċirku vizzjuż li tkun qiegħdha fih. Il-mara tkun omm meta ma tperriċċ l-inkwiet imma, bl-għaqal u s-sabar li Alla ta, issib modi fejn il-problemi jiġu solvuti b’wiċċ il-ġid. Għax il-mara, għax hija omm tassew, temmen li t-tajjeb ma jagħmilx storbju. L-għaliex l-istorjbu ma jagħmilx tajjeb!

Grazzi li int mara! Id-dinja, is-soċjetà, il-Knisja, il-familja, insomma l-univers kollu, rikonoxxenti lejk għall-ġid kbir li qed tagħmel!… Grazzi li int mara!

Aktar kitbiet ta’ Fr Mario attard OFM Cap …  https://laikosorg.wordpress.com/

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: