Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Maħbubin għax nistgħu inħobbu

Maħbubin għax nistgħu inħobbu


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-festa ta’ San Valentinu ġiet u għaddiet. Min jaf kemm intefqu flus fi fjuri, f’ikliet, f’rigali, f’weekend breaks. Inħallikom taħsbu! Imma taħsbu li nistgħu ngħidu li intefqu? Jew aħjar, u biex inkunu aktar korretti, ikun aħjar jekk ngħidu li ġew investiti? Fejn ir-relazzjonijiet jistgħu itulu, għalkemm jgħaddu mill-ixtiewi tagħhom, festa bħal San Valentinu tagħti aktar ħeġġa biex wieħed jissokta jinvesti fir-relazzjoni.

Imma San Valentinu xi jfakkarna tabilħaqq? Personalment ifakkarni fil-kapaċità interna li teżiżti fik u fija li nħobbu. Biex nislet frażi qawwija ta’ Santu Wistin, nazzarda ngħid li homo capax caritatis. Jiġifieri l-bniedem, minnu nnifsu, kapaċi jħobb. Apposta ma użajtx il-kelma amoris imma caritatis. L-imħabba li qiegħed nitħaddet fuqha m’hijiex l-imħabba passjonali. Emottiva. Lanqas ma hija l-imħabba tal-ħbiberija li isseħħ bejn tnejn li tant kemm ikunu jafu sewwa lil xulxin jagħżlu lil xulxin bħala ħbieb.

F’dawn iż-żminijiet fejn it-theddida tal-gwerra, kulma jmur, qiegħdha dejjem tikber, bir-risku li tant kemm tinfirex li tiblagħna bħall-mewġa feroċi, huwa importanti ħafna li niftakru li jiena u int, mela fina, aħna minn aħna, aħna ta’ liema reliġjon aħna, hemm miżrugħa ġewwa fina ż-żerriegħa tal-imħabba. Dik l-imħabba li toħroġna mill-fodsqa tagħna nfusna u tlaqqagħna ma’ ħutna l-bnedmin. Qatt daqs dan iż-żmien m’hemm bżonn li lil din l-imħabba irrewħulha ħa tfittex taqbad u issaħħanna bis-sħana tagħha!

M’għandniex xi ngħidu: nippreferi għall-miljun darba is-sħana tal-imħabba li ġġib magħha is-solidarjetà, il-maħfra, il-ħniena, ir-rispett, ir-rikonċiljazzjoni u l-fiduċja reċiproka, milli s-sħana qerrieda tal-azzarin! Tat-tankijiet tal-gwerra! Tal-missili! Tal-milizzji! L-aħħar sħana hija qerrieda l-għaliex lin-nies tissokta tkeskiskom għal xulxin. Tissokta tpinġi lin-nies li jappartjenu għal tip ta’ kultura bħala mostri u terroristi. Filwaqt li tpinġi lill-oħrajn, mela lill-avversarji umani l-oħra, bħala nies li jagħmlu l-kruċjati.

Le l-aħwa! Fik u fija hemm rieda soda li ngħidu le għal tip ta’ dinja fejn l-inġustizzja għadha tkanta vittorja. Għal tip ta’ mentalità fejn aktar ma jkollok ġilda ċara aktar għandek ċans tavvanza. U gwaj għalik jekk tkun ta’ ġilda skura! Għaliex dak ifisser li triqtek hija waħda, li tmur dejjem lura u lura, sakemm tispiċċa mgħarraq fit-tank tal-qerda. U dan l-għaliex il-ġilda tiegħek hija skura aktar minn tiegħi!

Quddiem dawn is-sitwazzjonijiet tassew tal-biża’ irridu iva nieqfu ilkoll kontra kull abbuż ta’ twemmin li jeskludi lil dawk u jippremja lill-oħrajn. Li jgħolli lil dawn u jisħaq irjus l-oħrajn. Li jrebbaħ u li jtellef. It-twemmin veru jitlaq mill-imħabba u jwassal għall-imħabba. Ma jitniġġiż la mill-velenu tal-provokazzjoni u lanqas ma jitħammeġ bil-ħmieġ tal-vendetta. It-twemmin jaf biss isewwi fejn hemm il-qalb miġrugħa. Ifarraġ lil dawk ta’ qalb muġugħa b’xi kelma ta’ faraġ. Inissel żmien ġdid ta’ paċi u kollaborazzjoni bejn il-popli kollha tal-art.

Għaliex l-art tinkedd meta jkun hemm konkwisti ta’ nies innoċenti. L-art tinħaqar meta tissaqqa bid-demm ta’ nies bla ħtija. L-art tinsteħet meta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem jiġu tant misħuqa li l-bniedem isir biss oġġett ta’ moħqrija. Jew inkella li tużaħ għall-propoganda qarrieqa bil-għan li tbeżża’. Le ħbieb! Dan kollu jġib saħta kbira fuqna! Għaliex il-mibegħda m’hijiex ħobż għal snienna. Il-mibegħda hija żibel li rridu neħilsu minnu. Illum qabel għada!

Irridu nerġgħu infakkru lil xulxin, kemm bħala pajjiż u anki bħala bnedmin, ulied tal-istess familja umana, li destin wieħed għandna quddiemna: dak li neliminaw il-gwerrer. Il-ġlied. It-tilwim. It-tisħin tal-irjus. It-tkeskis ta’ reliġjon kontra l-oħra. U, minflok, infittxu t-triq tad-djalogu, tat-tolleranza, tal-għajnuna tar-reġjuni l-aktar iflaġġellati mit-tbatija tal-inġustizzji li qiegħdin iħallu l-pjaneta għażiża tagħna lura milli tkun dak li riedha l-Ħallieq.

Għax il-Ħallieq tant kemm irrispetta lili u lilek li tana kuxjenza li, permezz tagħha, nistgħu nagħrfu tabilħaqq dak li jaqbel għalina t-tnejn. Mhux biss bħala individwi imma wkoll bħala soċjetà ta’ bnedmin. Il-Ħallieq kien jaf li kien se jkun hawn min jaħqar il-bnedmin ħutu billi jinqeda vilment bih. Għalhekk mela żejjen lill-umanità bid-don tal-awtorità ħalli tkun il-liġi stess li ġġib l-ugwaljanza, il-paċi u l-stabbilità bejn il-popli kollha.

Ejjew ma ninsewx li aħna maħbubin! Maħbubin minn Dak li hu s-sewwa fih innifsu. Maħbubin minn Dak li hu l-ġustizzja fih innifsu. Maħbubin minn Dak li hu s-solidarjetà fih innifsu. U, ġaladarba int u jien inġorru fina din iż-żerriegħa ta’ tjubija li ġejja minn Dak li hu t-tajjeb fih innifsu allura m’hemmx iżjed skuża li ma nistgħux inħobbu aħna wkoll bħalu. U dan iseħħ billi nħalluħ jaħdem fil-qalba ta’ qalbna u fil-qalba ta’ moħħna ħalli nagħmlu bħalu: is-sewwa kollu!

Mhux impossibbli li dan isir. Kulma rridu hu li niftakru li aħna ħriġna minnu. Dak li hu t-tjubija fih innifsha ma jivvendikax imma jaħfer! Ma jeqridx imma jibni! Ma jsawwatx imma jdewwi! B’hekk int u jien aħna maħbuba minnu. La dan hu l-każ għaliex qiegħdin insibuha daqshekk bi kbira li nxammru jdejna u naħdmu għall-paċi?

Naħseb ikun aktar għaqli jekk nerġgħu niftakru fil-kelma ta’ Ġesù: “Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered” (Mt 26 :52). U kull min jaqbad l-imħabba bl-imħabba jinbena!

Issib bosta aktar kitbiet minn Fr Mario Attard OFM Cap f’din il-paġna tal-Laikos … http://www.laikos.org/FMA.htm

  1. Anonymous
    August 2, 2015 at 7:14 am

    MIN JITLOB JAQLA DIN VERU JIEN TLABT BID-DMUH F`GHAJNEJJA QATT MA QLAJT

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: