Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > L-għaxar ġawhriet

L-għaxar ġawhriet


Patri Mario Attard OFM Cap

Iż-żmien tal-eżerċizzji hu żmien speċjali. Żmien ta’ grazzja. Mhux biss għall-poplu ta’ Alla li jisma’ bi ħġaru l-Kelma ta’ Alla. Iżda, u l-ewwel nett, għalina s-saċerdoti. Għalina li nħejju ruħna biex nagħtu dak li l-Mulej iqegħdilna f’qalbna, imsaħħaħ bil-qawwa tal-Iskrittura u t-tagħlim tal-Knisja tiegħu.

Minn dejjem laqagħtni dak li Santu Wistin jgħid fit-trattat tiegħu dwar it-Tagħlim Nisrani, De Doctrina Christiana, meta jitħaddet mill-funzjoni tat-tagħlim. L-Isqof ta’ Ippona jgħallem li “l-interpretu u l-għalliem tal-Bibbja – mela, id-difensur tal-fidi u l-mazza tal-iżball – għandu d-dmir jgħallem kemm dak li hu tajjeb u li  jnessi dak li hu ħażin” (IV. 4.6). Dan il-ħsieb għoli u profond ta’ Santu Wistin, id-Duttur tal-Grazzja, jaffaxxinani tabilħaqq. Fih nara mitmuma, bl-akbar mod kbir, sabiħ u prattiku, dak li jgħid San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12:21). Fl-eżerċizzji li l-Mulej tani grazzja nagħmel fuq wieħed mill-istazzjonijijiet televiżivi lokali ħadt dan il-prinċipju u applikajtu għat-tagħlim. Il-ħażin jintrebaħ bit-tagħlim tajjeb. Mela ejja niffukaw fuq it-tajjeb it-tagħlim tajjeb ħalli b’hekk nirbħu l-ħażin.

Bħala gwida fil-mixja li wettaqt mat-telespettaturi għażilt lill-Patrijiet tad-Deżert. Fil-fatt, fil-ħin tat-talb tiegħi ħassejt fil-profond ta’ qalbi li kelli nagħżel għaxar sentenzi mill-isbaħ tagħhom u nfassal it-taħdiet li l-Mulej riedni inwassal fuqhom. Kull sentenza tal-Patrijiet tad-Deżert hija skola ta’ għerf mill-akbar. Minħabba l-għana ta’ tagħlim li fihom ippreferejt insejjaħ kull waħda minnhom ġawhra. Bix-xieraq! L-għaliex l-għerf spiritwali u l-prattiċità ta’ kull sentenza hija mill-akbar. Kemm nitlob li ngħixhom kuljum f’ħajti u f’ħajjet dawk li semgħuni!

L-ewwel ġawhra jagħtihielna Patri Dorotew. “Qabel kollox ninħtieġu l-umiltà”. U l-umiltà x’inhi jekk mhux li nagħraf li t-talenti li għandi żejjinni bihom il-Mulej? Mela f’li nagħraf li fija hemm il-qamħ u s-sikrana? Li, għax għadni pellegrin fil-mixja tiegħi lejn is-sema, nista’ niżbalja? Nista’ inkun saqajja mal-art aktar minhekk?

It-tieni ġawhra joffrihielna Abba Poemen. Fuq Abba Prior, Patri Poemen qal li kull ġurnata kien jagħmel bidu ġdid. Ħajti hija bħal ktieb. Mimli kapitli. Wieħed wara l-ieħor. Anki l-kapitlu fih il-paragrafi imżewqa b’sentenzi ġodda. Mela talbieraħ għadda! Illum jum ġdid! Grazzi Mulej!

It-tielet ġawhra jippreżentahielna mill-ġdid Abba Poemen, meta jgħid: “Il-bidu tal-ħażen huwa n-nuqqas ta’ viġilanza”. Il-ħxuna, fil-ġisem u r-ruħ, tiġi meta niekol kulma nara. U naqa’ f’kull dnub li x-xitan jqegħdli quddiemi. Bħalma biex nonqos mill-piż irrid noqgħod attent x’niekol, kemm aktar irrid noqgħod b’sebat elef għajn qabel inwettaq xi għemil!

Ir-raba’ ġawhra tal-eżerċizzji ta’ din is-sena hija l-istorja ċkejkna li Abba Anton jirrakkonta fuq il-patrijiet li marru lura bħall-granċ fil-ħajja spiritwali tagħhom. Tafu l-għaliex? L-għaliex daħlu fin-nassa tas-suppervja spiritwali tagħhom! Għax dawn il-patrijiet poġġew it-tama tagħha fl-għemil tajjeb tagħhom. Għalhekk sfaw imqarqa! Ma tawx widen ta’ dak li jgħidilna Ġesù: “Itolbu lill-Missierkom u jgħidilkom hu”!

Il-ħames ġawhra mbagħad hija storja oħra li kien iħobb jirrakkonta Abba Antonju. Darba kien hemm Patri li talbu bil-ħerqa: “Itlob għalija”. Imma r-raġel xiħ, misjur bl-esperjenza tal-ħajja tar-ruħ, wieġbu: “Mhux se jkolli ħniena minnek. U lanqas Alla m’hu ħa jkollu. Jekk int ma tagħmilx sforz. Jekk int ma titlobx lil Alla”. Dan il-patri ħaseb li biex tikber fil-ħajja ta’ Alla trid tistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqek. Kemm kien żbaljat! Kemm irrid nitlob u negħreq l-għaraq tad-demm biex, bil-għajnuna tal-Mulej, negħleb lili nnifsi biex nagħmel is-sewwa!

Is-sitt ġawhra hija sentenza oħra sabiħa minn Abba Antonju. Li kien iħobb jgħid: “Mill-proxxmu tagħna l-ħajjitna u mewtna. Jekk nirbħu lil ħuna aħna nirbħu lil Alla. Iżda jekk infixkluh nidinbu kontra Kristu”. Mela! Ħa noqogħdu attenti mill-eżempju ħażin! Li ma jmurx inkunu qiegħdin inħottu dak li l-Mulej ikun qed jibni fil-persuna!

Is-seba’ ġawhra hija dak li jħobbu jgħidu l-patrijiet xjuħ: “M’hemmx agħar milli tiġġudika”. U veru! Għaliex min jitkaża ibqa’ ċert u żgur li jaqa’ fil-każa!

Maqgħuda ma’ din tiġi t-tmien ġawhra meħuda minn Patri Iperċju. Dan il-patri kien iħobb jgħid: “Min ma jikkontrollax ilsienu meta jkun irrabjat lanqas m’hu se jikkontrolla l-passjonijiet tiegħu”. Tal-biża’ hux kemm l-ilsien huwa l-bieb ta’ ħafna dnubiet ħoxnin!

Kemm jeħtieġli niskot! Ħa naqta’ l-paroli żejjed! U hawn tiġi, ħelu ħelu, id-disa’ ġawhra. Din id-darba minn fomm Abba Nilus, li kien iħobb jgħid: “Il-vleġġeġ tal-għadu ma jistgħu qatt jilħqu lil dak li jħobb is-silenzju. Imma dak li l-ħin kollu jiġri mal-folla se jkun miġrugħ spiss”. Eħ ħbieb! Is-silenzju idewwi! Imma l-kliem mhux f’postu iġerraħ bil-bosta!

Fl-aħħar nett niġu għall-aħħar ġawhra li iddom l-għaxar ġawhriet. Ġawhra li, bħal ta’ qabilha, ukoll ħarġet minn fomm Abba Nilus. Dan l-Abba qal: “It-talb huwa ż-żerriegħa tal-ħlewwa u n-nuqqas ta’ rabja”. X’soluzzjoni din kontra r-rabja u l-feqjan ta’ qalbi permezz tal-ħlewwa! Kemm hu veru li t-talb jagħmel il-mirakli! L-għaliex it-talb jiftaħni għall-Mulej!

Il-konfessinarju, it-tabernaklu, l-altar, il-bankijiet, il-kor, it-taraġ tal-presbiterju, il-ġnien, l-istatwa tal-Madonna, kollha għenu biex dawn l-għaxar ġawhriet jidħlu f’qalbi, u, kif tant nitlob minn qalbi, li daħlu wkoll fil-qalb tat-telespettaturi. Għaliex x’hemm isbaħ milli lil ruħi, il-ġawhra veru ta’ qalbi, insebbaħha b’dawn l-għaxar ġawhriet!

Issib bosta aktar kitbiet minn Fr Mario Attard OFM Cap f’din il-paġna tal-Laikos … http://www.laikos.org/FMA.htm

  1. April 4, 2015 at 8:55 pm

    Jalla jkollna eremiti f’Malta li jmixu fuq il-passi tal-Patrijiet tad-Deżert!

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: