Home > Ġenerali > Il-Misteru tal-Fidwa fil-Maġisteru ta’ Papa Franġisku

Il-Misteru tal-Fidwa fil-Maġisteru ta’ Papa Franġisku


Kitba ta’ Dun Hector Scerri

F’ħarġa oħra ta’ din il-pubblikazzjoni (nru 30, tad-9 ta’ Diċembru 2014), kellna l-opportunità li napprezzaw il-Misteru tal-Inkarnazzjoni fil-Maġisteru ta’ Papa Franġisku. Ħsibt li issa li wasalna biex niċċelebraw il-jiem qaddisa tal-Ġimgħa l-Kbira u t-Tridu tal-Għid il-Kbir jixraq li nirriflettu dwar il-Misteru tal-Fidwa f’dak li għallem il-Papa. B’dan il-mod, permezz ta’ żewġ artikli, inkunu tajna ħarsa tajba lejn il-Kristoloġija fit-tagħlim li tana sa issa l-Papa preżenti.

Mill-Enċiklika Lumen Fidei

Fl-enċiklika Lumen Fidei (29 ta’ Ġunju 2013), il-Papa jfakkarna fiċ-ċentralità tal-Misteru tal-Fidwa għall-fidi Nisranija: “Il-fidi Nisranija hija ċċentrata fi Kristu, hi stqarrija li Ġesù hu l-Mulej u li Alla qajmu mill-imwiet” (n.15). Huwa jkompli jurina kemm hija prezzjuża din l-offerta sħiħa li għamel l-Iben ta’ Alla b’risq il-bnedmin kollha, mingħajr ebda eċċezzjoni. Huwa jagħfas ukoll fuq l-affidabbiltà ta’ din l-offerta kollha mħabba li hi l-kenosis tiegħu: “L-akbar prova tal-affidabbiltà tal-imħabba ta’ Kristu tinsab fil-mewt tiegħu għall-bniedem. Jekk l-għotja tal-ħajja għall-ħbieb hi l-akbar prova ta’ mħabba, Ġesù offra ħajtu għal kulħadd, anki għal dawk li kienu għedewwa, biex ibiddel il-qalb tagħhom. Dan hu għaliex l-Evanġelisti qiegħdu fis-siegħa tas-Salib l-aqwa waqt tal-ħarsa tal-fidi, għaliex f’dik is-siegħa jiddi l-għoli u l-wisa’ tal-imħabba ta’ Alla” (n.16). Permezz ta’ dan il-kliem ferm evokattiv li qed jgħaddilna l-Papa, nistgħu nidħlu aktar fil-fond tal-meditazzjoni tagħna fuq is-Salib u l-Qawmien, u nistqarru bla tlaqliq: ‘Kemm iħobbni l-Mulej! Għamel dan kollu għalija! Sal-aħħar qatra ta’ demmu… Din xerridha għaliha!’

Papa Franġisku jisħaq fuq ir-rabta bejn il-ġrajja mdemmija li seħħet fuq il-Golgota u dak li seħħ fit-tielet jum, meta Ġesù qam rebbieħ fuq il-mewt. Huwa jerġa jagħfas fuq il-kunċett tal-affidabbiltà. Fil-fatt, ftit wara l-aħħar silta li ħadna mill-enċiklika Lumen Fidei, huwa jkompli hekk: “Issa, il-mewt ta’ Kristu tikxef l-affidabbiltà sħiħa tal-imħabba ta’ Alla fid-dawl tal-Qawmien tiegħu. Bħala rxoxt, Kristu huwa x-xhud li tista’ tafdah, li tistħoqqlu l-fidi, appoġġ sod għall-fidi tagħna. ‘Jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom’ (1 Kor 15:17). Jekk l-imħabba tal-Missier ma qajmitx lil Ġesù mill-mewt, kieku ma setax jerġa’ jagħti l-ħajja lil ġismu, din ma kinitx tkun imħabba affidabbli bis-sħiħ, bil-ħila li ddawwal saħansitra d-dlamijiet tal-mewt” (n.17). Kif konna rajna fil-aħħar ħarġa nru 30 ta’ din is-sensiela mill-Kummissjoni Teoloġika, hawn tidher ċara (ħierġa minn wara l-kwinti) l-pinna teoloġika tal-Papa Benedittu XVI li qabel ir-riżenja tiegħu fi Frar ta’ sentejn ilu kien diġà ħejja ħafna materjal għal enċiklika dwar il-fidi, fil-kuntest taċ-ċelebrazzjoni tas-Sena tal-Fidi (Ottubru 2012 – Novembru 2013). Mhux biss jidher il-ħsieb profond ta’ Papa Ratzinger, imma wkoll jinħass l-eku tat-teologu kbir Hans Urs von Balthasar (1905-1988) u l-ktieb tiegħu Mysterium Paschale.

Iċ-ċentralità ta’ Ġesù Kristu li tispikka fil-kitbiet kollha tat-teologu Joseph Ratzinger u, aktar tard, fil-Maġisteru tiegħu bħala Papa, hija ċara daqs il-kristall fl-enċiklika Lumen Fidei. L’evento Cristo hija ġrajja li biddlet l-istorja tal-umanità għax hija esperjenza ta’ akkumpanjament, avviċinament u trasformazzjoni. Papa Franġisku jikteb hekk, fl-enċiklika tiegħu: “Kristu niżel fuq l-art u qam mill-imwiet; bl-Inkarnazzjoni u l-Qawmien tiegħu, l-Iben ta’ Alla ħaddan il-mixja sħiħa tal-bniedem u jgħammar fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu. Il-fidi taf li Alla resaq ħafna qrib tagħna, li Kristu ngħatalna bħala don kbir li jbiddilna minn ġewwa…” (n.20).

F’paragrafu 30 tal-enċiklika Lumen Fidei, il-Papa jieqaf fuq it-terminoloġija ġovannea marbuta mal-fidi fl-Iben ta’ Alla: il-verbi ra, sama’, emmen. Hawnhekk huwa jirreferi għall-esperjenzi tad-dixxipli tal-Mulej wara l-qawmien: dak li għadda minnu d-dixxiplu li Ġesù kien iħobb, u dak li għaddiet minnu Marija ta’ Magdala “li issa rat lil Ġesù u riedet iżżommu, iżda ingħatatilha l-istedina li tikkontemplah fil-mixja tiegħu lejn il-Missier; sal-istqarrija sħiħa tal-istess Maddalena quddiem id-dixxipli: ‘Rajt lill-Mulej’”.

Mill-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium

It-tieni dokument importanti tal-Maġisteru Petrin ta’ Papa Franġisku kien ippubblikat fl-għeluq tas-Sena tal-Fidi – l-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium (24 ta’ Novembru 2013). Hawnhekk ukoll niltaqgħu ma’ xi referenzi għall-Misteru tal-Fidwa. Meta l-Papa jitkellem dwar id-dimensjoni soċjali tal-evanġelizzazzjoni u l-effetti komunitarji u soċjali tal-kerygma, huwa jfisser ir-rabta bejn il-fidwa li ġabilna l-Iben ta’ Alla u l-fidwa tar-relazzjonijiet bejn il-bnedmin. Jikteb hekk: “Nistqarru li l-Iben ta’ Alla ħa l-laħam tal-ġisem tagħna l-bnedmin: dan ifisser li kull bniedem ġie mgħolli għall-istess qalb ta’ Alla. Jekk nistqarru li Ġesù xerred demmu għalina, dan iżommna milli jkollna l-iċken dubju dwar l-imħabba bla tarf li tgħolli lil kull bniedem. Il-fidwa tiegħu għandha tifsira soċjali għax ‘fi Kristu, Alla mhux biss jifdi lil kull persuna, imma anke r-relazzjonijiet soċjali bejn il-bnedmin’” (n.178).

Papa Franġisku jpoġġi lil Ġesù bħala l-mudell għalina li nevanġelizzaw lill-poplu billi nkunu qrib tal-bnedmin, f’kull sitwazzjoni li huma jinsabu fiha. Wara li huwa jagħti għadd ta’ eżempji dwar kemm Ġesù kien qrib in-nies, il-Papa jfakkarna li “meta Ġesù jingħata fuq is-salib, dan mhux għajr il-qofol ta’ dan l-istil li mmarka l-ħajja kollha tiegħu. Imsaħħhra minn dan il-mudell, irridu nidħlu fil-qalba tas-soċjetà, naqsmu l-ħajja ma’ kulħadd, nisimgħu l-inkwiet tagħhom, ngħinuhom materjalment u spiritwalment fil-ħtiġijiet tagħhom…” (n.269). Kemm-il darba, anke fl-omeliji u l-messaġġi tiegħu, il-Papa preżenti jħobb isemmi l-ġrieħi tal-Mulej, bħalma għamel fil-kanonizzazzjoni ta’ San Ġwanni XXIII u San Ġwanni Pawlu II, f’April ta’ sena ilu. Huwa jistqarr li xi kultant jista’ jkollna t-tendenza u t-tentazzjoni li nżommu “distanza prudenti mill-ġrieħi tal-Mulej” (n.270). Huwa jħeġġeġ lilna biex ma nfittxux il-kumdità, imma nkunu qrib tal-bniedem li qiegħed ibati llum.

Quddiem il-qtigħ il-qalb li xi kultant jaħkem il-Poplu Nisrani u l-ministri tiegħu, jeħtieġ li niftakru kontinwament fil-forza rebbieħa ta’ Kristu Rxoxt li “hu mimli bil-qawwa u s-setgħa”. Il-Papa jfakkar fl-esperjenza tal-ewwel dixxipli, u kif il-Mulej kien magħhom fil-predikazzjoni tal-bidu. Huwa jistqarr li “dan iseħħ illum ukoll. Aħna mistiedna niskopruh, ngħixuh. Kristu Rxoxt u glorjuż hu l-għajn qawwija tat-tama tagħna, u mhix se tonqosna l-għajnuna tiegħu biex inwettqu l-missjoni li hu jafdalna f’idejna” (n.275).

Il-kliem tal-Papa jagħmlilna ħafna kuraġġ ukoll meta, b’konvinzjoni ħajja, huwa jgħid li l-Qawmien ta’ Ġesù mhux ġrajja tal-imgħoddi. Illum stess aħna għadna ngawdu minn dik il-ġrajja straordinarja li tittraxxendi ż-żmien u l-ispazju ġeografiku: “Il-qawmien tiegħu mhux ħaġa tal-imgħoddi; fih hemm qawwa ta’ ħajja li daħlet u xterdet fid-dinja. Fejn donnu kollox mejjet, jerġgħu jispuntaw minn kullimkien ir-rimjiet tal-qawmien. Hi qawwa li m’hemmx bħalha” (n.276). Dan kollu jfisser, kif ikompli jgħallimna Papa Franġisku, li nibqgħu konvinti li “hu tassew iħobbna, li hu ħaj, li għandu l-ħila jidħol b’mod misterjuż fil-ħajja tagħna, li ma jitlaqniex waħedna… li għadu miexi rebbieħ fl-istorja flimkien ma’ ‘dawk li huma miegħu msejħin u magħżulin u fidili’” (n.278).

Meta naqraw u nixtarru l-Maġisteru Petrin ta’ Papa Franġisku dwar il-Misteru tal-Fidwa, nagħmlu ħafna kuraġġ li jagħtina stimolu biex inwasslu l-ferħ tal-Aħbar it-Tajba kulfejn inkun. Mhux biss, imma dak li hu għallimna permezz ta’ Lumen Fidei u ta’ Evangelii Gaudium ifakkarna biex minn dak li niċċelebraw b’devozzjoni u b’mod attiv fil-liturġija għandna naslu biex inxandru l-attwalità perenni u l-freskezza dejjem tbaqbaq tas-Saltna ta’ Alla fid-dinja li fiha ngħixu llum, anke jekk din spiss tkun aljenata u truxa għal din l-Aħbar.

Tista’ ssib aktar sussidji mill-Kummissjoni Teoloġika fil-Laikos >

Categories: Ġenerali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: