Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Wara mixja f’jum sabiħ

Wara mixja f’jum sabiħ


Patri Mario Attard OFM Cap

Illum, it-Tlieta 3 ta’ Marzu, kien jum mill-isbaħ. Għalhekk, wara l-ikel u l-ħasil tal-platti fil-fraternità, qtajtha li ninżel passejn ħa ngawdi l-ġmiel ta’ dan il-jum.

Is-sema, ikħal nir, għaġġibni. Ippruvajt nippenetra b’ħarsti, dgħajfa kemm tridha, f’dak l-ikħal tal-għaġeb. Jgħidu li l-kulur ikħal tas-sema huwa r-rifless tal-baħar. Almenu lili hekk kienu fissruhieli. Hi x’inhi t-tifsira bqajt imsaħħar għal dak l-ikħal li ma stajt nippenetrah b’ħarsti imsammra fih. L-għaliex kull darba li ippruvajt inħares fil-fond tiegħu xi ħaġa qaltli li qatt m’hu se jseħħli nidħol fil-qalba tiegħu.

Meta intbaħt x’kien qiegħed jiġrili tbissimt! L-għaliex ftakart f’dik il-magħrufa storja ta’ Santu Wistin li pprova jifhem u ifisser il-misteru tat-Trinità. Il-magħruf Duttur tal-Knisja u Isqof ta’ Hippo fettillu jmur jagħmel passejn ħdejn il-baħar. Hemmhekk ra tifel li kien qiegħed jimla’ toqba żgħira li kien ħaffer fir-ramel bl-ilma baħar. Wistin staqsieh x’inhu jipprova jagħmel. U meta irċieva t-tweġiba li hu kien qiegħed jipprova jimla’ dik it-toqba bl-ilma baħar Wistin infexx jidħak u qallu: “Kif jista’ ikun?” U t-tifel wieġbu: “Daqshekk ieħor int bil-moħħ ċkejken tiegħek ma tista’ qatt tfisser it-Trinità Qaddisa”.

U b’din it-tagħlima f’moħħi u f’qalbi bqajt miexi. Nosserva. Nitgħallem. Kemm dehru sbieħ u qawwija s-swar ħoxnin quddiemi! Fil-jum sabiħ tat-Tlieta 3 ta’ Marzu wasalt għall-konklużjoni li ebda armata ta’ żminijiethom ma setgħet tinfidhom. Ħassejtni kburi li jien Malti! Iben din “l-Art ħelwa u li tatna isimha”. Kemm missirijietna kienu tassew jafu jiddefendu ruħhom! Bi snienhom u b’difrejhom, kif jgħid il-qawl Ingliż.

Imma daqskemm din id-dehra tal-għaġeb u tal-iprem inġinerija militari paxxiet lil għajnejja daqshekk ieħor feriet lil qalbi! Kemm huma koroħ ħbieb is-swar li jittellgħu fil-qlub! Is-swar li jagħlquna fid-dinja tagħna. Id-dinja li nafu aħna. Id-dinja li rabbewna fiha. U għalquna tajjeb tant li ma nkunux nistgħu noħorġu minnhom malajr biex nidħlu fid-dinja ta’ ħutna. Le! Mhux biex nindaħlulhom. Jew nimponulhom. Daqskemm, l-għaliex nixtiequlhom il-ġid, irridu nagħtuhom idejna ħa jitilgħu mill-abbiss tagħhom. Imma l-ironija hi li s-swar, li l-għan aħħari tagħhom kien li jħarsuna mill-għedewwa, jafu jġibu lilna, aħwa Maltin u Għawdxin, kontra xulxin! Għaliex min iżomm ma’ kulur u min ma ieħor. U aħna, tat-tali kulur, kontra dawk tal-kulur l-ieħor. Anki tgħidha tqabbdek il-brim fiż-żaqq aħseb u ara jekk tgħixha u tgħaddiha lil uliedek u lill-ulied uliedek!

Issuktajt nimxi. U rajt xi ħaġa oħra li tefgħetni fid-dinja tal-ħsieb. It-telgħa! Sabiħa t-telgħa. Trid tkun. Inkella ma nasalx ‘il fuq nett. F’ras il-għolja. It-telgħa wkoll nislitli demgħa fuq għajnejja. Fakkrittni fina ilkoll li fil-ħajja dejjem għaddejjin. Dejjem naffaċċjaw l-isfidi li tagħtina s-soċjetà tallum. Min mod u min ieħor. Il-ħajja telgħa. L-aktar jekk għandek ċerti prinċipji li ma tibdilhom ma’ xejn. Jiġri x’jiġri! It-telgħa fakkritni f’dawk li, tul l-istorja ċivili u ekkleżjastika ta’ pajjiżna, kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ oppożizzjonijiet kbar. U dan l-għaliex kienu fidili u sinċieri fil-konvinzjonijiet tagħhom. Ma’ kull pass li bdejt nagħmel, u ma’ kull qatra għaraq li bdiet tfeġġ fuq moħħi, fihom bdejt niftakar. Għalihom bdejt nitlob bil-ħerqa kollha ta’ qalbi. Għal dawk preżenti biex il-Mulej ifarraġhom. U għal dawk li mietu biex jagħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

Imma hawn ħafna nies oħrajn li bħalissa telgħin it-telgħa iebsa tal-ħajja. Niftakar fix-xjuħ tagħna li jinsabu rikoverati fid-djar tal-gvern u privati. Fl-eluf ta’ ħaddiema li qiegħdin jaħdmu billejl u binnhar biex iżommu sewwa lill-familji tagħhom. Fiż-żgħażagħ tagħna li għaddejjin gas mal-pjanċa jistudjaw. Lil uliedna ċkejknin li qiegħdin jitħejjew fl-edukazzjoni ħalli, għada pitgħada, jkunu ċittadini responsabbli ta’ pajjiżna. Il-politiċi li jridu kuljum iħabbtu wiċċhom ma’ deċiżjonijiet iebsa. Il-morda fl-isptarijiet governattivi u privati u dawk li qiegħdin fi djarhom. In-nies li għaddejjin minn żmien iebes f’ħajjithom bħall-vittmi tad-droga. Inkella dawk li qiegħdin jiskuntaw xi sentenza ta’ ħabs.

Huma min huma, dawn in-nies, ilkoll kemm huma, irridu naħsbu fihom. Għaliex it-telgħa, iebsa kemm hi iesba, fl-aħħar għandha l-għan tagħha. Il-quċċata. Minn fejn kont ittawwalt u rajt dgħajsa ċkejkna titbandal mal-mewġ. Tbissimt! Għaliex tgħallimt li l-ħajja bħad-dgħajsa ħbieb! ’Il fuq u l’isfel. L’isfel u ‘l fuq. Imma b’differenza! La hemm ir-rotta, la hemm il-pjan, la hemm min imexxi, allura ma jimpurtax jekk jaħkmu fuqha l-irjieħ! Għaliex fl-aħħar tasal. U tasal qawwija sħiħa! Għall-ferħ u l-hena ta’ dawk li kienu fiha.

Din il-mixja kienet ta’ barka kbira għalija għaliex għallmitni li s-swar qiegħdin hemm biex jipproteġuni mill-għedewwa imma qatt minn nies. Għallmitni li l-ħajja hija telgħa. Iżda wara t-tbatija tagħha hemm niżla li tant kemm se tagħtini gost ninżilha li se tnessini għal kollox l-uġiegħ li ġarrabt biex tlajtha. U, fl-aħħar nett, il-ħajja hija bħal dgħajsa. Li tmewweġ. Ġieli kontra r-riħ ukoll. Imma tasal. L-għaliex it-tmunier tagħha huwa l-Mulej! Li kollox idawwar f’rebħa għal min jafda fih!

F’dawn il-jiem sbieħ oħroġ imxi. Ħu karta miegħek. U niżżel dak li titgħallem mill-mixja li tagħmel. Għaliex m’għandekx int ukoll tħawwar l-ambjent ta’ madwarek b’riflessjoni sempliċi u sinċiera li toħroġ mit-tron ikħal tas-smewwiet?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: