Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Tibqax għaddej!

Tibqax għaddej!


Patri Mario Attard OFM Cap 

Il-karba tal-qalb li karab Abraham, hekk kif ra lill-Mulej biswit il-ballut ta’ Mamri, tidħolli f’qalbi kull darba li naqraha. Nismagħha. Inkella tingħatali l-grazzja li, fis-skiet tal-kunvent, niftakar fiha. Iva! Tidħolli f’qalbi l-għaliex hija preċiżament il-karba li toħroġ mill-qiegħ nett  ta’ ruħi! Imġewħa u għatxana għal dak li jxabba’. “Sidi, jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek” (Ġen 18:3).

Aktar ma nirrifletti fuqha aktar nitgħallem kemm din il-karba ma saritx biss erbat elef sena ilu. Mela fi żmien tant ‘il bogħod mid-dinja mimlija storbju, ġenn u ġiri, li fiha qiegħdin ngħixu illum. Lanqas ma’ din il-karba, li seħħet b’tant konvinzjoni minn xi ħadd li ittama kontra kull tama, m’hija marbuta ma xi Testment partikulari fil-Kotba Mqaddsa. Fil-fatt, din il-karba tinstab tiġri fit-Testment il-Ġdid daqskemm hi fil-Qadim. Il-ġuħ għal min jaqra l-Kelma ta’ Alla għadu u jibqa’ kbir! Hekk iwieġbu Ġesù lix-xitan, it-tentatur: “Hemm miktub, ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla’” (Mt 4:4). U bl-istess ħrara li t-Testment il-Qadim jurina li l-Kelma ta’ Alla tagħti tassew t-tama lill-bniedem. L-għaliex ħierġa mit-Tama vera, il-Mulej. Hekk jgħidilna s-Salm 119: “Ftakar fil-kelma li tajt lill-qaddej tiegħek, li biha inti ttamajtni. Dan hu l-faraġ fin-niket tiegħi: li l-wegħda tiegħek tagħtini l-ħajja” (119:49-50).

U, l-għaliex il-konvinzjoni li l-Kelma tal-Mulej, l-għaliex hija wegħda li se titwettaq żgur, għadha tagħti t-tama u l-ħajja, ġie deċiż li f’dawn il-jiem imqaddsa tar-Randan tingħata opportunità tad-deheb biex il-ħniena li l-ħin kollu tgelgel mill-Kelma ta’ Alla, tinqasam mal-kotra għatxana għalih. L-aħbar sabiħa hi li din il-ħniena, li għaliha jitlob b’qalb kbira l-Patrijarka Abraham fil-ktieb tal-Ġenesi, qiegħdha titqassam b’xejn u bi mħabba tal-għaġeb kull nhar ta’ Ħamis fl-4.00 ta’ wara nofsinnhar. Sewwasew fil-Knisja tagħna l-Kapuċċini fil-Furjana. Il-forma ta’ din il-ħniena m’hija xejn ħlief il-Kelma ta’ Alla. Fil-forma tradizzjonali Benedittina tal-Lectio Divina.

Kull nhar ta’ Ħamis, tul il-vjaġġ penitenzjali tar-Randan, qiegħed jittieħed il-vanġelu tal-Ħadd li jkun imiss. U, fil-kuntest taċ-ċelebrazzjoni liturġika, fuqu qiegħdha issir riflessjoni akkademika u spiritwali. M’għandniex xi ngħidu, l-għan aħħari taċ-ċelebrazzjoni huwa l-għejxien tal-Kelma. Jiġifieri li, Ġesù Kristu, Alla li sar bniedem, jerġa’ jitlaħħam fina, is-semmiegħa tal-Kelma. Ilkoll kemm aħna li nattendu għal din il-Lectio Divina ta’ kull ġimgħa, inħossu fuq spallejna t-twissija li jagħmlilna San Ġakbu fl-Ittra tiegħu:

“Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom. Għax jekk xi ħadd jisma’ l-kelma u ma jagħmilhiex, ikun bħal bniedem li jara f’mera l-wiċċ li bih twieled: jara lilu nnifsu, jitlaq, u malajr jinsa kif kien. Imma dak li jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jisma’ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fl-għemil tiegħu” (Ġak 1:22-25).

Minħabba li din is-sena hija wkoll is-Sena tal-Ħajja Ikkonsagrata tfassal program biex ħames Provinċjali ta’ Istituti ta’ Ħajja Ikkonsagrata jkunu huma li jmexxu dawn iċ-ċelebrazzjonjiet. Dawn huma Patri Alfred Calleja OFM Conv, Patri Richard Grech OFM, Patri Ray Francalanza OSA, Fr Frankie Cini MSSP u Patri Sandro Vella O.Carm. Patri Martin Micallef OFM Cap, il-Provinċjal tal-Franġiskani Kapuċċini, jidħol fil-fond tat-testi tal-vanġelu.

L-attendenza sabiħa li qed ikun hemm għal din il-Lectio Divina, speċjalment mill-persuni ikkonsagrati, ġegħlitni nifhem aktar dak li Papa Benedittu XVI qal fl-eżortazzjoni appostolika dwar il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja, Verbum Domini: “Illum ukoll, kemm espressjonijiet qodma u ġodda ta’ konsagrazzjoni speċjali huma imsejħa li jkunu skejjel ġenwini ta’ ħajja spiritwali fejn l-Iskrittura tista’ tinqara skont l-Ispirtu s-Santu fil-Knisja, għall-benefiċċju tal-Poplu kollu ta’ Alla” (nru 83).

Imħajjar, imħajra, li l-Kelma ta’ Alla tidħol fik u tagħmel ħafna frott? Trid tħallieha tibdillek ħajtek? Jekk iva l-għaliex ma tidħolx fuq is-sit www.laikos.org u tikklikja fuq il-Lectio Divina minn Fr Martin Micallef Kapuċċin? Hijiex din il-karba personali tiegħek lill-Mulej: “Tibqax għaddej?”

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: