L-Irqajja’


Patri Mario Attard OFM Cap

Ir-roqgħa! Mhux sabiħa f’libsa. L-għaliex ma żżommhiex unità. Ir-roqgħa tkisser il-kontinwità tal-libsa.

Dan l-aħħar kont qed inqaddes u minn fuq is-sedja innutajt diversi rqajja’ fil-ġemgħa li kelli quddiemi. Mill-anqas għoddejt ma’ ħames irqajja’ battala kbar fil-miġemgħa liturġika. Dan il-fatt ixxukjani. Kellimni. Ħassibni. ħeġġiġni. Fetaħli orizzonti kbar. U ejja Patri? Għaliex?

Xi darba dawk l-irqajja’ kienu mimlija bin-nies. Jiġifieri b’dawk in-nies li kienu jmorru l-Knisja. Issa min għal ħaġa u min għal oħra m’għadhomx jersqu! Forsi l-għaliex xi omeliji huma bla sens. Għax tant kemm dara jisma’ l-istess qerda li irraġuna hekk: “Jaqbilli nibqa’ rieqed il-Ħadd milli niġi naħli l-ħin il-Knisja”. Kollox sew! Agħmel hekk! Imma b’daqshekk x’solvejt? Ma taħsibx li l-vojt ta’ ġo fik aktar kabbartu iżjed? L-għaliex ċaħħadt lilek innifsek milli tirċievi l-Kelma ta’ Alla? Tgħidli: “Imma l-qassis u l-patri dejjem jeqirdu!” Ngħidlek: “Imma anki f’dak il-qried tagħhom jaf ikun hemm kelma li ssammrek! Kelma taf tkun! Imma ħej x’saħħa għandha! Dik xabla taqta’ minn żewġt ixfar!”

Imbagħad hawn min mar il-Knisja għall-quddiesa u sema’ xi kelma li darsietu. Gerrxitu. Jew, jgħidlek, insultatu! Issa hawn irridu nżommu l-brejk ħa nirriflettu u nkunu sinċieri magħna nfusna. Jekk int u jien naħsbu li mal-Kelma ta’ Alla aħna għandna r-raġun u l-Mulej għandu t-tort ħa ngħidlek minn issa jew nibdlu l-attitudni tagħna inkella ħa nibqgħu inweġġgħu lilna nfusna għal xejn! Mal-Mulej hu għandu r-raġun u mhux aħna! Miegħu m’hemmx innegozjar. Il-Mulej jobgħod logħob bil-kliem. U ħafna tidwir ta’ diskors. Alla sinċier! U mhux se jaqa’ fil-baxx tal-logħob bil-kliem tagħna l-bnedmin! Aħjar ngħidlu jien hekk. U l-hekk jistgħu jkunu l-eħrex vizzjijiet u dnubiet. Għalih mhux problema li ifejjaqni minnhom! Milli noqgħod ħafna argumenti biex tgħaddi tiegħi miegħu. Il-Mulej għaqli. Ma jimponili xejn. Aqta’ x’jagħmel? Iħallini nitmiegħek u niddamdam fl-argumenti u fil-ġustifikazzjonijet tiegħi stess! Dik kedda eh!

Imma, u hawn hu l-iżball li ġieli aħna l-patrijiet u l-qassisin, mela jiena l-ewwel wieħed, nagħmlu. Alla, magħna, jimxi magħna bil-mod! Bis-sabar! B’ħafna ħlewwa! Hekk jimxi miegħi. Jibqa’ isus. Isus. Isus. Sakemm fl-aħħar … ċlikk! Il-ħażen iġerragħni u jkolli ndur lura lejħ għall-għajnuna bilfors. Hu hemm! M’hemmx ieħor! Ivvinta u oħloq kemm trid allat oħra. Nies. Poter. Flus. Popolarità. Pjaċir. Kollox jispiċċa! U jħalli vojt kbir! Mela anqas ħaqq il-kedda sieħbi! Mhux aħjar nibżgħu naqra għall-enerġija li fadlilna f’ġisimna u ruħna u nixmu fi triqtu mill-ewwel?

Meta l-Kelma ta’ Alla li tixxandar fil-Knisja tkun ta’ veru tisfidana, iddarrasna, u turina l-gideb kbir li hemm fina. Ibda’ minna s-saċerdoti u spiċċa fikom in-nies! Hemmhekk nibdew niċċaqalqu! Hemm frażi ta’ Ġesù li lili tgħidx kemm tfejjaqni kull darba li niftakar fiha! Darba wieħed kap għani staqsieh: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (Lq 18:18). U Ġesù wieġbu: “Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla waħdu” (Lq 18:19). Sur Patri għadek ma wasaltx! Lanqas int ħija! Oħti! Imma qiegħdin fit-triq! Mexjin!

L-irqajja’ fil-knejjes jimtlew meta l-Patri jħalli n-nies iressquh lejn Ġesù u n-nies iħallu lill-Patri iressaqhom lejn Ġesù!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: