Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > “Il-ferħ jiġi mill-fidi f’Ġesù mhux mir-regoli riġidi dottrinali”, il-Papa Franġisku

“Il-ferħ jiġi mill-fidi f’Ġesù mhux mir-regoli riġidi dottrinali”, il-Papa Franġisku


Mhux ir-regola riġida dottrinali tagħti l-veru ferħ imma l-fidi u t-tama tal-laqgħa ma’ Ġesù.  Bniedem li jemmen imma li ma jafx jifraħ iġiblek ħniena.  Il-Papa Franġisku afferma dan dalgħodu waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Il-ferħ ta’ Abraham li jifraħ bit-tama li se jsir missier, kif wegħedu Alla, kien il-ħsieb ewlieni li fuqu bena r-riflessjoni tiegħu il-Papa fil-kummenti dwar il-qari tal-ġurnata.  Abraham hu xiħ u martu Sara wkoll.  Imma hu jemmen, jiftaħ qalbu għat-tama u jimtela’ bil-faraġ.   Ġesù jfakkar lid-dutturi tal-liġi li Abraham qabeż bil-ferħ, bit-tama li jara jasal il-jum tiegħu u mtela bil-hena.

Dan hu dak li ma kienux jifhmu d-dutturi tal-liġi.  Ma kienux jifhmu l-ferħ li ġej mill-wegħda; ma kienux jifhmu l-ferħ li ġej mit-tama; ma kienux jifhmu l-ferħ li ġej mill-patt.  Ma kienu jifhmu xejn!  Ma kienux jafu jifirħu, għax kienu tilfu s-sens tal-ferħ li jiġi biss mill-fidi.

Missierna Abraham kellu ħila jifraħ għax kellu l-fidi: kien sar ġust fil-fidi.  Imma l-mexxejja tal-Lhud kienu tilfuha l-fidi.  Kienu dutturi tal-liġi, imma mingħajr fidi!  Aktar minn hekk: kienu tilfu wkoll il-liġi!  Għax il-qofol tal-liġi hija l-imħabba, l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.

Dawn kellhom biss, kompla jgħid il-Papa, duttrina preċiża li kienu jirfinuha kuljum biex ħadd ma jkun jista’ jibdilha.  Nies bla fidi, mingħajr liġi, imkaħħlin mad-duttrina li kienet tfisser atteġġjament fejn kollox kien regola riġida skont il-każ: għandna nħallsu t-taxxi lil Ċesare jew le?  Din il-mara li żżewġt seba’ darbiet, meta tasal is-sema mart min se tkun?

Din il-każistika kienet id-dinja tagħhom, dinja astratta, dinja mingħajr imħabba, dinja mingħajr fidi, dinja mingħajr tama, dinja mingħajr fiduċja, dinja mingħajr Alla.  U kien għalhekk li ma setgħux iħossu l-ferħ!

Forsi, zied jgħid b’ironija l-Papa, kienu jiddevertu xi ftit imma mingħajr ferħ, anzi, bil-biża’.  Din hi l-ħajja mingħajr tama f’Alla, mingħajr fiduċja f’Alla.  Qalbhom hi iebsa, tal-ġebel,.  Kemm hu ta’ swied il-qalb li bniedem jgħid li jemmen u m’għandux ferħ.  U l-ferħ ikun nieqes meta mhemmx il-fidi, meta mhemmx it-tama, meta mhemmx liġi imma biss riċetti, duttrina kiesħa, riġida.

Il-ferħ tal-fidi, il-ferħ tal-Vanġelu, huwa l-qies tal-fidi tal-persuna.  Mingħajr ferħ, dik il-persuna mhix verament waħda li temmen.

Issa mmorru lura lejn id-dar imma qabel, nagħmlu ċelebrazzjoni b’dan il-kliem ta’ Ġesù: Missierkom Abraham qabeż bil-ferħ għall-ħsieb li kien se jara l-jum tiegħi, u rah u feraħ.  U aħna nitolbu lill-Mulej il-grazzja li naqbżu bil-ferħ, il-grazzja li naraw il-jum ta’ Ġesù meta ningħaqdu miegħu, nitolbu l-grazzja tal-ferħ, temm Franġisku.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: