Home > Aħbarijiet, Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-Papa Franġisku: “Fejn mhemmx ħniena mhemmx ġustizzja”.

Il-Papa Franġisku: “Fejn mhemmx ħniena mhemmx ġustizzja”.


Fejn mhemmx ħniena mhemmx ġustizzja u ħafna drabi, illum il-ġurnata, l-poplu t’Alla jsofri ġudizzju nieqes mill-ħniena.  Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta dalgħodu.

Hu u jikkummenta l-qari tal-ġurnata, filwaqt li rrefera wkoll għal pass ieħor mill-Vanġelu, il-Papa Franġisku tkellem dwar tliet nisa u tliet imħallfin.: mara innoċenti, Susanna, midinba, l-adultera u armla fqajra u  fil-bżonn li skont xi missirijiet tal-Knisja huma figuri allegoriċi tal-Knisja: il-Knisja Qaddisa, il-Knisja Midinba u l-Knisja fil-bżonn.

It-tliet imħallfin huma ħżiena u korrotti, osserva l-Papa: hemm qabel kollox il-ġudizzju tal-Iskribi u tal-Fariżej li jieħdu lill-adultera quddiem Ġesù.  F’qalbhom kellhom il-korruzzjoni tar-riġidità.  Kienu jqisu lilhom infushom puri għax kienu josservaw il-liġi fl-irqaqat: il-liġi tgħid hekk, allura rridu nagħmlu hekk.

Imma dawn ma kienux qaddisin, kienu korrotti.  Korrotti għax riġidità bħal din tfisser fil-fatt ħajja doppja.  Dawn li kienu jikkundannaw lil dawn in-nisa kienu jmorru jfittxuhom huma stess, biex jiddevertu ftit.

Min hu riġidu, se nuża l-aġġettiv li uża Ġesù żied il-Papa, huwa korrott u għandu ħajja doppja.  Dawk li jiġġudikaw: naħsbu aħna fil-Knisja – it-tliet nisa huma figuri allegoriċi tal-Knisja – dawk li jiġġudikawha bir-riġidità għandhom ħajja doppja.  Bir-riġidità jinqatgħalek in-nifs.

Imbagħad hemm iż-żewġ imħallfin anzjani li jirrikattaw mara, Susanna, biex iċċedi għax-xewqat tagħhom, imma hi tirreżisti.  Kienu imħallfin ivvizzjati, kellhom il-korruzzjoni tal-vizzju, f’dan il-każ il-lussurja.

Jingħad li meta jkun hemm dan il-vizzju tal-lussurja, maż-żmien isir aktar qawwi, aktar ħażin.

Fl-aħħar hemm l-imħallef li marret għandu l-armla fqajra.  Dan l-imħallef ma kienx jibża’ minn Alla u ma kien iħabbel rasu minn ħadd, ma kien jimpurtah minn xejn, kull ma kien jimpurtah kien minnu nnifsu.

Kien “affarista”, “negozjant”, imħallef li bix-xogħol tiegħu li jiġġudika kien jagħmel in-negozju.  Kien korrot mill-flus, mill-prestiġju.  Dawn l-imħallfin, osserva Franġisku, in-negozjant, l-ivvizzjati u r-riġidi, ma kienux jafu kelma waħda: ma kienux jafu xi tfisser il-ħniena.

Il-korruzzjoni kienet tbegħedhom mit-tifsira tal-ħniena, minn kif ikollhom il-ħniena.  Il-Bibbja tgħidilna li l-ġudizzju ġust jinsab fil-ħniena.  U t-tliet nisa, il-qaddisa, il-midinba u l-fqira, figuri allegoriċi tal-Knisja, kollha jbatu minn dan in-nuqqas ta’ ħniena.

Illum ukoll il-poplu t’Alla, meta jsib dawn l-imħallfin, ibati minn ġudizzju mneżża’ mill-ħniena kemm mill-aspett ċivili u anki mill-aspett ekkleżjastiku.  U fejn mhemmx ħniena mhemmx ġustizzja.  Meta l-poplu t’Alla jersaq minn rajh biex jitlob il-maħfra, biex ikun iġġudikat, kemm-il darba, kemm-il darba, jsib ma’ wiċċu xi mħallef minn dawn!

Isib l-ivvizzjati li għandhom ħila jaslu jisfruttawh.  Dan hu wieħed mid-dnubiet l-aktar gravi; isib in-negozjanti li ma jħallux l-ossiġenu jasal fir-ruħ, ma jagħtux tama; u jsib ukoll ir-riġidi li fil-penitent jikkastigaw dak li fil-fatt għandhom f’qalbhom huma.  Dan insejħulu nuqqas ta’ ħniena.

Għalhekk, ikkonkluda l-Papa Franġisku, irrid nikkwota waħda mill-isbaħ kliem tal-Vanġelu li lili tqanqalni ħafna: “Ħadd ma kkundannak?”  “Le, ħadd, Sinjur”.  “Mela lanqas jien ma nikkundannak”

Lanqas jien ma nikkundannak hija waħda mill-isbaħ kelmiet għax hi miżgħuda bil-ħniena.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: