Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-Knisja mhix post fejn l-Insara għandhom jagħlqu l-bibien għal min ikun irid jidħol.

Il-Knisja mhix post fejn l-Insara għandhom jagħlqu l-bibien għal min ikun irid jidħol.


Il-Knisja hija d-dar ta’ Ġesù, dar tal-ħniena li tilqa’ lil kulħadd u għalhekk mhix post fejn l-Insara għandhom jagħlqu l-bibien għal min ikun irid jidħol.  Dan kien il-messaġġ tal-Papa Franġisku fl-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta fil-Vatikan.

Kien messaġġ li l-Papa rrepetih kemm-il darba fil-passat: il-messaġ li Ġesù jiftaħ il-bibien għal kull min irid ifittxu u speċjalment għal dawk li huma bogħod minnu.  Imma l-Papa żied li hu jiddispjaċih li xi nsara jagħlqu l-bieb għal min imur iħabbat fuq il-bieb tal-Knisja.  Filwaqt li Kristu joffri ħniena sħiħa, dawk li jistqarru li jemmnu fiH xi drabi jonqsu lejH għax jagħlqu l-bieb għall-oħrajn.

Il-Papa żviluppa l-omelija tiegħu mill-ħsieb tal-ilma li hu l-protagonist tal-qari tal-lum.  Franġisku qal li dan hu ilma li jfejjaq hu u jikkummenta dwar in-nixxiegħa tal-ilma ħierġa mit-tempju li nsibu deskritta mill-Profeta Eżekjel.  Nixxiegħa li ssir xmara kbira mimlija ħut u li għanda s-setgħa li tfejjaq lil kulħadd.

Fil-Vanġelu mbagħad, fejn l-ilma tal-għadira ta’ Betsajda naraw raġel paralliżżat u qalbu sewda, bilqiegħda.  Il-Papa qal li dar-raġel kien xi ftit għażżien u qatt ma sab mod kif jintefa’ fl-ilma biex jikseb il-fejqan.

Minflok, ifejqu Ġesù u jistiednu biex jibqa’ miexi.  Imma dan iqanqal il-kritika tad-dutturi tal-liġi għax il-fejqan seħħ fil-jum tas-Sibt. Din hi ħrafa li llum il-ġurnata narawha tittenna bosta drabi.

Raġel, mara li jsibu li huma morda f’ruħhom, qalbhom sewda, li għamlu bosta żbalji f’ħajjithom, f’xi waqt iħossu l-ilma qed jiċċaqlaq – l-Ispirtu s-Santu jkun qed iċaqlaq xi ħaġa fihom, jew jisimgħu xi kelma.  Jagħmlu l-kuraġġ u jersqu.  U kemm-il darba fil-komunitajiet Insara se jsibu l-bieb magħluq!

“Int ma tistax, ma tistax tidħol. Dnibt u ma tistax tidħol.  Jekk trid tiġi ibda ejja l-quddies il-Ħadd, imma daqshekk, s’hemm tista’ tasal.  Allura dak Ii joħloq l-Ispirtu s-Santu fil-qlub tal-bnedmin, jeqirduh dawk l-Insara li għandhom “il-mentalità tal-imgħallmin tal-liġi”.

Dan lili jweġġgħani, stqarr il-Papa filwaqt li tenna li l-Knisja għandha dejjem iżżomm il-bibien tagħha miftuħin.

Hija d-dar ta’ Ġesù u Ġesù jagħti merħba lil kulħadd.  U mhux biss jilqa’, imma joħroġ Hu biex jara lin-nies, l-istess bħalma għamel meta mar ifittex lil dar-raġel.  U jekk in-nies iweġġgħu, mela Ġesù x’jagħmel?  Iċanfarhom għax huma mweġġgħin?  Le!  Jiġi u jgħabbihom fuq spallejh.  Din insejħulha ħniena.  U meta Alla jċanfar lill-poplu tiegħu – ħniena rrid u mhux sagrifiċċju – dwar dan qed jitkellem.

Int min int, kompla l-Papa, biex tagħlaq il-bieb ta’ qalbek lill-bniedem li jrid jirranġa, li jrid jingħaqad mill-ġdid mal-poplu t’Alla għax l-Ispirtu s-Santu qanqallu qalbu?

Ir-Randan, temm l-omelija l-Papa Franġisku, jgħinna nevitaw li nirrepetu l-istess żball ta’ min iħares biċ-ċiera lejn l-imħabba ta’ Ġesù mal-paralitiku, sempliċiment għax kienet tmur kontra l-liġi.

Matul il-quddiesa llum insejħu lil Mulej biex jagħti lil kull wieħed u waħda minna, u lill-Knisja kollha, il-konverżjoni lejn Ġesù.  B’hekk il-liġi tilħaq il-milja tagħha għax il-liġi hi l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu li nħobbuh bħalma nħobbu lilna nfusna.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: