Home > Ġenerali > IL-PAPA FRANĠISKU SENTEJN WARA

IL-PAPA FRANĠISKU SENTEJN WARA


B’ħarstu ’l quddiem biex illum il-Knisja twassal aħjar  ‘l Ġesu’ u t-tagħlim tiegħu

Kitba ta’ Patri Silvestru Bonavia OFMCap

Kull mument, kull jum, kull diskors u omelija, kull laqgħa jew udjenza, kull vjaġġ jew intervista u l-laqgħat mal-media tal-Papa Franġisku kollox juri fejn jixtieq bis-serjeta’ li tasal il-Knisja bħala poplu t’Alla.

Dan huwa jixtiequ jitwettaq biex kemm il-Knisja kif ukoll il-Poplu kollu t’Alla jkunu kif għandhom ikunu f’din il-bidla epokali li fiha qed ngħixu. Aħna lkoll għandna xorti waħdanija li nistgħu nagħtu sehemna biex dan jitwettaq; ilkoll nistgħu nieħdu sehem f’din l-avventura divina sabiex Kristu jkun jista’ jasal aħjar għand il-bniedem tallum tant bil-għatx u mxennaq għall-għaqda, is-sliem u l-ferħ li Huwa ġabilna u li tant neħtieġu. 

Waqt is-snin tal-Konċilju Vatikan II, il-fundatur tal-Christophers kien stqarr: “Hija xorti kbira għalina li aħna nistgħu nagħtu sehemna, anke jekk żgħir, f’din l-isfida qaddisa li nwasslu ‘l Kristu ħaj illum”.

Fr1_PatriSilvestru_01a_18112013Tiġdid tal-persuni

Mill-jum tat-13 ta’ Marzu 2013 bdiet mixja ġdida fil-Knisja. Jew aħjar nistgħu ngħidu – u għandna ngħidu – li l-mixja mibdija mill-Papa qaddis Ġwanni 23, bil-Konċilju Vatikan II, ħadet spinta qawwija ħafna u ġdida ‘il quddiem.

Il-Papiet Beatu Pawlu VI, Ġwanni Pawlu I u San Ġwanni Pawlu II, flimkien mal-Papa Benedittu 16 taw sehemhom kbir ħafna.  Issa dak li nbeda u twettaq, wasal il-waqt li jidher iktar fil-beraħ u fil-miftuħ u fuq kollox f’medda aktar wiesgħa.  Ħadd ma jista’ jiċħad li sar ħafna tibdil fl-istrutturi tal-Knisja, anke fuq livelli varji tal-knejjes lokali. Imma altru l-aġġornament u altru t-tiġdid tal-persuni!

Ħafna li studjaw il-Knisja mill-Konċilju Vatikan II ‘l hawn jistqarru li “l-aġġornament sar aktar importanti mit-tiġdid; anzi tal-ewwel deher jieħu importanza ferm akbar mit-tiġdid”.

Anke jekk inħarsu ftit ‘l hemm, fl-aħħar mitt sena, l-aktar wara li l-Knisja ħfiefet mir-renju temporali, għamlet passi kbar taħt il-Papiet Beatu Piju IX, Leone XIII, San Piju X, Benedittu XV, Piju XI u Piju XII.

Tajjeb niftakru fi ftit eżempji tal-istorja reċenti tal-Knisja fejn tidher ċara l-mixja soda u wiesgħa tar-riformi u t-tiġdid. Wara r-rivoluzzjoni industrijali, il-ħidma tal-Papa Leone 13 (1878-1903) biex il-ħaddiema (li kienu madwar nofs il-popolazzjoni fid-dinja industrijaliżżata) jiġu mħarsa u ma jibqgħux jiġu sfruttati; huwa xandar l-Evanġelju soċjali mfassal fl-enċiklika kbira “Rerum Novarum” imsaħħa u żviluppata aktar fis-snin ta’ wara wkoll.  Ħidmietu bla heda kienet għal sintesi bejn il-kultura sekulari u l-ħajja tal-Knisja, il-fidi u x-xjenza, ir-rivelazzjoni u r-raġuni.  San Piju 10 (1903-1914) ta spinta kbira għar-riforma tal-Liturġija, il-qdusija tal-kleru, il-Katekiżmu għall-poplu t’Alla u kontra l-indifferentiżmu, ir-relattiviżmu u l-moderniżmu.

Il-ġabra tal-Liġijiet tal-Knisja mill-Papa Benedittu 15 (1914-1922) u d-diplomazija kbira wara l-ewwel gwerra dinjija bis-saħħa ta’ tnejn mill-akbar Segretarji tal-Istat il-kardinali Merry del Val u Rampolla.  Ħadem għal-djalogu mal-modernisti u wkoll mal-Lhud u oħrajn.  Fit-tieni kwart tas-seklu 20, il-Papa Piju 11 (1922-1939) kompla b’ħidma wiesgħa bil-kif għall-Missjonijiet tal-Knisja l-aktar fil-kontinenti fl-Afrika, fl-Asja u l-Amerka Latina ġew organiżżati aktar u mgħejjuna kif jixraq biex ikompli t-triq li kien beda l-papa ta’ qablu.  Importanti ħafna kienu l-Patti tal-Lateran li wassal għal paċi bejn stat u knisja fl-Italja.  Ma ngħidu xejn dwar il-Qaddej t’Alla, il-Papa kbir Piju 12 (1939-1958) li mexxa l-Knisja fiż-żmien l-aktar diffiċli tal-akbar gwerra dinjija, il-ħelsien ta’ tant miljuni ta’ Lhud li aktar ma jgħaddu snin aktar toħroġ fil-beraħ il-verita’ kollha.   Wara l-Gwerra kompla  bid-diskorsi magħrufa tiegħu lill-mexxejja tal-ġnus, lil kull kategorija ta’ nies, li saħħew il-Knisja kullimkien mir-rovini li ġabet il-gwerra (1939-1945).

Radd il-ħajr għal sehemhom kbir

Imma tajjeb ukoll li niftakru li dawn il-Papiet kollha kienu mgħejjuna mill-Kurja Rumana, nies mgħażula u kapaċi li taw sehemhom uħud bil-miftuħ waqt li bosta kienu jaħdmu fis-skiet;  l-ismijiet ta’ dawn tal-aħħar bil-kemm jibqgħu jissemmew. Lilhom ilkoll, kif tenna l-Papa fl-awguri tal-Milied, ir-radd il-ħajr għal ħidma hekk kbira.  Fl-istess waqt, kif tenna bosta drabi l-Papa preżenti, li kemm il-Knisja kif ukoll dawn il-nies kellhom u għandhom in-nuqqasijiet tagħhom ukoll bħalma għandu kull bniedem.  Għalhekk Papa Franġisku daqq it-tromba bil-kbir li issa huwa l-waqt li jiġu mġedda l-istrutturi tal-Knisja u, fuq kollox, il-persuni li jħaddmuhom.  Strutturi ġodda jitolbu persuni “mġedda”.  Hekk il-Knisja ta’ Ġesu’ tkun aktar il-Knisja kif riedha Ġesu’ u tkun ta’ qadi akbar u aħjar għall-bniedem tallum.  Dan kien il-messaġġ ewlieni fil-laqgħat kollha li saru bejn il-Papa u l-kummissjonijiet li waqqaf, mal-kardinali fil-Konċistoru u fid-diskorsi tiegħu.

Mhux il-waqt li ssir analiżi tad-diskorsi, il-kitbiet, l-intervisti u l-ġrajjiet tal-aħħar sentejn u fuq kollox tal-Ittra Apostolika “Il-Ferħ tal-Evanġelju” li hija ittra “programmatika” tal-pontifikat għall-Papa nnifsu u għall-operaturi pastorali kollha fid-dinja kollha.  Ġa nkiteb ħafna fuq hekk u għad irid jinkiteb ħafna aktar!

Ma nistgħux hekk fil-qosor nanaliżżaw iż-Żjajjar pastorali li wettaq fil-Korea, Filippini, fl-Art Imqaddsa, fl-Albanija, fit-Turkija, fil-Kunsill tal-Ewropa u l-Parlament Ewropew u aktar, il-Ftehim stroriku wara 50 sena ta’ “embargo” fuq Cuba.  U ħafna aktar!  Imma naraw biss x’hemm warajhom u xi spirhom.  Għax dan hu li qiegħed jispira l-ħidma kollha u d-diskorsi kollha tal-Papa Franġisku.

Papa Franġisku huwa “il-profeta” li l-Ispirtu bagħat fil-Knisja biex bħal San Franġisk t’Assisi fis-seklu 13 u Sant’Injazju minn Loyola fis-seklu 16, idawwal il-Knisja, jixprunaha dejjem aktar lejn il-veru tiġdid li teħtieġ.  U dan wara dak kollu li sar l-aktar mill-Konċilju Vatikan II.  Veru kien profetiku l-kliem ta’ Tielhard de Chardin fl-1946 li l-Knisja kellha bżonn Injazju ġdid u Franġisku ieħor.  Dwar dan ftakarna ukoll sena ilu meta ktibt dwar “il-Papa sena wara”!  Il-Mulej bagħat il-Papa Franġisku.  Veru li jkollok temmen bil-qawwa kollha li Kristu huwa dejjem mal-Knisja tiegħu u permezz tagħha magħna l-bnedmin; għax dak li tipprova twettaq il-Knisja huwa dejjem għall-ġid aħħari tal-bniedem fil-milja kollha tiegħu hawn fid-dinja u wara dil-ħajja!

Papa li jixpruna t-tiġdid

Kollox beda nhar it-13 ta’ Marzu, sentejn ilu.  Imma illum nistgħu ngħidu aktar eżatti li l-bidu kien nhar is-sibt fil-għodu 9 ta’ Marzu ta’ qabel f’waħda mil-laqgħat tal-kardinali qabel beda l-konklavi wara r-riżenja tal-Papa Benedittu 16.  Bħal dejjem, il-kardinali jiltaqgħu u jaqsmu flimkien ħsibijiethom dwar il-qagħada tal-Knisja fil-preżent u l-papa li jkunu jridu jagħażlu huma.  Responsabbilta’ kbira ħafna l-aktar li f’dawn l-aħħar snin, il-kulleġġ tal-kardinali twessa’ daqshekk u jiġbor fih ir-rgħajja ta’ tant knejjes lokali f’kull pajjiż jew f’kull żona tad-dinja, b’kulturi varji, differenti, kuntrastużi minn kważi kullimkien!

Kien f’dik il-laqgħa tal-kardinali tas-sibt 9 ta’ Marzu 2013 li kien imiss lill-kardinal Jorge Bergoglio, l-arċisqof ta’ Buenos Aires, Argentina, tarf id-dinja, ġiżwita, li jsemma l-leħnu u jitkellem fuq il-qagħada fil-Knisja u l-papa l-ġdid mixtieq.  Id-diskors tiegħu ġibed l-ammirazzjoni ta’ bosta mill-kardinali u jingħad, bil-provi, li kliemu, imdawwal u mħeġġeġ mill-Ispirtu Qaddis, laqat il-musmar fuq rasu sewwa.  Il-kardinal tkellem b’qalbu f’idu, mhux qara diskors imħejji qabel.  Imma jidher li kien l-Ispirtu li kien qed jitkellem permezz tiegħu.

Malli l-kardinal Bergoglio temm id-diskors, il-kardinal Jaime Ortega, l-arċisqof  ta’ Havana, Cuba, ħabib tiegħu, mar fuqu u talbu jagħtih kopja.  Naturalment wieġbu li ma kellux imma wegħedu li jagħtih il-punti li tkellem fuqhom.  U hekk għamel dak inhar stess.  Il-kardinal Ortega żamm b’għożża kbira din il-karta żgħira miktuba minn żewġ naħat li llum hija dokument kbir u importanti ħafna fl-istorja tal-knisja.

Il-Mondanita’ spiritwali

F’dawk il-ftit minuti, l-arċisqof arġentin tkellem fuq il-ferħ u l-faraġ tal-evanġeliżazzjoni li jnissel ħeġġa appostolika li jitnissel mill-kontemplazzjoni u l-għaqda ma’ Ġesu’ Kristu.  Dan iġiegħel lill-Knisja toħroġ minnha nnifisha u tmur lejn il-periferiji li jeżistu, ma tibqax iżżomm ‘il Kristu għaliha, imma twasslu lil kulħadd.  Hekk il-Knisja tieħu d-dawl tagħha minn Kristu, u mhux minnha nnifisha; għalhekk ukoll tkun tista’ toħroġ minn dik il-mondanita’ spiritwali li huwa ħażen kbir tassew li jġagħalha tfittex il-glorja tagħha u mhux ta’ Kristu għas-salvazzjoni tal-bnedmin.  Hekk fassal il-linji-gwida għall-Papa ġdid.

Il-kardinal Ortega stqarr li minn dak il-ħin, il-kardinali l-oħra dawwru l-attenzjoni tagħhom fuqu; jumejn wara beda l-konklavi li fil-ħames votazzjoni ġie magħżul Papa Franġisku.

Wara l-kardinal Ortega talab lill-Papa setax juża dawk in-noti li kien tah għax kien xtaq jużhom fl-omelija tiegħu ta’ Ħamis ix-Xirka; il-Papa qallu iva u mbagħad dawk il-kliem profetiċi u programmatiċi xterdu mad-dinja.  Ftit barra l-konklavi kienu fehemu l-importanza, il-valur u l-piż tagħhom.

Fil-fatt il-Papa wera kemm kien tassew jemmen f’dak li qal, kemm kien konvint li dawk il-kelmiet kienu meħtieġa għall-Knisja.  Sa mill-ewwel waqt mindu deher fil-gallarija sal-ġurnata  tallum, huwa pprova jkompli jurihom f’ħajtu kif kien jagħmel f’Buenos Aires.  U nimmaġinaw bla ma niżbaljaw li żied id-doża sewwa.  Il-għażla tiegħu li jgħix f’Sta Marta, l-istil kollu ta’ ħajtu, l-atteġġjamenti tiegħu komplew ikkonfermaw kemm kien konvint minn dak li qal li kien meħtieġ fil-Papa l-ġdid li jgħin lill-Knisja teħles mill-akbar pjaga tagħha “il-mondanita” spiritwali”.  Hekk biss setgħet tagħmel pass ieħor meqjus u importanti fit-tiġdid tagħha, tal-persuni li jiffurmawha, tal-pjanijiet tagħha sabiex tkun meżż aktar qawwi u adattat għaż-żmien biex twassal il-Kristu, twettaq il-vera evanġeliżazzjoni ġdida.

Il-Mondanita’ tintrebaħ bl-għaqda akbar ma’ Kristu

Kif nafu, dan wassal biex sitt xhur wara l-elezzjoni tiegħu, huwa fassal l-Eżortazzjoni Appostolika “Il-Ferħ tal-Evanġelju” li xandar fit-30 ta’ Novembru, 2013.  Iktar ma ssir taf l-isfond ta’ ħajjet Papa Franġisku, iktar tikkonferma kemm din l-Eżortazzjoni ħarġet mhux biss minn idejh, imma minn qiegħ qalbu u minn ruħu.  Biż-żejjed ngħidu li l-paragrafi 1-4 fil-bidu u dawk 264-269 juruna l-għeruq profondi tal-kontemplazzjoni tal-Papa Franġisku fuq Kristu, huma frott ta’ esperjenza mhux komuni, personali ħafna, rari f’dokument pontifiċju.  Kull kelma tixprunak għal għaqda ikbar ma’ Ġesu’, l-ewwel u l-uniku evanġeliżżatur tal-Imħabba tal-Missier għall-bniedem, li kull min huwa msejjaħ għal din il-ħidma jeħtieġ li jkollu f’doża dejjem akbar.

Imma biex dan jitwettaq irridu nwarrbu kull xorta ta’ mondanita’ li l-Papa jikkwalifikaha bħala “spiritwali”.  Kif jgħid huwa stess, din tidħol taħt ħafna aspetti, skont il-persuna li tkun, uħud jidhru ġustifikabbli imma jkunu qed itappnu sewwa l-istess Kelma t’Alla, l-Evanġelju nnifsu u l-istess persuna ta’ Ġesu’.  Mhux ħaġa ħafifa tispjega x’inhi din il-mondanita’ spiritwali.  Għax din tidħol meta l-persuna tidher li tkun rebħet il-mondanita’ umana jew materjali jew morali.  Il-persuna ma jkollhiex “dnubiet” jew żbalji morali x’wieħed jikkoreġi għax tidher li tkun qed tagħmel minn kollox biex ikollu “dehra tajba, sabiħa” quddiem in-nies!  Allura x-xitan ikompli jittanta biex il-mondanita’ tidher f’dak li huwa estern, fl-istess ċelebrazzjonijiet, ħidmiet, atteġġjamenti spiritwali.  U l-gwaj hu li din issir aktar gravi, u aktar tagħmel ħsara lill-Knisja minn dnubiet morali (Ev Gaud 93)!

Dan hu li beda jwettaq il-Papa; huwa beda minnu nnifsu.  Imma jeħtieġ li dan jitkompla f’kull membru tal-Poplu t’Alla, f’kull naħa tad-dinja, f’kull djoċesi u parroċċa, f’kull komunita’ reliġjuża, f’kull Moviment ekklesjali.  Flimkien nagħtu sehemna għal Knisja isbaħ u aħjar li tkun meżż qawwi tassew għall-evanġeliżazzjoni ġdida.  Dan ikun l-aħjar mod kif niċċelebraw dan it-tieni anniversarju tal-Papa.

Dak li jispira lill-Papa Franġisku fil-Viżjoni tiegħu għall-Knisja

Fis-sentejn tal-Papa Franġisku, f’dak kollu li qal, kiteb u wettaq, l-istil ta’ ħajtu u mġiebtu, il-vjaġġi li għamel, kollha jinġabru, kif intqal, fil-jum li għamel Assisi fil-festa ta’ San Franġisk, 2013: “Il-ġurnata ta’ Assisi hi rifless tal-ntifikat kollu”.  Dak inhar hu tenna. Waqt il-laqgħa maż-żgħażagħ, li “hawn f’Assisi qrib il-Porziuncola, jidhirli nisma’ leħen San Franġisk li jtenni: “Vanġelu! Vanġelu!”  Qed jgħidu lili wkoll, anzi l-ewwel lili: Papa Franġisku, kun qaddej tal-Evanġelju!  Jekk jien ma nkunx qaddej tal-Evanġelju, ħajti ma tiswa xejn!”

Fil-“Ferħ tal-Evanġelju”, Papa Franġisku jfisser dan ħafna tajjeb fil-par. 93-97) taħt ir-ras: Le! għall-mondanita’ spiritwali.   U din hija kważi fil-qalba nett tal-Ittra Appostolika.  Imma fil-bidu sabiex jintroduċi għaliha jitkellem sewwa dwar ir-relazzjoni personali tal-bniedem tal-Knisja, ta’ KULL nisrani ma’ Ġesu’ (par 2-4) u fil-par. qrib it-tmiem (264-269) jerġa jtenni b’mod aktar profond il-bidla li trid isseħħ fid-dixxiplu-missjunarju meta ir-relazzjoni ma’ Ġesu’ ssir “esperjenza”.  Dan jgħinna nagħarfu fina nfusna din il-mondanita’ spiritwali li hija fina, fina ħafna, jgħidilna fil-par 93 kif wieħed għandu jfittex mhux dak li jaqbel lilu nnifsu, imma dak li hu ta’ Ġesu’ Kristu: “Ikollkom fikom l-istess sentimenti ta’ Kristu Ġesu’” (Fil 2,21).  Dan il-kliem mifhmum u mgħajjex fl-aspetti kollha tiegħu u anke dawk l-aspetti l-aktar moħbija tal-bniedem, ikun min ikun u f’liema grad jinsab fil-Knisja, jispjega tajjeb din il-mondanita’ spiritwali.

X’inhi l-Mondanita’ Spiritwali

Fil-fatt fil-par 93-97 tal-Ev Gaud jagħti ftit eżempji li fihom jiġbru bosta oħrajn: il-mondanita’ spiritwali ġġiegħel lill-persuna jaħseb li hu suffiċjenti fih innifsu, jafda fih innifsu fejn “la Ġesu’ Kristu u l-anqas l-oħrajn ma jinteressawna aktar”.  “F’xi wħud ninnutaw għożża fiergħa għal-liturġija, għad-duttrina u għall-ġieħ tal-Knisja imma mingħajr ma jinteresshom li l-Evanġelju jidħol tabilħaqq fil-ħajja tal-poplu t’Alla u fil-ħtiġijiet konkreti tal-istorja.  B’dan il-mod, il-ħajja tal-Knisja tinbidel f’biċċa opra ta’ mużew jew oġġett li jinsab f’idejn il-ftit.  F’oħrajn l-istess mondanita’ spiritwali tinħeba wara s-seher ta’ kisbiet soċjali u politiċi… Tista’ tidher ukoll f’bosta modi  ta’ kif jippruvaw jidhru  involuti f’ħajja soċjali…”.  Tista’ tidher ukoll, ikompli l-Papa, meta nuru l-Knisja “mhux iżjed bħala Poplu t’Alla imma pjuttost bħala organiżazzjoni”.

U fil-par. ta’ wara l-Papa jkompli bħal donnu jiġbor kollox f’kelma waħda meta jgħid li l-bniedem ikun “ossessjonat b’dak li jidher minn barra… Din jeħtieġ nevitawha u nqiegħdu lill-Knisja f’moviment ta’ ħruġ minnha nfisha, ta’ missjoni li ċ-ċentru tagħha huwa Ġesu’ Kristu”.

Dan kollu jispjega b’mod ċar kliem il-Papa bi tweġiba għax-xewqat tajba tal-Milied nhar il-22 ta’ Diċembru li għadda.  Uħud dehrilhom li kien barra minn postu!  Imma wara 21 xahar jitkellem u jħejji t-triq huwa ġabar kollox flimkien, f’okkażżjoni waħda.  Id-diskorsi jew omeliji li għamel ftit wara li sar Papa lill-isqfijiet, lin-nunzji appostoliċi, lill-kardinali fil-konċistorju, lis-saċerdoti, li-seminaristi u l-persuni ta’ ħajja kkonsagrata, lill-familji, liż-żgħażagħ, fl-okkażżjoni tas-Sinodu Straordinarju tal-Familja u f’tant okkażżjonijiet oħrajn, kollha kienu jirriflettu l-istess ħtieġa li l-Knisja toħroġ mill-mondanita’ spiritwali li baqgħet fil-persuni u fl-istituzzjonijiet tagħha.

Imma ma rridux ninsew li l-Knisja hija l-Poplu kollu t’Alla.  Hija ħaġa ħafifa li nipponta subgħajja lejn persuni oħrajn bħalma għamlu  xi wħud.  Kull nisrani, fil-livelli tiegħu jew tagħha, fil-gruppi, jew istituzzjonijiet li fihom jgħix, fl-attivitajiet li norganiżżaw, naraw imlaħħmin dawk il-mardiet li semma’ l-Papa: “Dawn il-mardiet u dawn it-tentazzjonijiet huma naturalment periklu għal kull nisrani, għal kull kurja, komunita’, kongregazzjoni, parroċċa, moviment ekklesjali, u jista’ jolqot kemm fuq livell individwali kif ukoll dak komunitarju” (22 ta’ Diċ 2014).

Imma ħafna nsew li dak li qal il-Papa Franġisku fit-22 ta’ Diċembru li għadda, kien qalu b’mod aktar differenti l-istess Papa Pawlu VI meta ftit wara li sar Papa fil-21 ta’ Settembru, 1963 wassal kważi l-istess messaġġ.  U dan kien 50 sena ilu!  Imma dak baqa’ għaddej fuq l-irjus, sar dokument li għadda fl-istorja.  Issa kien wasal il-waqt li l-Papa jitkellem aktar ċar biex jagħti linji gwida lill-poplu kollu t’Alla, ibda mill-eqreb kollaboraturi tiegħu li flimkien riedu jwasslu din l-evanġeliżazzjoni ġdida fid-dinja post-moderna. Il-Beatu Pawlu VI temm dak id-diskors kbir hekk: “Għinu lill-Papa jevanġeliżża mhux biss lid-dinja imma lil Ruma li tagħha intom l-ewwel membri fidili u li tagħha huwa hu l-Isqof”.

Dan kollu kellu u għandu influwenza kbira fuq id-dinja, fl-aspetti kollha tagħha.  Il-Knisja għandha messaġġ kbir u għoli wisq li l-bniedem tall-lum tant għandu bżonn.  Mhux ta’ b’xejn li l-Papa bi kliemu imma aktar bi mġiebtu influwenza d-diplomazija, l-ekumeniżmu, HUWA qiegħed fuq quddiem nett l-aġenda dwar l-immigranti rregolari u xortihom.  Il-politiċi u mexxejja tal-gvernijiet għandhom ukoll messaġġ għalihom jekk iridu jtejjbu tassew ħidmiethom fid-dawl tal-Evanġelju għall-veru ġid tal-popli afdati f’idejhom, l-aktar il-fqar, f’kull sens.

U aktar minn hekk fuq il-problemi interni tal-Knisja wkoll.  Il-messaġġi lis-saċerdoti u s-seminaristi fil-laqgħat li kellu magħhom, lir-reliġjużi l-aktar f’din is-sena dedikata lill-Ħajja Konsagrata li qed jitlob minna lkoll “ħajja aktar evanġelika, imġedda tassew” jekk ikunu milqugħa jkollhom effett sgur fuq il-problema tal-vokazzjonijiet illum.  “Ma nistgħux nieħdu b’mod ħafif is-sejħa tagħna” saħaq il-Papa fit-2 ta’ Frar li għadda!  Meta l-Patrijarka Bartolomew I sellem lil Papa Franġisku fil-kattidral ta’ Istanbul (30 ta’ Novembru, 2014) qallu li d-diskorsi u d-dokumenti li qed ixandar huma sbieħ ħafna; imma l-imġieba u l-eżempju tiegħu jitkellmu b’aktar qawwa (Turkija, 30 Nov 2014).

Jinfluwenza d-dinja lajka

Mhux daqshekk biss, imma anke “lajċi” fil-veru sens tal-kelma, jikkonfermaw dan kollu.  F’Settembru li għadda Jeffrey A. Krames ħareġ ktieb li fih juri kif il-Papa Franġisku li llum huwa meqjus bħala wieħed mill-mexxejja ta’ fuq nett fid-dinja, huwa tassew kbir għax jaf imexxi bl-eżempju u bl-umilta’ tiegħu. Il-ktieb jismu “Lead with Humility: 12 Leadership Lessons from Pope Francis

Il-ktieb ġibed l-attenzjoni tad-dinja industrijali u huwa indikat bħala gwida għal kull mexxej f’kull sfera.  Mhux ta’ b’xejn li Papa Franġisku fl-2014 ġie magħżul bħala l-akbar mexxej tad-dinja.  Il-Papa kif tenna ħafna drabi dawn l-unuri ma jeħdulux rasu.  L-importanti li dan iservi biex l-Evanġelju jasal għand ħafna aktar bnedmin.  L-awtur tal-ktieb li huwa lhudi jistqarr li fil-Papa jara mexxej tassew li b’umilta’ sinċiera tiegħu jista’ jmexxi l-akbar organiżazzjoni tad-dinja kif qed jipprova jagħmel.

Aħna lkoll mexxejja, ilkoll fil-livelli tagħna, biex inwasslu lill-oħrajn, u ngħinu lil xulxin nimxu aktar u eqreb wara Ġesu.  Hekk il-messaġġ tiegħu li d-dinja tant għandha bżonnu llum ikun jista’ jasal aktar fil-ħajja ta’ kuljum u l-bniedem jikseb mill-ġdid id-dinjita’ sħiħa tiegħu.

Dmir tagħna lkoll li ma nħallux kliem dan “il-profeta” ta’ żmienna jtir mar-riħ.  Iż-żmien tar-Randan huwa żmien adattat ħafna biex ilkoll nagħmlu l-almu kollu tagħna, nilqgħu dan il-messaġġ, intejjbu għall-aħjar ħajjitna biex intejbu l-ambjent ta’ madwarna.  Hekk Kristu jkun ĦAJ tassew fostna.

Hekk Hu jdawwalna, u nħalluH idawwalna, f’kull ċirkustanza.  Hekk inkunu poplu tassew ferħan għax nibnu ħajjitna fuq “il-Ferħ tal-Evanġelju” u nistgħu nwasslu dan il-ferħ kullimkien.

Categories: Ġenerali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: