Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > “L-istil ta’ Alla hu l-umiltà u s-silenzju, mhux l-ispettaklu”, il-Papa Franġisku

“L-istil ta’ Alla hu l-umiltà u s-silenzju, mhux l-ispettaklu”, il-Papa Franġisku


Alla jaġixxi fl-umiltà u fis-silenzju l-ispettaklu mhux l-istil tiegħu, qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jċanfar lill-abitanti ta’ Nażaret minħabba n-nuqqas ta’ fidi.  Għall-ewwel semugħ bl-ammirazzjoni imma wara splodew ir-rabja u d-disprezz.

Dak il-ħin in-nies kienu qed jisimgħu dak li kien qed jgħid Ġesù b’interess, imma kliemu ma għoġobx lil xi tnejn jew tlieta u xi ħadd li jidhrilu li jaf ħafna qam u qal: Imma dan kif jiġi jkellimna hekk?  Fejn studja biex ikun jaf dan kollu?  Ħa jurina ll-lawreja!  F’liema università studja?  Dan iben il-mastrudaxxa, lil dan nafuh tajjeb!

U qamet l-agħa u anki l-vjolenza.  Keċċewh ‘il barra mill-belt u ħaduh fix-xifer tal-għolja biex jixħtuh għal isfel.

L-ewwel qari jitkellem dwar Naman, il-kmandamt tal-eżerċtu Sirjan, li kien lebbruż.  Il-Profeta Eliżew jgħidlu biex imur jinħasel seba’ darbiet fil-Ġordan biex ifiq.  Iżda anki Naman issuppervja għax kien qed jittama f’xi ġest spettakolari.  Imbagħad jisma’ mis-servi, jagħmel dak li qallu l-Profeta u l-lebbra tiegħu tgħib.

Kemm l-abitanti ta’ Nażaret u anki Naman, osserva l-Papa, riedu l-ispettaklu, imma l-istil tat-twajjeb Alla mhux l-ispettaklu.  Alla jaħdem fl-umiltà u fis-skiet, fl-affarijiet iż-żgħar.  Ibda mill-ħolqien fejn il-Mulej ma jaqbadx il-bakketta maġika imma lill-bniedem joħolqu mit-tajn.  Dan l-istil insibuh jittenna fl-istorja tas-salvazzjoni kollha.

Meta Alla ried jeħles lill-poplu tiegħu, ħelsu minħabba l-fidi ta’ bniedem wieħed, Mosè.  Meta ried iwaqqa l-belt qawwija ta’ Ġeriko, għamel dan bis-saħħa ta’ prostituta.  Anki għal konverżjoni tas-Sammaritani uża l-ħidma ta’ midinba oħra.

Meta bagħat lil David jiġġieled kontra Gulija kien jidher li hu att ta’ ġenn.  Iċ-ċkejken David           quddiem dak il-ġgant armat bix-xabla u b’armi oħra filwaqt li kull ma kellu David kienet żbandola u ftit ċagħak.

Meta ried juri lill-Maġi li kien twieled ir-Re tar-Rejiet, x’sabu dawn is-slaten?  Sabu tarbija mfisqija f’maxtura.  L-affarijiet sempliċi, l-umiltà ta’ Alla.  Dan hu l-istil divin, qatt mhu l-ispettaklu.

Il-Papa fakkar li l-ispettaklu kienet waħda mit-tentazzjonijiet li kellu Ġesù fid-deżert.  Satana jistiednu jitefa’ għal isfel minn fuq il-quċċata tat-tempju biex in-nies jemmnu fih wara li jkunu raw il-miraklu. Iżda l-Mulej jirrivela ruħu fis-sempliċità, fl-umiltà.  Matul dan ir-Randan jagħmilna tajjeb naħsbu dwar ħajjitna, dwar kif il-Mulej kien ta’ għajnuna għalina, dwar kif il-Mulej għinna nimxu ‘l quddiem, u nsibu li dan għamlu dejjem bl-affarijiet sempliċi.

Hekk jaħdem il-Mulej: jagħmel l-affarijiet sempliċi.  Ikellmek fis-silenzju ta’ qalbek.  Niftakru kemm matul ħajjitna ħassejna l-umiltà ta’ Alla, l-istil tiegħu, is-sempliċità tal-istil tiegħu.

Anki fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija, ikkonkluda l-Papa, fis-sagramenti, is-sabiħ hu li tidher l-umiltà ta’ Alla u mhux l-ispettaklu mondan.  Jagħmlilna tajjeb induru dawra ma’ ħajjitna u naħsbu dwar kemm-il darba il-Mulej żarna bil-grazzja tiegħu, u dejjem b’dan l-sitil ta’ umiltà tiegħu, l-istil li Hu jitlob ukoll minna: l-umiltà.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: