Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-Papa Franġisku: il-mondanità ma tħalliniex naraw il-ħtiġijiet tal-foqra.

Il-Papa Franġisku: il-mondanità ma tħalliniex naraw il-ħtiġijiet tal-foqra.


Meta kien qed jikkummenta dwar il-qari tal-liturġija tal-lum fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku osserva li dar-raġel liebes ilbies fin li kien jagħmel ikliet kbar kuljum, qatt ma nisimgħu xejn ħażin dwaru.  Il-Vanġelu ma jgħidilniex li kien raġel ħażin.  Anzi, bil-mod tiegħu, żied il-Papa, forsi kien reliġjuż ukoll, jitlob xi ftit kuljum u jmur it-tempju joffri somom kbar lis-saċedoti li fid-dgħufija klerikali tagħhom kienu jtuh il-postijiet ta’ quddiem.

Imma ma ndunawx bil-fqir, Lazzru, li kien qiegħed ħdejn il-bieb, bniedem mimli ġrieħi u bil-ġuħ, is-sinjali li hu kien jinsab fi bżonn kbir.

Meta kien idur mal-belt, ir-raġel għani, kompla jgħid il-Papa Franġisku, nimmaġinaw li forsi kellu karrozzella bil-ħġieġ skur biex ma jidhirx minn barra!  Min jaf! Imma żgur li l-għajnejn ta’ ruħu kienu mdallmin u ma kinex jista’ jara barra.  Kien iħares biss lejn ħajtu u lejn dak li jiġri lilu.  Ma kienx ħażin imma kien marid bil-mondanità u l-mondanità tibdel ir-ruħ, u tirrendiha indifferenti għar-realtà.  L-erwieħ mondani jgħixu f’dinja artifiċjali, dinja li jagħmluha huma għalihom infushom.  Il-mondanità hija l-loppju tar-ruħ u għalhekk dan il-bniedem mondan ma setax jara r-realtà.

Ir-realtà hi li hawn ħafna foqra jgħixu fostna.  Hawn ħafna nies li jgħixu f’diffikultajiet kbar.  Imma jekk qalbi tkun marbuta mal-mondanità qatt ma nista’ nifhem dan.  Għall-bniedem li qalbu hi marbuta mad-dinja, hu impossibbli li jagħraf il-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor.  B’qalb mondana tista’ tmur il-knisja, titlob u tagħmel elf ħaġ’oħra.  Imma waqt l-Aħħar Ċena, Ġesù x’talbu lill-Missier?

Qallu: Nitolbok, Missier, żomm lil dawn id-dixxipli bogħod mid-dinja, bogħod mill-mondanità.  Il-mondanità hija dnub sottili, u hija ktar minn dnub, hija ruħ fl-istat tad-dnub.

Il-Qdusija Tiegħu, għadda mbagħad biex jitkellem dwar iż-żewġ ġudizzji li naqraw fl-istorja: saħta fuq il-bniedem li kien marbut mad-dinja u barka fuq min kellu fiduċja fil-Mulej.  Ir-raġel għani biegħed qalbu minn Alla, ruħu kienet vojta, art għerja u mielħa, għax min hu mondan, fil-verità, jgħix mal-egoiżmu tiegħu.  Dawn huma nies morda u tant marbutin mal-ħwejjeġ ta’ dil-ħajja li hu diffiċli ħafna li jfiqu.

Il-Papa nnota wkoll li l-fqir għandu isem, Lażżru, imma r-rakkont ma jtiniex isem l-għani, għaliex min hu mondan jitlef ismu, ikun wieħed mill-ħafna qalb folla affluwenti li m’għandha bżonn xejn, għalhekk jitlef l-identità tiegħu.

Meta jmut l-għani u jsib ruħu fit-tbatija tal-infern, jitlob lil Abraham biex jibgħat li xi ħadd imur iwissi lill-membri tal-familja tiegħu li għandhom ħajjin.  Imma Abraham iwieġeb li jekk ma jisimgħux lil Mosè u lill-Profeti ħadd mhu se jipperswadihom lanqas jekk xi ħadd iqum mill-mewt.

Il-bnedmin mondani jridu jaraw manifestazzjoni straordinarja filwaqt li fil-Knisja kollox hu ċar.  Ġesù tkellem ċar u fl-aħħar tal-parabbola hemm kelma ta’ faraġ.

Meta l-imsejken għani fit-tbatija jitlob li Lażżru jmur bi ftit ilma biex itaffilu n-nixfa kif iwieġbu Abraham?  Abraham hu l-figura ta’ Alla l-Missier. “Ibni, ftakar…….

Il-bnedmin mondani tilfu isimhom u aħna wkoll, jekk qalbna tkun marbuta mad-dinja nkunu tlifna tagħna.  Iżda aħna maħniex orfni, temm il-Papa, għax sal-aħħar mumenti hemm il-fiduċja li għandna Missier li qed jistennina.  Ejjew nintlequ f’idejh.  “Ibni”, jgħidilna, “Ibni” isejħilna minn fost id-dinja mondana.  Isejħilna “Uliedi” u għalhekk aħna maħniex orfni.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: