Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > In-Nisrani juri għerfu meta jakkuża lilu nnifsu minflok ma joqgħod jiġġudika lill-ħaddieħor

In-Nisrani juri għerfu meta jakkuża lilu nnifsu minflok ma joqgħod jiġġudika lill-ħaddieħor


Faċli tiġġudika lil ħaddieħor.  Imma f’ħajtu, in-Nisrani jimxi ‘l quddiem biss jekk ikollu l-għerf li jakkuża lilu nnifsu.  Dan affermah il-Papa Franġisku dalgħodu fid-Dar Santa Marta meta reġa’ beda jiċċelebra l-quddiesa mal-gruppi wara li temm l-eżerċizzi spiritwali.

Il-qari tal-lum hu dwar il-ħniena.  Il-Papa fakkar li aħna lkoll midinbin, mhux fit-teorija, imma fir-realtà.  Il-virtù Nisranija, anzi xi ħaġa aktar minn virtù, hi l-ħila li nakkuża lili nnifsi.  Dan hu l-ewwel pass għal min irid ikun Nisrani veru.

Ilkoll kemm aħna, qal il-Papa, għandna arti kbira kif niġġustifikaw lilna nfusna, ninħbew wara l-iskużi: Mhux jien, mhix ħtija tiegħi, iva,… imma l-affarijiet mhux hekk kienu……  Ilkoll kemm aħna għandna alibi biex nispjegaw in-nuqqasijiet tagħna, dnubietna u tant drabi għandna ħila nagħmlu wiċċ tal-innoċenti, ta’ “mhux jien”, “forsi kien xi ħadd ieħor”.  Imma dan mhux il-mod ta’ kif nimxu ‘l quddiem fil-ħajja Nisranija.

Hu aktar faċli nakkużaw lil ħaddieħor, osserva l-Papa.  Inkella, meta nippruvaw inġibu ruħna mod ieħor, jiġri xi ħaġa ftit jew wisq stramba: aħna nibdew niflu dak li għandna ħila naslu li nagħmlu u għall-ewwel ma nibdewx inħossuna sew, inħossuna diżgustati, imma wara, dan il-ħsieb għandu jnissel fina paċi u serenità.  Per eżempju, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu, meta f’qalbi nħoss l-għira u naf li din se twassalni biex immaqdar lil ħaddieħor, li noqtol moralment li xi ħadd, dan hu l-għerf li bih jien irrid nagħraf nakkuża lili nnifsi.

Jekk aħna dan l-ewwel pass tal-ħajja ma nitgħallmuhx, qatt u qatt ma nistgħu nagħmlu passi ‘l quddiem fil-ħajja Nisranija, fil-ħajja spiritwali.

L-ewwel pass hu li nakkuża lili nnifsi, mhux hekk?  Jien u l-kuxjenza tiegħi.  Inkun għaddej mit-triq, ngħaddi minn quddiem il-ħabs u ngħid bejni u bejn ruħi: eh, ħaqqhom dawn!  Imma inti taf illi kieku ma kellekx il-grazzja t’Alla int kont tkun hemm ġew ukoll?

Ħsibt li int għandek mnejn tasal tagħmel dak kollu li għamlu huma u forsi agħar?  Dan hu l-mod kif wieħed jakkuża lilu nnifsu, billi ma naħbux minna nfusna l-għeruq tad-dnub li jinsabu fina, il-ħafna affarijiet li aħna kapaċi nagħmlu, anki jekk ma jkunux jidhru.

Il-Papa żied li n-Nisrani għandu jkollu virtù oħra: dik li jistħi quddiem Alla, bi djalogu li bih aħna nagħrfu l-mistħija ta’ dnubna u l-kobor tal-ħniena t’Alla.

Ngħidu: F’idejk Mulej, Alla tagħna, il-ħniena u l-maħfra.  Għalija l-mistħija u għalik il-ħniena u l-maħfra.  Hu tajjeb li tul dan ir-Randan nagħmlu dan id-djalogu mal-Mulej: nakkużaw lilna nfusna, nitobu ħniena.

Fil-Vanġelu Ġesù hu ċar ħafna: Ħennu bħalma hu ħanin magħkom Missierkom.  Meta bniedem jitgħallem jakkuża lilu nnnifsu jsir ħanin mal-oħrajn għax min jien, jien biex niġġudika, jekk jien kapaċi nasal nagħmel anki għar minn ħaddieħor?

Meta nagħmlu din il-mistoqsija lilna nfusna, inkunu qed nobdu l-eżortazzjoni ta’ Ġesù: tiġġudikawx biex ma tkunux iġġudikati, tikkundannawx biex ma tkunux ikkundannati, aħfru u intom tkunu maħfura.  Imma, żied il-Papa, kemm nieħdu gost niġġudikaw lill-oħrajn, inqassu dwarhom!

Jalla f’dan ir-Randan, temm il-Papa, il-Mulej itina l-grazzja li nitgħallmu nakkużaw lilna nfusna, għax aħna konxji li nistgħu naslu nagħmlu l-għar affarijiet, u ngħidu: Ikollok ħniena minni, għinni biex nistħi minni nnifsi u tini l-ħniena biex nista’ nkun ħanin mal-oħrajn.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: