Home > Ġenerali > Għandna bżonn ta’ Demm Ġdid!

Għandna bżonn ta’ Demm Ġdid!


Omelija tal-Isqof Mario Grech fiż-Żjara tar-Relikwa tad-Demm ta’ San Lawrenz minn Amaseno Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz, Għawdex.  ( Il-Ħadd, 27 ta’ Lulju 2014.)

demm-s-lawrenz

Meta d-demm jitlef is-sustanza tiegħu u jimrad, il-bniedem isir bla saħħa, jintelaq u jieħu bixra ta’ mewt; meta mbagħad ikun hemm trasfużjoni ta’ demm ġdid, il-bniedem jieħu s-saħħa, jikseb enerġija ġdida u jitwieled mill-ġdid.  F’din l-okkażjoni taż-żjara tar-Relikwa tad-Demm ta’ San Lawrenz Martri, filwaqt li napplika dan kollu għall-ħajja tal-Knisja lokali, nitlob lil San Lawrenz jagħtina anki qatra demm minn tiegħu biex iġedded demmna bħala komunità Nisranija.

 

Donnu fostna xi kultant titla’ riħa ta’ għeluq u ta’ mewt.

Għaliex fil-Knisja lokali nara ċerta telqa, għeja u nuqqas ta’ ħajja – ibda minni u ibqa’ nieżel sa isfel!  Donnu fostna xi kultant titla’ riħa ta’ għeluq u ta’ mewt.  Fil-fatt nistaqsi: X’differenza tagħmel il-fidi fil-ħajja personali u familjari tagħna?  X’impatt qed tħalli l-Knisja fis-soċjetà ta’ żmienna?  Xi drabi nagħtu d-dehra li ntlaqna mal-kurrent kulturali ta’ żminijietna, u flok ma ngħinu biex nindikaw direzzjoni, insibu ruħna ninġarru mal-mewġ tal-ħajja!  Hemm ir-riskju li jekk nibqgħu ma nagħtux kas, id-demm tagħna bħala Nsara mhux biss jibred, imma jkompli jitħassar.

 

Kunfidenza mad-demm ta’ Kristu.

Id-demm li jagħti l-ħajja huwa d-demm ta’ Kristu.  Imma nissuspetta li tant ħadna kunfidenza mad-demm ta’ Kristu, ibda minni li fil-Quddiesa l-Ispirtu jinqeda bija biex jibdel l-inbid fid-demm ta’ Kristu, illi wasalna biex ninnewtralizzaw l-effetti tiegħu.  Meta jqis l-għadd ta’ quddies u tqarbin li jkollna, wieħed faċli jistaqsi jekk aħniex inħalltu wisq ilma mad-demm ta’ Kristu b’tali mod li dan ma fadallux il-qawwa divina li jibdlilna demna u jagħtina l-ħajja.  Kien dan il-kalċi mbierek li minnu xorob San Lawrenz u hekk kiseb il-qawwa biex jiġġedded u jġedded il-Knisja u s-soċjetà ta’ żmienu.  Id-demm ta’ Lorenzo huwa d-demm ta’ Kristu.  Għalhekk, devozzjoni vera lejn id-demm ta’ San Lawrenz għandha twassalna biex naduraw id-demm għażiż ta’ Ġesù.  Imma forsi għandna bżonn inġeddu l-Ewkaristija li niċċelebraw, mhux tant billi nivvintaw Quddiesa ġdida, imma billi nġeddu l-attitudni tagħna fil-konfront tal-Ewkaristija.  Bla ebda dubju għandna nġeddu l-parteċipazzjoni tagħna fl-Ewkaristija.  Bosta drabi, meta niċċelebraw l-Ewkaristija, aħna ninqdew bl-apparat liturġiku, imma ftit li xejn ikollna l-esperjenza tal-misteru, ftit li xejn noħolqu ambjent ta’ talb, ftit li xejn nemmnu li fuq l-altar ikun qed iseħħ l-istess sagrifiċċju tal-Kalvarju, u allura fuq l-altar aħna nilqgħu d-demm li Kristu xerred biex isalva l-umanità.  Aħna nixorbu mill-kalċi mbierek biex hekk id-demm ta’ Kristu jitħallat mad-demm tagħna, u demmna jitħallat mad-demm ta’ Kristu vittma.

 

Nitqarrqu jekk it-twemmin Nisrani nirrenduh sempliċi tradizzjoni ta’ missirijietna. 

Nixtieq li jien żbaljat, imma nħoss li għandna bżonn demm ġdid fil-ħajja Nisranija.  It-twemmin tagħna mhux xi oġġett tal-antik li wasal għandna mingħand il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna.  Nitqarrqu jekk it-twemmin Nisrani nirrenduh sempliċi tradizzjoni ta’ missirijietna.  Sfortunatament fostna għandna persuni li, għalkemm huma ftit, huma influwenti ħafna, li biex jikkonservaw it-tradizzjonijiet jaslu biex jissagrifikaw l-essenza tal-Evanġelju.  Kif jgħid Ġesù fl-Evanġelju, is-Saltna tas-Smewwiet hija teżor, u meta l-bidwi jsib dan it-teżor, ibiegħ kollox biex it-teżor ikun tiegħu.  Ġaladarba sab it-teżor, huwa jwarrab kollox biex jibda mill-ġdid.  Is-sejba tat-teżor ġedditlu ħajtu.  Sewwa nistaqsu jekk għalina l-Insara Kristu huwiex verament it-teżor tagħna.

 

Neħtieġu komunitajiet żgħar li huma kreattivi.

Qegħdin ngħixu fi żmien fejn min hu Nisrani qed jiġi interpellat biex jagħti r-raġuni tal-fidi tiegħu; imma ser tkun diffiċli għalina biex nagħtu tweġiba li titwemmen jekk ma nkunux personalment konvinti li Ġesù huwa t-teżor ta’ ħajjitna.  Ma jimpurtax jekk ma nibqgħux reliġjon tal-massa. Kif f’Jannar li għadda kont fissirt lis-saċerdoti tagħna, neħtieġu komunitajiet żgħar li huma kreattivi.  Nistaqsi fejn hi l-kreattività tagħna bħala komunitajiet ekkleżjali!  Nosserva li spiss jiġri li aħna nikkuntentaw ruħna billi nirrepetu l-iskemi tal-imgħoddi, anki jekk dawn kienu maħsuba u proposti għal realtajiet li llum għebu għal kollox.  Ma rridx inkun ġeneriku, imma qed ngħid dak li qed inħoss f’qalbi.

 

Jekk ma nippumpjaw demm ġdid f’dan il-“ġisem ta’ Kristu”, allura il-ġisem jitlef saħħtu.

Il-Knisja hija “ġisem mistiku”, u bħala ġisem għandha wkoll id-demm jiġri fil-vini tagħha.  Jekk ma noqogħdux attenti biex nippumpjaw demm ġdid f’dan il-“ġisem”, allura ma niskantawx li dan il-ġisem jitlef saħħtu… li dan il-ġisem jitlef il-kapaċità li jnissel ħajjiet ġodda!  Għinuni biex fil-Knisja tagħna jkollna demm ġdid.  Ħafna drabi napplikaw l-enerġiji tagħna biex nipperpetwaw l-istorja, nesebixxu paramenti sagri l-ġmiel tagħhom u nżommu ħaj il-patrimonju artistiku tal-imgħoddi; imbagħad ftit nagħtu kas jekk il-mod kif niċċelebraw il-liturġija jkunx qiegħed jgħinna nidħlu fil-qalba tal-misteru!  Għandna ċerti ċelebrazzjonijiet liturġiċi li aktar għandhom minn tat-teatru milli mill-esperjenza tas-sagru.  Jekk irridu kejl biex nivverifikaw jekk il-liturġija hijiex awtentika jew le, nistaqsu jekk il-kult ikunx qed jgħinna niltaqgħu ma’ Ġesù.

 

Meta ser niftħu għajnejna?

Imma meta ser niftħu għajnejna qabel ma jkun tard wisq biex nimplimentaw it-tiġdid meħtieġ?  Dan kollu qalithulna Ommna l-Knisja ħamsin sena ilu permezz tal-Konċilju Vatikan II.  Dan it-tiġdid jista’ jitlaq minn fuq, imma hekk jaf isib reżistenza (naf x’qed ngħid!); imma jista’ jitlaq minn isfel.  Għalhekk ngħinu lil xulxin biex lil din il-Knisja ngħinuha tibqa’ żagħżugħa b’wiċċ frisk, anki fl-għażliet pastorali tagħha.  Kif jgħid il-Papa Franġisku, Knisja magħluqa fiha nfisha tmut, imma Knisja li tiftaħ il-bieb u tasal sat-trufijiet tas-soċjetà hija Knisja li għandha futur.  Dan il-proċess ta’ tiġdid, minkejja li mhux faċli, neħtiġuh ikoll kemm aħna – ibda minni, l-Isqof, u ninkludi lil kulħadd, speċjalment dawk li għandhom xi ministeru, ordnat jew mhux, u r-reliġjużi.

Jekk bħal San Lawrenz inħallu d-demm ta’ Kristu jiġri fil-vini tagħna, aħna mhux biss nagħtu kontribut lill-Knisja imma wkoll lis-soċjetà.  Anki fis-soċjetà ċivili teżisti ċerta telqa u jista’ jkun hemm aktar tiġdid kemm fl-istrutturi u kemm fil-metodi mħaddma.  Il-bniedem tal-lum qiegħed jitlef il-fiduċja tiegħu anki fl-istituzzjonijiet ċivili, għaliex f’ħafna affarijiet inkallajna u weħilna fl-imgħoddi.

Ma għandniex naqtgħu qalbna jekk f’dan il-proċess ta’ tiġdid evanġeliku ma nkunux mifhuma u niltaqgħu mar-reżistenza.  Bħal fil-każ ta’ San Lawrenz Levita, il-martirju ma huwiex it-tmiem, għax id-demm tal-martri jsaqqi l-ħamrija li tnibbet żerriegħa ġdida u dan ikun garanzija ta’ “smewwiet ġodda u art ġdida”.

Categories: Ġenerali
  1. Graziella Dalli
    August 1, 2014 at 7:59 am

    Mgr Grech staqsa jekk aħniex inħalltu wisq ilma mad-demm ta’ Kristu b’tali mod li dan ma fadallux il-qawwa divina li jibdlilna demmna u jagħtina l-ħajja. Ha nistaqsi l-istess domanda dwar il-Vangelu .. jista jkun li qed inhalltu wisq ilma mal-Kelma ta’ Kristu b’mod li qed innaqqsula mil-qawwa taghha? Ghaliex illum fina, il-Kelma ma ghadx ghandha l-istess qawwa li kellha fl-ewwel dixxipli u l-ewwel insara?

  2. Josette Cassar
    August 1, 2014 at 7:51 am

    Jiena nitqarben kuljum. Nistaqsi lili nnifsi, “kif jista’ qatt ikun li Gismu ma jsirx gismi u Demmu ma jsirx demmi. L-Isqof qal li demm San Lawrenz kien demm Kristu stess. Forsi mhux l-istess Ewkaristija qed nircievi jiena kif ircieva hu? Mela x’hemm hazin fit-tqarbin tieghi li fija mhux qed jigri l-istess kif gara fih?

  3. Joe Farrugia
    August 1, 2014 at 7:17 am

    Kemm hija reali u attwali din l-omelija tal-Isqof, Mons. Mario Grech! Tkellem dwar tema li forsi spiss smajna min jitħaddet dwarha. Għandu mnejn dan id-diskors ġieli għidtu jiena stess. Ħasra li kull meta għidtu kelli f’moħħi lill-oħrajn, forsi lil dawk “ta’ fuq”, lil dawk li qed imexxu. Bqajt qatt ma intbaħt li dan id-demm il-ġdid irid jibda jgelgel minni stess.

    L-omelija ta’ l-Isqof fakkritni fi kliem Tertuljanu, li demm il-martri huwa ż-żerriegħa tal-Knisja. Dejjem ħsibt li demm il-martri tal-ewwel żminijiet kien ikun biżżejjed. Imma llum, il-Mulej qed jurina kemm il-Knisja ta’ żmienna għandha litterlment bżonn tad-demm ġdid ta’ martri ġodda.

    Imma anke hawn nista’ niżbalja. Nista’ nistħajjel li s-sejħa għall-martirju hija biss għal dawk tal-Iraq, tas-Sirja u oħrajn u ninsa li jiena wkoll imsejjaħ biex inkun martri; dawk b’mewthom u jiena b’ħajti.

    Kif qal l-Isqof Mario Grech, il-Knisja llum għandha bżonn ta’ demm ġdid. Bosta diġà qegħdin ixerduh. U jiena lest li nħalli demmi jitħallat mad-demm ta’ Kristu biex jiġri frisk fil-vini tal-Ġisem tiegħu li huwa l-Knisja?

    Imma ‘il hinn mill-kliem sabiħ, x’se nagħmel?

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: