Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Il-boilersuit tal-Mulej

Il-boilersuit tal-Mulej


Sur Editur,

Dan l-aħħar familja viċin ħafna tiegħi tatni rigal tassew sabiħ. Għamlitli ċoqqa ġdida! Rigal li ferraħni tgħidx kemm għaliex iċ-ċoqqa Franġiskana Kapuċċina nħobb nilbisha ħafna. Hija libsa tassew għal qalbi!

Minn żmien għal żmien insib min jikkritikani. Hemm min jikkwotali l-qawl famuż Taljan: L’abito non fa l’monaco, jiġifieri ċ-ċoqqa ma tagħmilx lil Patri! Mid-darba u elf! U allaħares kien hekk għax li kieku kulħadd kien jilbes ċoqqa fuqu u jgħid li hu Patri. Wieħed jista’ jilbes iċ-ċoqqa ta’ Patri biex jisraq jew jaħrab mill-ġustizzja. Allura nista’ ngħid li dan il-proxxmu hu tassew Patri? Minn dan l-aspett min jirraġuna hekk għandu raġun biex ibigħ. Imma, fir-realtà mhuwiex qiegħed jgħid il-verità sħiħa.

Meta staqsejt lill-membri ta’ din il-familja, li l-Mulej tani b’rigal ta’ mħabbtu, biex jgħiduli xi tfisser għalihom iċ-ċoqqa li nilbes it-tweġibiet li tawni kienu diversi. Kien hemm min qalli li hi uniformi, xkora, distintiv, sinjal ta’ sagrifiċċju u l-bqija. Imma ħaġa tal-għaġeb li f’mument minnhom tad-diskussjoni, il-membri kollha ta’ din il-familja ħelwa qaluli: “Father Mario, iċ-ċoqqa li tilbes hija boilersuit!” Tassew intelliġenti dawn il-persuni għeżież għalija. Ta’ Patri Mario li jien, ma qagħadx kwiet qabel ma qagħadt bilqiegħdha u bdejt nixtarr iżjed fil-fond dak li riedu jgħiduli.

Fost id-definizzjonijiet interessanti li sibt għall-kelma boilersuit, nixtieq naqsam magħkom din it-tifsira partikulari: A loose protective coverall or smock worn over ordinary clothing for dirty work. Xi ġmiel ta’ definizzjoni! L-ewwel kelma li hemm ħafna xi ngħid fuqha hija l-aġġettiv protective. Bħalissa għaddejjin minn moħħi u qalbi purċissjoni sħiħa ta’ Patrijiet qaddisa li tant kienu jinsistu miegħi biex nilbes iċ-ċoqqa Franġiskana kulfejn immur. Darba, Patri minnhom qalli li kien għamel tmien snin ma jxiddha u wara dawk is-snin kollha fehem x’qawwa kien neħħa minn fuqu! Illum ma jinżagħhiex minn fuqu. Bħal ħafna oħra, dan il-Patri għaqli fehem li ċ-ċoqqa tipproteġih minn ħafna sitwazzjonijiet u relazzjonijiet perikolużi fil-vokazzjoni tiegħu. Max-xitan ma niċċajtawx l-aħwa. Nafu li hu ljun, dejjem lest lil min jibla’ (1 Pt 5, 8). Għalhekk Patri biċ-ċoqqa huwa pproteġut minn ċirkustanzi li jpoġġu s-seħja tiegħu fil-periklu.

Din il-protezzjoni hija coverall, jiġifieri kompleta u sħiħa. Il-Patri li jilbes iċ-ċoqqa b’fidi jaf li mhux biss ġismu huma mħares mill-attakki sfrenati tax-xitan imma wkoll moħħu, qalbu u r-rieda tiegħu. Iċ-ċoqqa tfakkar lil Patri li hu issa libes lil Kristu (ara Gal 3, 27). U bi Kristu milbus fuqu jista,’ bil-qawwa li Ġesù stess jagħtih, jagħmel tiegħu dak li jgħallimna San Pietru fl-ewwel ittra tiegħu. “Ħuti għeżież, nitlobkom biex bħala barranin u għorba tiċċaħħdu mix-xewqat tal-ġisem li jitqabdu kontra r-ruħ” (1 Pt 2, 11).

U din il-protezzjoni fl-ilbies mhijiex qiegħdha hemm biex taqgħtu mill-poplu. Anzi, qiegħdha hemm biex tiftħu iżjed għal min għandu bżonn lil Ġesù f’ħajtu. Kien għalhekk li iktar l-isfel tal-istess ittra San Pietru jgħidilna: “Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-pagani biex, jekk huma jgħidu fuqkom bħallikieku kontu nies ħżiena, jaraw sewwa l-għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu ‘l Alla meta jasal jum iż-żjara tiegħu” (1 Pt 2, 12). Id-definizzjoni ta’ boilersuit tgħallimni li ċ-ċoqqa li nilbes turini l-mod singulari ta’ kif għandi nħobb lill-poplu ta’ Alla, sewwasew bil-kelma smock. Tradizzjonalment, dan it-tip ta’ fardal kien jintlibes mill-ħaddiema tar-raba’, l-iżjed ir-rgħajja u s-sewwieqa tal-karrijiet f’partijiet tal-Ingilterra u Walestal-bidu tas-seklu tmintax. Meta nilbes iċ-ċoqqa inix jiena wkoll infakkar lili nnifsi li l-Mulej qiegħdni bħala ragħaj fuq il-poplu tiegħu? Ragħaj li jirgħa l-merħla li l-Missier reħa f’idejja b’imħabba? Inħoss lil San Pietru jfakkarni f’din ir-rejaltà mportanti meta jgħidli: “Igħru l-merħla ta’ Alla fdata f’idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma minn qalbkom, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, imma bil-ħeġġa ta’ l-imħabba; mhux bħallikieku taħkmu bil-qawwa fuq dawk li messewkom b’xortikom, imma billi tkunu eżempju għall-merħla” (1 Pt 5, 2-3).

Meta nilbes il-boilersuit b’fidi, b’tama u b’imħabba, il-Mulej żgur li jħarisni mill-ħmieġ tad-dnub u jgħini bis-sħiħ ħa “jikber hu u niċkien jiena” (Ġw 3, 30). Hekk il-boilersuit tibda’ tassew tirrapreżenta lilu għax iġġibu ħaj fil-ħanut tax-xogħol tad-dinja permezz ta’ għemilu stess fija li hu libbes bil-libsa tiegħu stess! Ħabib, jekk għandek il-boilersuit bħalma għandi jien mhux aħjar toħroġha mill-gwardarobba, minn qalb il-boċċi tal-kamla li tfajtilha biex tibqa’ ġdida u tħammiġha għal Ġesù ħalli jkun iżjed milqugħ u maħbub? Mhux aħjar jekk tkun maħmuġa għalik imma nadifa għalih? Ftakar li dik il-boilersuit tal-Mulej mhux tiegħek! Għax ma tilbishiex?

Patri Mario Attard OFM Cap

  1. Pawlu Borg
    July 7, 2014 at 9:29 am

    Prosit Patri Mario. Mhux li kien is-sacerdoti kollha jaghmlu bhalek!!

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: