Home > Familja, Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Hemm anġlu li jismu Nicole

Hemm anġlu li jismu Nicole


Kitba ta’ Patri Mario Attard OFM Kap

Ix-xogħol tal-Isptar ilaqqagħni ma’ biżibilju ta’ stejjer. Fost dawn illum nixtieq naqsam magħkom dik ta’ Nicole Żahra, tifla ta’ għaxar snin li, nhar is-16 ta’ Lulju ta’ din is-sena marret tiltaqa’ ma’ Kristu Rxoxt. Min hu dan l-anġlu li bħalissa qiegħed fis-sema jitlob għalina lkoll?

 

Nicole kienet tifla ta’ karattru kwiet, umli, ubbidjenti u ta’ qalb kbira. Fi kliem il-kuġina tagħha Elena Fava, “kienet tifla bil-għaqal ħafna.” Wiċċha kien imżejjen bi tbissima li kienet thennik u timlik bil-ħajja.  Għalkemm ċkejkna, Nicole kellha mħabba kbira għal Ġesù. Tant hu hekk li fuq kull karta li kienet tara kienet tiktiblu hekk: ‘kemm inħobbok Ġesù’. It-tagħlim tant kemm kien għal qalbha li x-xewqa tagħha kienet li meta tikber issir soru u tgħallem lit-tfal. Barra minhekk, Nicole kellha x-xewqa kbira li titgħallem idoqq il-vjolin. Fil-fatt kienet sejra titgħallmu fil-vaganzi tas-sajf.

 

Għalkemm ċkejkna fl-età, Nicole kellha sens kbir ta’ inizzjattiva u leadership mill-aktar qawwija. Meta kienet tidħol għal xi ħaġa kienet tagħmel dan b’ruħha u ġisimha. Skont Elena, ma’ Nicole “ma kontx tista’ tgħid: ‘Uff… X’ħa nagħmlu?’ għax kien ikollha kollox organizzat u ppreparat”. Tul is-sena skolastika Nicole intagħżlet biex tkun parti mill-kumitat imsejjaħ ECOSKOLA. L-imħabba tagħha lejn l-ħarsien tal-ambjent naturali wasslitha biex, flimkien ma’ Elena, twaqqaf grupp li semmewh ECONANN. L-għan ta’ dan l-isem kien minħabba li Carmen, in-nanna taż-żewġt ibniet, kienet tħallihom jużaw il-ġnien li għandha mad-dar. Mal-ġnien tan-nanna Carmen kien hemm marbuta tifkiriet mill-aktar sbieħ. Tistqarr Elena Fava: “Il-ġnien bil-ħin sar tagħna għax aħna, flimkien mal-kuġin tagħna Daniel li kien jiġi jgħinna, bdejna nieħdu ħsiebu. Konna nagħmlu ħafna pjanijiet fuq il-ġnien biex insebbħuħ u nħalluh nadif. Niftakarna noqgħodu naqtgħu l-laring mis-siġar u ngħassruh biex nixorbuh. Darba konna għasarna ħafna u rnexxielna nixorbuh kollu”.

 

Barra minhekk, kemm Nicole u kif ukoll Elena, li maż-żmien saret għaliha “qisha oħti iż-żgħira”, kienu l-moħħ wara l-attivitajiet varji li kienu janimaw il-ħajja tal-familja, speċjalment fl-ikla tal-ewwel tas-sena li kienet issir għand in-nanna Carmen. F’dan l-avveniment familjari iż-żewġ kuġini kienu jagħmlu premijiet żgħar bħal ngħidu aħna xi hamper mimli daqs bajda bil-ħelu jew bl-affarijiet tal-istationary bl-iskop li l-flus li kienu jdaħħlu kienu jixtru bihom dak kollu li kienu jeħtieġu għall-grupp ECONANN.

 

Nicole kienet mhux biss tifla iddedikata u entużjasta imma wkoll dak li kienet tagħmel idha l-leminija ma kinitx tkun tafu idha x-xellugija. Fi żmien il-Milied, mingħajr ħafna daqq tat-trombi, kienet tħejji basket mimli affarijiet personali tagħha biex tagħtihom lit-tfal inqas ixxurtjati minnha. Is-sens reliġjuż tagħha kien jidher anki fil-mod ta’ kif kienet tilgħab. Nicole kienet tħobb tirreċta l-quddiesa, xi ħaġa li ħafna tfal tallum ma tantx issibhom li jagħmluha. Nicole u Elena kellhom xewqa interessanti. Tissokta Elena: “dejjem xtaqna nagħmlu r-rexta tal-passjoni iżda ma kienx ikollna nies biżżejjed biex jilgħabu il-partijiet”. Dawn il-fatti kurjużi juru biċ-ċar kemm din it-tifla kienet taf tqatta’ il-ħin liberu tagħha b’ħafna sempliċità u anki b’mod mill-aktar krejattiv.

 

Ta’ tifla Kalkariża li kienet, Nicole kienet tħaddan il-valuri ta’ San Franġisk ta’ Assisi. L-annimali kienu l-mimmi t’għajnejha, l-aktar il-qtates. Ta’ kull filgħaxija, Nicole, flimkien mal-kuġin tagħha Daniel, kien jmorru jiltaqgħu mal-ħabiba tal-qalb tagħhom Miriam sabiex joqgħodu jitimgħu l-qtates li kienu jinġabru biswit l-iskola. Mill-pocket money li kienet tfaddal kienet tixtri l-ikel għall-qtates. Skont kuġinitha Elena, Nicole “xtaqet twaqqaf Pet Care Centre biex tieħu ħsieb l-annimali”. Bħal San Franġisk, it-tifla kienet tiġġennen  għal Ommna l-Art. L-għors tagħha kien li tmur ta’ sikwit ma’ missierha Peter l-għalqa u hemm toqgħod titpaxxa bil-ġmiel tal-kampanja Maltija filwaqt li tagħtih daqqa t’id fix-xogħol tal-art.

 

Nicole kellha mħabba kbira għal dak kollu li kien għażiż għall-familja tagħha. Il-kuġina tagħha Elena tirrakkonta din l-espjerenza ħelwa li fiha nilmħu kemm Nicole kienet tinteressa ruħha fl-istorja tal-familja tagħha. “Darba waħda, jiena u Nicole ħadna interess kbir fid-dar tan-nanna għax kellha storja kbira warajha, l-iktar is-sular ta’ fuq u l-bejt. Minħabba li l-post kien vojt qatt ma konna tlajna waħedna għaliex bżajna. Għalhekk kull meta tlajna ma xi ħadd konna naħtfu l-opportunità nfittxu ħalli nippruvaw insibu xi ħaġa ġdida. Mingħand in-nanna sirna nafu li d-dar darba kienet kunvent”.

 

Fil-jum li fih kellha l-inċident, Nicole irħetilha lejn il-Knisja biex tisma’ l-quddiesa. Oħtha Lenise marret magħha. F’daqqa waħda, Nicole qaltilha li kienet qiegħdha tħossha ferħana l-għaliex marret tqerr u titqarben. Il-preċiżi kelmiet tagħha lil oħtha Lenise kienu dawn: “Illum qiegħdha nħoss li lil Ġesù għamiltlu kollox. Inħossni nadifa ġewwa qalbi”. Dakinnhar, il-Ħadd l-4 ta’ Lulju, Nicole rnexxielha tagħmel dak kollu li kienet tħobb. L-aħħar logħba li lagħbet kienet mal-kuġina tagħha Mariona. Ta’ tfal li huma, iż-żewġ kuġini qagħdu jiġru bir-rota ġo l-għalqa.

 

Anki wara mewtha, Nicole baqgħet it-tifla ġeneruża li dejjem kienet. Anzi, f’mewtha l-iżjed li tat ħajja l-għaliex l-organi tagħha tejbu bil-kif il-ħajja ta’ erba’ persuni. Kulmin kien jaf lil Nicole kulħadd igħidlek x’tifla speċjali kienet. L-umiltà li tgħaġġbek tagħha kienet iġġagħlek tħobbha avolja ma tafhiex minn Adam. Din l-anġlu tas-sema issuktat tħobb lil kulħadd billi għadha titlob għalina quddiem il-Mulej. Personalment,  inħossni onorat u mbierek li kont involut b’mod mill-aktar qrib fl-istorja tagħha. Minn mindu marret fi ħdan il-Missier tas-Sema, Nicole ma waqfitx tberikni f’kull mument ta’ ħajti. Għax tassew, Nicole Żahra, hija l-anġlu tal-barka ta’ Alla għalina lkoll.

 

 

  1. July 18, 2014 at 11:33 am

    Kellu bzonn it tfalkollha jemitw lil din veru Anglu Nicol.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: