Home > Familja, Ġenerali > Qatt ma qsamna xejn bejnietna ħlief is-sodda.

Qatt ma qsamna xejn bejnietna ħlief is-sodda.


Irċevejna din l-ittra biex nippublikawha.  Magħha kellna d-dettalji ta’ min kitibha, imma l-isem li jidher taħt mhux dak veru.  Jalla, kif xtaqet dik li kitbitha, minnha joħroġ il-ġid.

Ilni żmien twil biex niktiblek ħalli naqsam miegħek u mal-qarrejja tal-Laikos dak li għaddejt minnu, mhux biex jitħassruni, imma biex forsi ħadd minnhom ma jagħmel l-iżbalji li għamilt jiena. U forsi biex xi ħadd jgħid talba għalija.

L-ewwel li daħalli f’moħħi li nikteb kien meta fil-blog tal-Laikos kont qrajt l-esperjenza ta’ Ruth u Tony, naħseb fi tmiem is-sajf tas-sena l-oħra.  Daqshekk ilni ntella u nniżel jekk niktibx.  Jumejn ilu smajt fuq l-aħbarijiet dwar dik l-omm mis-Sudan li ġiet kundannata għas-swat u għall-mewt għax hija nisranija, u f’qalbi ħsibt li jekk din waslet sa hawn biex tkun xhud ta’ dak li temm, allura jiena lanqas ftit linji ma lesta nikteb biex forsi joħroġ ftit ġid?

Iltqajt ma żewġi meta kelli 26 sena.  Ma kontx żgħira.  Hu kien sentejn akbar minni. Kont tfajla ħelwa u huwa kien ġuvni grazzjuż u fuq tiegħu.  Mill-ewwel laqatni u wara sentejn u nofs noħorġu flimkien iżżewwiġna.  L-affarijiet bdew bil-ħażin mill-ewwel imma jiena ma ntbaħtx u nemmen li lanqas hu.  Forsi ftit li xejn impurtana mill-futur tagħna.  L-importanti li dakinhar konna għaddejjin ħajja tal-ġenn.  It-tnejn li konna kellna impieg tajjeb ħafna.  Barra minn hekk huwa kien bniedem magħruf. Aktarx din kienet waħda mill-affarijiet li ħajjritni għalih.

Minn qabel iżżewwiġna konna qbilna li dwar flus kulħadd jibqa’ kif kien, tiegħi tiegħi u tiegħu tiegħu.  Dan kien l-ewwel dawl aħmar fuq ir-relazzjoni tagħna, imma aħna ftit li xejn tajna każ.  Meta dakinhar tat-tieġ wegħdna li ser nagħtu lilna nfusna lil xulxin, f’moħħna t-tnejn konna nafu li ta’ l-inqas dwar il-flus, din il-wegħda tagħna ma kienetx tgħodd.

Wara li żżewwiġna, bqajna nieklu barra b’mod kważi regolari, kultant anke matul il-ġimgħa għax wara ġurnata xogħol ħadd minna ma kien ikollu aptit joqgħod fil-kċina.  Minħabba x-xogħolijiet tagħna, spiss konna nidħlu lura d-dar tard filgħaxija, wara li t-tnejn li aħna nkunu diġa’ kilna barra, jiena ma xi ħbieb u huwa ma’ xi klijenti tiegħu.

Ftit li xejn konna niltaqgħu ħlief fis-sodda.  Bejnietna ma kellna xejn komuni ħlief il-friex.   Kif ġa għidt, il-borma u l-mejda rari konna naqsmuhom bejnietna.  Kliemna  aktarx kien ikun dwar xi safra jew xi weekend Għawdex li nkunu qed nippjanaw mal-ħbieb.  Lanqas kwestjonijiet serji bejnietna qatt ma kellna, fil-verità ma tantx konna ngħaddu ħin flimkien biex nikkustinjaw.

Ħsieb ta’ tfal ma kellniex, u meta darba kellimni dwar it-tfal, intbaħt li dan għamlu għax ried ikun bħal sħabu.  Ta’ l-inqas hekk kont fassaltha f’moħħi.  Barra minn hekk lili t-tfal kienu jiswewli karriera. Ommi mhux darba fetħitli għajnejja.  Kienet ilha li ntebħet li jiena u żewġi qatt ma konna tassew ta’ xulxin, imma darba qaltli kien kienet tittama li meta jiġu l-ulied, ta’ l-inqas dawn kienu jqarbuna.  Miskina ommi!  Missieri qatt ma kellimni, imma l-ħarsa miksura tiegħu kull meta jħares f’għajnejja kienet xhieda biżżejjed ta’ dak li kien għaddej minnu minħabba fina.

U bla dubju ta’ xejn, u forsi din kienet il-kawza ta’ kollox, qatt ma qsamna bejnietna mument ta’ talb.  Wara dakinhar tat-tieġ, qatt ma morna quddiesa la flimkien u lanqas waħedna, ħlief darba fil-funeral ta’ missieru.  Anke dak kien sofra ħafna minħabba fina.

Ftit żmien wara, intbaħt li minbarra s-sodda kien hemm xi ħaġa oħra li kont bdejt naqsam ma’ żewġi – il-ħabiba tiegħi.  Kont ilni nissuspetta li kien hemm xi ħaġa bejniethom, imma darba sibt il-kuragg u staqsejtu ċar u tond. U ċar u tond huwa wkoll, bla tlaqliq ta’ xejn ammetta li kellu relazzjoni magħha.  Kienet waħda li dejjem qistha ħabiba tal-qalb.  Dak il-ħin bgħattu għand boxla xjaten u hu mar għandha.  Jiena mort lura għand ommi.

Illum id-dar hija għall-bejgħ.  Meta jitħajjar xi ħadd jixtriha, jiena u żewġi naqsmu l-aħħar ħaġa bejnietna, il-flus li ndaħħlu minnha.  Wara dan kulħadd imur għal triqtu; wara kollox dejjem hekk konna, anke meta konna naqsmu sodditna bejnietna.

Jalla dawk li xi darba jixtru d-dar isibu xorti fiha aktar milli sibna aħna.  Imma wara kollox illum naf li relazzjoni vera ma tinbeniex fuq ix-xorti.

Marthese

Categories: Familja, Ġenerali
  1. May 23, 2014 at 1:47 pm

    I thank the person who had the courage to share her story. It is a lesson for us all. Never judge, and let us pray for all those people who are in or beginning a relationship and for this courageous person.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: