Home > Abort, Ġenerali > Dan huwa Ġismi. X’kuntrasti!

Dan huwa Ġismi. X’kuntrasti!


Kitba ta’ Anthony Mahoney.

“Dan huwa ġismi, nagħmel li rrid bih”. Hekk għajtet dik il-mara hija u tiddefendi, mingħaliha, d-dritt li kellha fuq ġisimha, fuq dak li kien qed jitrabba fiha bħala parti minnha. “Ġismi huwa tiegħi u jien nagħmel li rrid bih. Ħadd ma jista’ jindaħalli.” Hekk jgħajtu l-leġislaturi, dak li jridu jogħġbu l-poplu; hekk jgħajtu dawk li qed iħaxxnu buthom minn fuq l-innoċenti; hekk jgħajtu dawk ta’ bla kuxjenza.

Qatt waqafna naħsbu u nirrealizzaw x’kuntrasti jeżistu fil-ħajja; fis-sentimenti, fl-atteġġjament, fl-imħuħ, fid-drawwiet u fehmiet opposti għal xulxin; dwar il-kultura tal-mewt u l-kultura tal-ħajja ?

“Dan huwa ġismi,” qalet dik il-mara. Din id-dikjarazzjoni instemgħet darba’ oħra, madwar elfejn sena ilu. Hekk kien qal wieħed żagħżugħ Lhudi: “Dan Huwa Ġismi” iżda kompla jgħid: …” li jingħata għalikom għall-ħajja ta’ dejjem.” Dak iż-żagħżugħ kien qed jgħid: “Dan Huwa Ġismi nagħmel li rrid bih għax irrid insalva l-umanita”. U għamel dak li ried Hu, u dak li ried Missieru; offra Ġismu biex jagħti l-ħajja lill-umanita. DIN hija l-kultura tal-ħajja.

‘Huwa dritt tiegħi’ jgħidu ħafna. Iżda, l-ebda dritt ma jista’ jkun tiegħek jekk se tneħħi, tkisser, ixxellef, ittellef id-dritt ta’ ħaddieħor.

Iżda x’kuntrast ma’ dik il-miskina; dik li qed tiddikjara li ġisimha huwa tagħha u tagħmel li trid bih biex teħles mill-ħajja li bdiet titrabba ġewwa fiha. Waqt li dak iż-żagħżugħ Lhudi kien qed jaħseb f’ħaddieħor, altruwiżmu, din il-povra qed taħseb f’rasha biss, egoiżmu. DIN hija l-kultura tal-mewt.  Mhix qed tifhem, dik il-miskina, li s-setgħa, l-abilita li tnissel mhiex tagħha, hija rigal mogħti minn Alla biex id f’id miegħu tnissel kreaturi ġodda.

Il-ħajja mimlija kuntrasti; id-dawl jibqa’ jidher sabiħ, akkoljenti, iwennes, iferraħ u jagħti l-ħajja, meta l-bniedem japprezza d-dawl għax jaf xi jfisser in-nuqqas ta’ dawl; allura id-dlam.

X’ferħ jaħkem ‘l dik il-mara żagħżugħa meta tintebaħ li se ssir omm; tant li b’mod spontanju tgħajjat u tfaħħar ‘l Alla: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.” Hekk qalet darba, Marija f’Ain Karem. Għax tassew Alla jkun qed juri l-kobor Tiegħu meta fil-benniena materna tal-ġuf tal-mara tixxettel il-ħajja. Dan ikun il-frott ta’ mħabba bejn il-mara u r-raġel, u Alla jbierek dik l-imħabba, b’rigal ta’ ħajja ġdida.

Jiena nimmaġina l-ħajja bħal biċċa tappizzerija (patchwork) magħmulha min biċċiet suwed u bojod; jirrapreżentaw il-kuntrasti tal-ħajja. Min huwa pożittiv, dawk il-biċċiet bojod iżejjinhom b’kuluri sbieħ u attraenti,  u s-suwed, inaqqax fuqhom il-kuluri wkoll, għalkemm forsi jkunu oskuri. Dan jagħmlu għax huwa pożittiv u jrid jara dejjem it-tajjeb f’kull għawġ. Ir-riżultat ikun opra attraenti tal-arti, Ħajjithom tkun suċċess u tkun dejjem mimlija ferħ.

Kuntrast ta’ dan; dawk li jħarsu lejn il-ħajja b’mod negattiv, dak li suppost huwa abjad iċappsuh bl-iswed u jispiċċaw li jkollhom tappizzerija kollha sewda. Hekk ġralha dik il-povra mara li qed tiddefendi d-dritt li tagħmel li jogħġobha b’ġisimha.

Il-kuntrasti joħloqhom il-bniedem stess bl-atteġjament tiegħu quddiem kull problema. Dak iż-żagħżugħ Lhudi, ir-Rabbi min Nazaret qal ukoll: “Jien Huwa l-ħajja”. Dik il-miskina mara qed tgħid, forsi mhux bil-fomm: “Oqtlu t-tarbija, jiena ma rridhiex.” Il-povra kreatura tispiċċa f’landa taż-żibel jew f’ laboratorju biex jesperimentaw fuqha.

Kien qal ħaġ’oħra r-Rabbi, Ġesu ta’Nazaret: fl-Aħħar Ikla ma’ ħbiebu: “Agħmlu dan b’tifkira Tiegħi.”  Kos, dik it-tarbija li kienet maqtula minn ommha, għax kellha dritt fuq ġisimha, x’tifkira jista’ jkollha ta’ ommha? Tiftakar biss li ommha kienet qattiela, ommha stess ma tagħthiex iċ-ċans li titwieled u tara ‘l wiċċ ommha stess, biex kif inhi ix-xemx, kif inhuma l-fjuri, is-siġar, ma tafx x’inhuwa baħar … għax ommha qatlitha. X’tifkiriet koroh. Iżda llum dik anġlu tas-sema u taf taħfer.

“Agħmlu dan b’tifkira Tiegħi.” Tifkiriet sbieħ għal kull min jemmen li dak iż-żagħżugh Lhudi, ir-Rabbi min Nazaret, Ġesu, l-Iben t’Alla baqa’ magħna fl-Ewkaristija Mqaddsa. Din hija t-Tifkira, ix-xhieda ta’ mħabba. Bħal meta jien, u oħrajn bħali, nħares lejn ir-ritratti ta’ommi li m’għadhiex magħna u niftakar kif bis-sabar flimkien ma’ missieri rabbitni, għallmitni, ndukratni, u wasslitni fejn jien illum, imdawwar bl-imħabba.

Kuntrasti, kuntrasti. Mulej, aħna m’għandna xejn, aħna ma niswew għal xejn; kull m’għandna huwa tiegħek, misluf lilna. Għallimna napprezzaw ir-rigali, id-doni li Inti tislifna għal glorja Tiegħek.

 

Categories: Abort, Ġenerali
  1. Leonard Attard
    March 30, 2014 at 2:37 pm

    Dan kien u jibqa’ d-dnub tal-bniedem. Naghmel li rrid jiena, mhux naghmel li jrid Hu. Forsi mhux ghalhekk id-dizastri, ekologici u umani li ghandna llum. Nghidu li naghmlu li rridu ahna. Imma ahna nafu x’irridu?

  2. Olga Falzon
    March 30, 2014 at 10:11 am

    Hsibijiet profondi, lejliet li Malta tibda taffaccja din il-battalja – tinsab maghna aktar minn kemm irridu nammettu!

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: