Home > Ġenerali > Isqfijiet Awstraljani favur l-astinenza mil-Laħam nhar tal-Ġimgħa.

Isqfijiet Awstraljani favur l-astinenza mil-Laħam nhar tal-Ġimgħa.


Bosta Isqfijiet Awstraljani qalu li lesti jagħtu appoġġ biex nhar ta’ Ġimgħa terġa’ tkun ġurnata ta’ astinenza mil-laħam fil-pajjiż, wara l-inizjattiva li seħħet fl-Ingilterra u Wales.

fishL-Isqof Awżiljarju Peter Elliot ta’ Melbourne, l-Isqof Geoffrey Jarrett ta’ Lismore u l-Isqof Michael Kennedy ta’ Armidale huma fost dawk il-prelati li jixtiequ nhar ta’ Ġimgħa bla laħam, mingħajr is-sanzjoni tad-dnub, madwar 30 sena wara li tneħħiet din il-projbizzjoni fl-Awstralja.

Fl-2011, il-Konferenza tal-Isqfijiet tal-Ingilterra u Wales reġgħu ddikjaraw nhar ta’ Ġimgħa jum ta’ astinenza. Meta wieħed iħares lura lejn id-deċiżjoni biex tintemm l-astinenza tal-Ġimgħa fl-Awstralja, Mons Elliott qal li kien żball kbir pastorali u spiritwali. L-obbligu taċ-ċaħda mil-laħam nhar ta’ Ġimgħa fl-Ingilterra u Wales spiċċa fl-1985, l-istess bħalma seħħ fl-Awstralja, fejn il-Kattoliċi kienu mħeġġa jagħmlu forom oħra ta’ astinenza. Fl-Istati Uniti dan l-obbligu spiċċa fl-1966.

Nista’ nifhem għaliex dan seħħ, fir-raġunar ta’ dak iż-żmien, iżda issa nemmen li falla li jikkunsidra l-psikoloġija tal-bniedem,” kompa Mons Elliot. L-astinenza mil-laħam nhar ta’ Ġimgħa kienet prattika universali li l-Kattoliċi kienu obbligati li jsegwu taħt il-piena tad-dnub, sakemm il-Papa Pawlu VI ħareġ il-kostituzzjoni appostolika tiegħu dwar  il-penitenza fl-1966. Dan id-dokument ta lill-isqfijiet, li jaġixxu permezz tal-konferenza episkopali, is-saħħa li jwaqqfu normi – li jikkunsidraw l-aktar opportuni u effikaċi – rigward is-sawm u l-astinenza.

Il-Kodiċi dwar il-Liġi Kanonika tal-1983 tikkonferma li “iż-żmien u l-jiem penitenzjali fil-Knisja universali huma kull nhar ta’ Ġimgħa tas-sena kollha u waqt żmien ir-Randan, iżda li kull konferenza tal-isqfijiet tista’ tissostitwixxi forom oħra ta’ penitenza minflok l-astinenza. Tgħid li l-astinenza tapplika għal Kattoliċi kollha minn 14-il sena l-fuq kull nhar ta’ Ġimgħa sakemm f’dan il-jum ma taħbatx xi festa solenni.

Fl-1985, l-Isqfijiet Awstraljani kienu ddikjaraw li l-astinenza mil-laħam setgħet tinbidel bit-talb, iċ-ċaħda u l-karità. Iżda wħud mill-Isqfijiet emmnu li l-ħsieb li tippremetti l-Kattoliċi jiddeterminaw x’tip ta’ penitenza  jagħmlu kien falla.

Minn żmien il-bidla, bosta Kattoliċi ma baqgħux konxji jew insew dan l-obbligu għal kollox. Li jkollok il-Knisja tiddeċiedi liema tip ta’ penitenza wieħed għandu jagħmel, jagħmilha aktar faċli u jħeġġeġ identità Kattolika aktar b’saħħitha, qal Mons Elliot. “Fi Knisja Kattolika aktar wiesa u inklussiva, kif ipproklamata mill-Papa Franġisku, jeħtieġ li noffru toroq għall-Kattoliċi biex jagħmel atti sempliċi, u l-projbizzjoni tal-laħam nhar ta’ Ġimgħa kienet waħda minnhom.”

(Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, 21/03/2014.)

Categories: Ġenerali
  1. Tony Mahoney
    March 22, 2014 at 5:47 pm

    Hekkhu, sa qabel il-Konċilju Vatikan II, dik kienet ir-regola, u propju, kif għidt int, minħabba li Kristu miet għalina nhar il-Ġimgħa (msejjħa l-Kbira). Allura l-insara kollha kienu mitluba josservaw dik id-daqxejn ta’ ċaħda bħala penitenza u b’turija ta’ rispett. Iżda ċ-ċirkustanzi, ekonomiċi, ta’ dieta u kulturi tant inbidlu li llum din qed tkun deċiża mill-Konferenza Episkopali tal-lokal.

  2. Joe Farrugia
    March 22, 2014 at 4:53 am

    Habib Tony, fakkartna f’kellma u f’virtu li z-zghar ma jafux u li f’bosta minna anzjani ma fadal xejn minnhom hlief nostalgija, jekk hemm nostalgija. Kif ghidt inti, il-kelma ghadek issibha biss f’xi miklem, u jiena inzid, li l-prattika tat-temperanza, aktarx issibha biss meta tkun imposta mic-cirkustanzi, u allura mhix aktar virtu’.

    Meta konna ghadna tfal, il-genituri taghna kienu jghallmuna t-temperanza f’kollox, anke jekk bosta minnhom il-kelma nfisha ma kienux jafuha. Konna nkunu familji numeruzi, bil-kejl tallum, esageratament numeruzi. Meta konna npoggu mal-mejda, it-temperanza, trid u ma tridx kienet prattika ta’ kuljum, hlief forsi f’xi okkazjoni specjali bhal ma kienet il-festa tar-rahal jew il-Milied. Ghall-grazzja ta’ Alla, mill-mehtieg qatt ma naqasna xejn u qatt ma bqajna bil-guh, imma l-luminata ta’ wara l-ikel u xi ftit helu jew gelat kienu ghal xi festa biss. Flixkun luminata miz-zghar, konna naqsmuh bejn erbgha. Niftakar lill-ommi, meta bdejn nikbru, tghidilna issa tistghu tibdew taqsmuh bejn tlieta. Ghall-ghatx kien ikun hemm l-ilma.

    Forsi kienet prattika mposta mic-cirkustanzi, tant li meta kbirna u bdejna kollha bil-paga taghna, il-prattika spiccat. Imma anke jekk imposta, u forsi virtu’ ma kienx hemm, imma xorta wahda hargittna ghall-virtu’ nfisha.

    Fis-socjeta` tallum, in-nuqqas ta’ temperanza fl-ikel halliet effetti evidenti tant li kontinwament naqraw statistici allarmanti ta’ obezita’ u efetti relatati ohra. Imma kif ghidt inti, Tony, fil-kitba tieghek, it-temperanza m’ghandhiex postha fl-ikel biss, u allura l-effetti ta’ nuqqas ta’ temperanza f’hajjitna jidher mill-effetti dizastruzi f’bosta oqsma ohra tas-socjeta. Il-lista ma tispiccax u nixtieq nibqa’ sejjer, ghax tant hemm xi tghid dwar dan l-aspett tas-sawm. Imma t-tempernza tghidli li ghandi nieqaf.

    Grazzi Tony li fakkartna f’din il-kelma, imma aktar f’din il-virtu’ hekk nieqsa u hekk ta’ htiega. Jalla l-kitba tieghek tixprunana biex nergghu niskopruhom.

  3. Tony Mahoney
    March 21, 2014 at 10:31 pm

    ASTINENZA TA’ LAĦAM NHAR TA’ ĠIMGĦA
    L-ewwel nett x’inhu l-iskop li tastjeni ruħek minn xi ħaġa? Inwieġeb b’kelma li ftit li xejn, kważi qatt m’hi użatha aktar. Din hija ‘Temperanza’ (temperance bl-Ingliż). Saret kelma li ssibha biss fid-dizzjunarju u mhux aktar applikatha mill-bnedmin. Din inxebbaħha mal-kelma ‘integrita’ … li ma ssibha mkien u kważi f’ħadd, ħlief fid-dizzjunarju.
    Niġu għat-Temperanza; din tfisser moderazzjoni, kontrol, li l-bniedem joqgħod lura. Dan huwa stat li kien studjat ħafna kemm mill-aspett spiritwali, kemm mill-filosofi u aktar riċenti mill-psikoloġi. Stat li hu meqjus minn kulħadd bħala ‘virtu’. Għall-filosofi Griegi ‘temperanza’ kienet meqjusa bħala ‘virtu kardinali’, għaliex kienu jirraġunaw li l-ebda virtu ieħor ma jista’ jinsab f’persuna jekk ma jkollux it-temperanza.
    Id-definizzjoni ta’ temperanza hija kontroll fuq dak li hu eċċessiv, iżżejjed, bla rażan. Din tista tkun marbuta mal-kastita, mal-modestja, mal-umilta, mal-prudenza, mal-ħniena, mal-ġibdiet sesswali, mal-vanita, mar-rabbja eċċ. Allura kif jidħol l-ikel tal-laħam nhar ta’ Ġimgħa? Bniedem irid juża l-kontroll, it-temperanza minn ġibda, minn attrazzjoni qawwija li tinsab fih. Nagħti eżempju; jekk jien miġnun fuq l-inbid, mhux kapaċi niekol mingħajr ma nixrob dik it-tazza nbid, għax inkella nkun qiesn ma kiltx, hawn għandna l-każ tipiku ta ‘temperanza’ ta’ kontrol fuq dik il-ġibda. Ħaġa li kieku jiena nħossha ħafna u nħoss in-nuqqas tagħha.
    Jidhirli li dak ikun il-mertu tiegħi, u apparti mill-mertu, lili tkun qed tissudali l-karattru tiegħu, u l-kapaċita li jien nikkontrolla r-rieda tiegħi. Issa meta niġu għal-laħam nhar ta’ Ġimgħa, il-pożizzjoni se tkun differenti. Qegħdin ngħixu fi żmien li, għall-grazzja t’Alla, tant għandna varjeta u għażliet ta’ ikel, kważi l-istonku qed jixba mit-tiġieġ, mill-fniek, mill-ħut u mill-laħam in ġenerali, għax sirna li ma ma hemmx għalfejn noqogħdu nistennew il-ġurnata tal-Ħadd biex nieklu l-laħam bil-patata l-forn.
    Personalment jien il-laħam sar idejjaqni u nieħu qatgħa meta nara laħam fil-platt. Allura fejn hu l-mertu tiegħi, nistaqsi. Illum għan-Nisrani matur, ikun aħjar li ġenwinament jiddeċiedi hu stess minn xhiex għandu jiċċaħħad; tista’ tkun minn logħba futbol ta’ tim favorit, minn ċerta programmi li jħobb isegwi, mill-kumpanji ta’ nies li jħobb. Mill-użu tal-computer eċċ. B’hekk inkunu qed nuru l-maturita tagħna u jkun hemm valur fiċ-ċaħda tagħna minn dak li jogħġobna tassew.
    Jekk jien ma nikolx laħam nhar ta’ Ġimgħa, jkolli biss il-mertu tal-ubbidjenza, iżda f’qalbi nirringrazzjahom għax dak huwa ikel li lili jdejjaqni.

    • Edda Haber
      March 22, 2014 at 3:39 pm

      Jidhirli li ċ-ċaħda mill-laħam (jew kif ngħidu nhar ta’ Ġimgħa ma jiswiex laħam) kellha wkoll għan simboliku, peress li f’dak il-jum Ġesu’ Kristu miet għalina (jiġifieri fi kliem ieħor ħalla laħmu fuq is-Salib). Iżda forsi xi ħadd ieħor jista’ jikkonferma dan.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: