Home > Ġenerali > Papa Franġisku, sena wara,

Papa Franġisku, sena wara,


(Kitba ta’ Patri Silvestru Bonavia OFM Cap)

Mexxej Mudell – Grazzja u Don għall-Knisja u d-Dinja

Teilhard de Chardin, wieħed mill-aktar studjużi ta’ qabel żmienna profondi fil-ħsieb u b’ħarsa dritta ‘l quddiem, b’ħafna ammiraturi fosthom il-Kardinali Ratzinger u de Lubac, fl-1946 b’mod profetiku kiteb li l-Knisja għandha ħtieġa ta’ Injazju ġdid u Franġisku ħaj ieħor.

Louis Evely fil-ktieb tiegħu “Teach us how to pray”, ippublikat fl-1967, fl-ewwel snin jaħarqu ta’ wara l-Vatikan II, waqt li jagħmel kummenti sbieħ dwar it-Talb u l-Ħidma u kif dawn jistgħu jkunu animati u mgħaqudin flimkien jgħid:

Fr1_012“Teilhard de Chardin kien joħlom bi Franġisku t’Assisi modern għal żmienna jew Injazju li jerġgħu jiġu u jgħallmuna l-istil ġdid ta’ ħajja nisranija li neħtieġu – f’daqqa; aktar involuta fid-dinja u iktar maqtugħa minnha”.

Mindu rajt l-ewwel darba lil Kardinal Bergoglio fil-loġġa ta’ San Pietru, ġiżwita Arġentin, bin l-emigranti Taljani, li jagħżel għalih l-isem ta’ San Franġisk t’Assisi – għaqda ta’ żewġ kariżmi kbar ħafna fil-Knisja, fil-persuna ta’ Papa fis-sena 2013, – wara r-riżenja tal-papa kbir, l-umli, Benedittu XVI, mill-ewwel ftakart f’dak li kont naqra fil-ktieb imsemmi.

De Chardin kien veru profetiku; sa minn 57 sena qabel, fis-snin meta l-Knisja kienet qed tissaħħaħ bil-ħidma u diskorsi duttrinali, magħrufin u kkwotati minn kulħadd, tal-Papa Piju XII, wara l-ħerba materjali u morali tat-Tieni Gwerra Dinjija, huwa kien qiegħed jara l-veru ħtieġa tal-Knisja li riedet tinbena mill-ġdid wara l-Gwerra u aktar, wara, bis-sekulariżazzjoni u r-rivoluzzjonijiet li seħħew wara.  Ġwanni XXIII offra meżż qawwi bil-Konċilju Vatikan II u l-istil li kien daħħal fil-Papat u fil-Knisja.  Pawlu VI kompla bl-impenn sħiħ tiegħu, għat-tiġdid tal-Knisja, fit-triq twila tal-ekumeniżmu u sehem il-Knisja fid-dinja mibdula, mgħaġunin bi tbatija siekta tal-Papa Montini.  It-tbissima sempliċi tal-Papa Luciani, anke jekk qasira, kienet biż-żejjed biex imbuttat lil Papa Ġwanni Pawlu II fis-27 sena ta’ pontifikat biex idur darbtejn mad-dinja kollha jxandar il-Messaġġ Evanġeliku, isaħħar lil kulħadd bi kliemu u b’ħajtu qaddisa.  U Papa Benedittu, għal tmin snin, għana lill-Knisja b’tagħlim wisq profond u sod li kif intqal iridu jgħaddu bosta u bosta snin biex jiġi skopert kollu!  U fuq kollox saħħaħha bl-umilta’ kbira tiegħu, vera denja tal-għerf kbir tiegħu – l-umilta’ hija tassew kbira meta hija l-espressjoni ta’ persuna kbira … bħal dik ta’ Marija: l-ikbar fost il-ħlejjaq u l-aktar waħda umli tassew!

“Inħabbrilkom ferħ kbir.  Għandna Papa… il-Kardinal Bergoglio li għażel li jkun imsejjaħ FRANĠISKU”.

Profezija – Messaġġ

X’għaqda misterjuża!  Xi profezija!  U x’messaġġ!

U matul din is-sena, minn dak il-jum tal-Erbgħa, it-13 ta’ Marzu, fis-7.10 ta’ fil-għaxija, bdiet tinkiteb paġna twila, ġdida, minsuġa fuq il-vini robusti tal-imgħoddi.  Il-Kardinal Jorge Mario Bergoglio, l-arċisqof ġiżwita ta’ Buenos Aires, li jġorr 75 sena fuqu, f’saħħa mifnija b’mard u diffikultajiet, ħarstu dritta l’quddiem bħala FRANĠISKU, imexxi l-Knisja, il-poplu nisrani kollu, f’dinja mqallba, u l-istess dinja.  U mill-ewwel jisirqilha qalbha, anke jekk xi wħud dehru xettiċi, dubbjużi, kuntrarju.  Imma l-parti l-kbira tad-dinja laqgħetu b’idejha miftuħa; mhux biss imma sallum wara tnax-il xahar, għadu fuq quddiem nett fost il-mexxejja l-kbar mhux biss fil-popolarita’ – li lilu ma tinteressaħx ħlief jekk tkun għodda biex iwassal aħjar ‘il Kristu u l-messaġġ tiegħu lid-dinja għatxana għalih, anke jekk dan mhux dejjem tħossu fiha b’mod konxju.  Imma hekk hu!

Għaliex din ir-reazzjoni kollha?

Fr1_013Is-sempliċita’ tiegħu fil-ħajja u l-imġieba, fi kliemu u l-mod kif iwassal il-messaġġ sod tal-fidi nisranija u l-veritajiet tal-Evanġelju ta’ Kristu, serqu l-qlub ta’ ħafna; uħud forsi mingħajr ma jittendu; oħrajn għax fehmuh aktar u aħjar u wkoll malajr – għax kliemu huwa dirett!

L-atteġġjamenti tiegħu serqu mhux biss l-attenzjoni tal-ġurnalisti u min bħalhom jolqtu dak li jidher jew jagħmel ħoss u jimla l-ewwel paġni tal-aħbarijiet, imma ta’ dawk li anke tassew iħobbu l-Knisja, kif iħobbha l-Papa Franġisku, “biex tkun aktar il-Knisja ta’ Ġesu’ u kif jixtieqha Ġesu’, illum”.  Il-fatt li mill-ewwel deher b’dik it-tislima sempliċi, ta’ ħabib, tat-triq, bħala ġar tiegħek: kien fil-għaxija, allura jtennilek “Il-għaxija t-tajba” (Buona sera), mingħajr ebda solennita’, imma bi ħbiberija kbira li allura bla ma trid twieġbu u tara x’għandu xi jgħidlek!

Imbagħad il-fatt li ried li l-folla mmensa fi Pjazza San Pietru u l-miljuni kbar, fosthom jien u inti u bosta oħrajn li rajnieh fuq it-TV f’dik l-ewwel lejla nitolbu għalih, bagħat messaġġ, wisq akbar u iktar qawwi minn enċiklika sħiħa, ta’ Knisja Komunjoni, Knisja Poplu t’Alla, Papa magħżul ġdid ibaxxi rasu biex il-poplu jitlob fuqu u għalih!  Il-ħarsa xi ftit dubbjuża ta’ wħud f’dak il-waqt, kienet turi s-sorpriża mhux mistennija ta’ x’kien ġej!

Enċiklika bla kliem

Il-mod kif jidher, kif iġib ruħu, l-atteġġjamenti tiegħu, l-ilbies tiegħu anke fil-pontifikali kbar, l-istil ta’ ħajja fid-Dar Sta Marta, il-mod kif jilqa’ lin-nies, anke kapijiet ta’ stati, u mexxejja ta’ knejjes u gruppi ekklesjali oħrajn… huma enċiklika kbira li turi kif irid imexxi u fejn jixtieq iwassal il-Knisja wara dak kollu li nkiteb, intqal, ixxandar, dwar it-tiġdid tal-Knisja.  Il-veru tiġdid ma nistgħu nibqgħu nipposponuh, nixħtuh aktar lura, inwarrbuh għal meta jasal żmienu!  Hekk tenna fl-Evangelii Gaudium (27ff).  Mhux ta’ b’xejn waqt li kien qiegħed jitkellem fl-intervista mal-ġurnal LA STAMPA, fl-10 ta’ Diċembru li għadda u saqsewh fejn waslet ir-riforma tal-Knisja, il-Papa Franġisku wieġeb: “Wieħed Kardinal anzjan ftit xhur ilu qalli: Ir-riforma tal-Kurja inti ġa bdejtha bil-quddiesa ta’kuljum f’Sta Marta!  Dan ġagħalni naħseb: ir-riforma tibda dejjem b’inizjattivi spiritwali u pastorali qabel milli b’bidliet strutturali”. Dan kliem il-Papa nnifsu.  U hekk hu, ghax kull riforma tibda mill-individwu, mhux jistenniha mill-oħrajn, u tibda b’affarijiet żgħar, sempliċi, u fuq kollox inizjattivi spiritwali.  L-eżempju ta’ San Franġisk t’Assisi huwa ċar: huwa beda jirriforma l-Knisja meta ingħata biex jirriforma lilu nnifsu, huwa personalment.  U għax kien radikali, l-eżempju tiegħu ġibed bosta li marru warajh u riedu jgħixu bħalu!  U ġibed ukoll lill-Kardinal Bergoglio biex, bħalu, jagħmel xi ħaġa llum!  Kif qed jagħmel.

Kemm hija tassew f’waqtha u sabiħa l-meditazzjoni tal-Predikatur tal-Papa, P. Ranjeru Cantalamessa, Franġiskan Kapuċċin li ilu aktar minn tletin sena f’din il-ħidma u ġie kkonfermat ftit ilu biex ikompli.  Fl-Avvent, waħda mill-meditazzjonijiet li għamel lill-Papa u lil dawk ta’ madwaru – u min qed jikteb kellu x-xorti jattendi diversi drabi fis-snin imgħoddija għal dawn, u jaf l-ambjent sabih li fih isiru – għażel bħala suġġett: Ir-riforma tal-Knisja, bħal fi żmien Franġisku t’Assisi, tibda bil-qdusija personali.  U dan ma jixbax itennieh il-Papa Franġisku f’bosta mid-diskorsi u messaġġi tiegħu.

L-omelija ta’ kuljum f’Santa Marta!  Ma ninsieha qatt ix-xena tal-Papa Franġisku, wara l-qari tal-Evanġelju, jiskot, donnu jaħseb biex isib l-ewwel kelma, sabiex iwassal il-messaġġ mill-Kelma t’Alla tal-ġurnata!  U issa ġa ilu sena sħieħa jagħmel hekk!  Kemm għandna responsabbilta’ aħna lkoll li rridu nwasslu messaġġ fl-omelija tagħna, nħarsu lejn dawn l-omeliji fejn l-importanti huwa x’ser jibqa’ f’moħħ u fil-qalb tas-semmiegħa.  Dak li qal fl-Evan. Gaud. (135-159) dwar l-omelija, uriehulna bi mġiebtu mingħajr ħafna dokumenti u sondaġġi, u reazzjonijiet u x’naf jien: Tliet kelmiet sempliċi li bla ma trid tibqa’ tiftakar almenu waħda minnhom; u sempliċi biex tgħixhom anke jekk huma profondi u impenjattivi!  U l-Evanġelju dejjem jitlob impenn.

Stil Ġdid

Fr1_014L-istil fit-tmexxija tal-Knisja.  Bħalissa li qed nikteb qed jiltaqa’ l-Grupp tat-Tmin Kardinali mill-Kontinenti kollha li l-Papa għażel biex jgħinuh fit-tmexxija tal-Knisja.  Għażilhom biex miegħu, flimkien, jagħarfu fejn, kif u meta jista’ jwettaq pjani għal tiġdid tassew tal-amministrazzjoni tal-Kurja Rumana u tal-organi l-oħrajn fi tmexxija aħjar tal-Knisja.  Hekk il-Knisja tkun aktar effiċjenti, sabiħa, biex twassal il-messaġġ ta’ Ġesu’ u lil Ġesu nnifsu lil dinja li bla ma hija konxja tant għandha bżonnu biex issib tarf għal vera soluzzjonijiet għal ekonomija aħjar, iktar parteċipattiva, kontra l-faqar anke dak materjali, kif ukoll dak morali u spiritwali – kif qal tajjeb ħafna fil-messaġġ għar-Randan li bdejna.

Fejn qatt kien jgħaddielna minn rasna meta għal tant snin konna mdorrijin naraw anke fuq it-TV, is-segretarju tal-Papa jnewwel folji biex jinqraw!  Veru messaġġ li kien ikun tassew imħejji, studjat sal-inqas virgola, imma kif tenna l-istess Papa Franġisku, ikun dokument sabiħ li jinqara għal ftit, meta jinqara, u mbagħad “malajr jintesa” (Evan. Gaud. 25).   Il-mod kif laqa’ lis-Superjuri Ġenerali tar-Reliġjużi u tal-Ħajja Konsagrata fid-29 ta’ Novembru  li għadda, għal tliet siegħat sħaħ jisma’, jitkellem, iwieġeb u jagħti orjentamenti għall-veru tiġdid fil-Ħajja Konsagrata.  Kemm huma ta’ kuraġġ l-esperjenzi li ntqalu f’din il-laqgħa “Kif il-Papa Franġisku, bl-eżempju u l-istil tiegħu qed jgħinni biex ngħix il-ħajja konsagrata u r-responsabbiltajiet li ġġib magħha”.  L-esperjenzi tal-Ministru Ġeneral tal-Kapuċċini, patri mill-komunita’ ta’ de Foucauld u ieħor tas-Soċjeta’ tal-Verb Divin kollha juru kemm dan il-Papa f’din is-sena qed jolqot nies li jistgħu jinfluwenzaw aktar tiġdid fil-Knisja.

Imma l-gwaj hu li għoġobna l-istil, ikkummentajna fuqu, u forsi waqfna sa hemm!  Kemm intqalu affarijiet neċessarji u programmi li jeħtieġilna nagħmlu biex il-ħajja konsagrata tkun dak li riedha tassew il-Konċilju Vatikan it-Tieni, Pawlu VI bl-Evagelica Testificatio u l-Evangelii Nuntiandi u dokumenti oħrajn fosthom “Ħajja Konsagrata” tal-Papa Ġwanni Pawlu II.  Għandna din l-għodda wkoll f’idejna bil-Malti imma mhux biż-żejjed.

L-istess, meta tkellem mas-saċerdoti tad-djoċesi tiegħu, Ruma, damu mat-tliet siegħat ukoll, jisma’ l-esperjenzi, diffikulajiet personali, spiritwali, pastorali!  Tahom id-dokument storiku li kiteb huwa bħala Kardinal fl-2008 bħala manwal ta’ tiġdid fil-ħajja saċerdotali, personali u appostolika. U lis-saċerdoti kollha biex inkunu għodda iktar effiċjenti fi Knisja u dinja kompletament differenti, xi drabi iktar minn dik li naħsbu!  Kemm ikun ta’ ġid dan ukoll f’idejn is-seminaristi u dawk kollha li qed iħejju ruħhom biex jaqdu lill-Poplu t’Alla,

L-Isqfijiet, Nunzji, Saċerdoti

U l-istess lill-Isqfijiet, bħal meta tkellem magħhom waqt il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Brazil u meta tkellem mal-Isqfijiet Taljani fil-Bażilka San Pietru lejlet l-Imnarja; u l-messaġġ lin-Nunzji u reċentement fl-Ittra lill-Kardinali ġodda: kollha dokumenti mill-isbaħ fuq il-missjoni tar-ragħajja fil-knisja għall-poplu kollu t’Alla.

Hekk ukoll meta kellem liż-żgħażagħ, lill-familji, mhux biss meta kienu dawn bl-eluf kbar, miljuni, quddiemu, imma anke meta jsemmihom b’vera mħabba u interess f’diskorsi u omeliji u fil-meditazzjoni ta’kuljum f’Sta Marta.  L-istess meta tkellem dwar il-valur tal-Parroċċa, tas-Santwarji u d-devozzjonijiet popolari tal-poplu nisrani (ara Ev Gaud 122-126).  L-appell tiegħu lill-politiċi kollha biex isolvu jew itaffu mill-għeruq il-ħażen tad-dinja ta’ żmienna: Is-sejħa tal-politiċi “hija vokazzjoni l-aktar għolja”, itenni l-Papa; “hija waħda mill-forom l-aktar li jiswew tal-imħabba” (Ev Gaud  205).  X’meżżi qawwija ta’ apostolat għandna f’idejna, li jeħtieġilna nġedduhom biex aħna wkoll, illum, issa, anke fostna, inwasslu dak li Papa Franġisku qed jipprova jagħmel bis-sempliċita’ kollha f’ħidmietu mingħajr ħafna formalitajiet.

Il-ħajja sempliċi f’diversi aspetti, anke li qiegħed fid-Dar Sta Marta, fiha messaġġ kbir ħafna, anke fir-relazzjonijiet ekumeniċi mal-knejjes u komunitajiet oħrajn.  Hekk stqarr Bartolomeo I ta’ Kostantinopli wara l-laqgħa tiegħu ma’ Papa Franġisku f’Sta Marta: veru ħassu qrib ħafna tiegħu meta l-Papa nnifsu ħareġ jilqgħu fil-pjazza quddiem id-Dar.  Hekk stqarr Bartolomeo nnifsu f’intervista lil Andrea Tornielli ta’ La Stampa ftit wara.  Dwar l-ekumeniżmu anke matul din is-sena, forsi ma ġewx iffirmati dokumenti ġodda imma l-ħbiberija kompliet tikber, “l-imħabba” vera mal-knejjes insara kollha u mal-Lhud u Musulmani kompliet tissaħħaħ!  Nistgħu ma nroddux ħajr lil Alla għal kull okkażżjoni li l-Papa ma jitlifx biex imexxi ‘l quddiem l-Għaqda fost dawk li jemmnu fi Kristu!  Il-messaġġ li Papa Franġisku bagħat bl-i-phone lill-isqof Tony Palmer, il-mexxej tal-Pentekostali f’Amerka nhar it-22 ta’ Frar li għadda; il-mod sabiħ li bih ġie milqugħ, il-fraternita’ li kompliet tikber u t-tweġiba spontanja għalih dak il-ħin stess waqt il-laqgħa!   Dan huwa pass sod ħafna ‘l quddiem; u bħalu seħħew oħrajn din is-sena wkoll.

Għas-servizz tal-Evanġelju

Fr1_015Il-Papa Franġisku għandu doni kbar u kariżma li qed jużahom tajjeb ħafna għall-evanġeliżazzjoni ġdida: huwa komunikatur mill-aqwa.  Mhux ta’ b’xejn anke l-president amerikan Obama jammirah!  U min jaf kemm mexxejja ta’ pajjiżi jixtiequ jkollhom ftit minnu biex ikabbru l-popolarita’ tagħhom!  Il-Papa Franġisku jinteressah biss juża kull don u ċirkustanza, kull meżż tajjeb, biex iwassal l-Evanġelju ta’ Ġesu’ u l-Ferħ tiegħu.  Hekk qal wieħed ġurnalista Argentin, Jose Maria Poirier f’simpożju li sar ftit xhur ilu f’Ruma, dwar il-Papa Franġisku.  Mhux biss imma l-Arċisqof Bruno Forte żied li hu għandu realiżmu qawwi, b’attenzjoni speċjali lill-persuna fil-għixien tagħha konkret.  U mbagħad ir-rabbi Abraham Skorka, li flimkien ma’ Bergoglio kitbu l-ktieb “Is-sema u l-art. Il-ħsieb ta’ Papa Franġisku fuq il-familja, il-fidi u l-missjoni tal-Knisja fis-seklu 21”, itenni: “Il-Papa għandu l-virtu’ li jgħid ħwejjeġ profondi bi kliem sempliċi”.  Kemm huwa minnu l-kumment ta’ P. Spadaro SJ, l-editur taċ-Civilta’ Cattolica, li kliem il-Papa jakkwista tifsira akbar u vera meta tgħaqqad il-ġesti u l-espressjonijiet tiegħu ma’ kliemu!

Huwa magħruf biż-żejjed l-impenn ta’ Papa Franġisku li żied fil-vokabolarju tal-Knisja tallum il-kelma “periferija”.  Mhux biss fil-ġest qawwi, kważi rivoluzzjonarju, meta f’Settembru mar b’qalbu maqsuma Lampedusa u personalment qanqal almenu l-kuxjenza ta’ dawk li għandhom is-setgħa biex jieħdu ħsieb problema li kważi ħarbet mill-kontroll, fejn eluf ta’ nies qed ibatu mhux biss madwarna imma f’diversi nħawi tad-dinja.  U lilna lkoll daħħalna fi kriżi ta’ kuxjenza anke fl-imġieba u r-relazzjoni tagħna magħhom, ħaġa li lkoll nistgħu intejjbuha ħafna.  Kemm sewa l-appell u t-tweġiba għas-sejħa tal-Papa biex l-insara, nies ta’ kull reliġjon u anke mingħajr twemmin jingħaqdu flimkien fil-kriżi tas-Sirja f’talba fi Pjazza San Pietru f’kollegamenti mad-dinja kollha.  U dan kellu l-effett tiegħu, anke jekk mhux għal kollox, fuq popolazzjoni li ilha tbati għal xejn!

Mhux ta’ b’xejn fi tmiem is-sena ġie magħżul “Il-Persuna tas-Sena”!  Il-Papa ħa pjaċir b’dan il-ġest imma mhux għalih, qal P. Federico Lombardi fis-Sala Stampa tal-Vatikan; imma jiswa biss jekk ikun meżż għax-xandir tal-Messaġġ tal-Evanġelju.

Duwa għas-Soċjeta’ tagħna

Kemm kienet inizjattiva oriġinali, kuraġġjuża u li tħares ‘il quddiem tas-Segretarjat tal-Lajċi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta li bil-għajnuna ta’ grupp kostanti ta’ voluntiera jittraduċu bil-Malti, immedjatament, id-diskorsi u messaġġi tal-Papa u jitqiegħdu fus is-sit internet “laikos” imħaddem minn Joe Farrugia.  Dan is-sit għani ħafna huwa segwit minn għadd kbir ta’ Maltin u Għawdxin fi gżirijietna;  huwa wżat ukoll minn għadd ta’ stazzjonijiet tar-radju anke barra minn Malta fejn hemm il-Maltin biex huma wkoll ikunu jistgħu jaqraw bi lsienna kliem il-Papa kważi immedjatament!

Imma huwa dmir tagħna lkoll, kbar u żgħar, nilqgħu dan il-messaġġ li l-Papa qed jagħtina lkoll: Ma nistgħux nibqgħu sejrin kif aħna.  It-tiġdid veru tal-Knisja hemm bżonn jittieħed aktar bis-serjeta’ (Ev Gaud 27 ff).  Id-dinja għandha ħtieġa mhux żgħira tal-Messaġġ ta’ Ġesu’ u ta’ Ġesu’ nnifsu; fost ċertu taħwid li l-bniedem kontemporanju anke fostna daħal fih, il-Papa qed jagħtina messaġġ urġenti: nilqgħuh aħna, ngħixuh u nuruh bħala dawl għal ħutna l-bnedmin, kemm dawk fl-awtorita’ kif ukoll sħabna kull fejn inkunu.  Jien u int nistgħu nkunu fjammi jixegħlu li jkeċċu jew ittaffu xi ftit id-dlam madwarna.  Kieku kull nisrani jkun tassew hekk, id-Dawl ikun kbir tassew l-istess bħalma kien Franġisku t’Assisi fi żmienu u Sant’Injazju fis-seklu 16 fit-taqlib diffiċli li dawru l-Knisja u heżżu lis-soċjeta’.  Illum nistgħu ngħinu lil Papa Franġisku jwettaq dan jekk nilqgħu l-messaġġ li qed jagħtina u ngħixuh u nxerrduh ma’ kulħadd u kullimkien.

Categories: Ġenerali
  1. Joe Farrugia
    March 8, 2014 at 6:58 am

    Ma naħssibx li l-artikolista, Patri Silvestru kellu f’moħħu li jqabbel Papa ma’ ieħor. Lill-Patri Silvestru nafu ħafna u mhux darba smajtu huwa stess iwissu kontra paraguni bħal dawn. Personalment inqis li l-providenzjalità tal-Papa Franġisku turina l-kobor tal-Papa Benedittu XVI, qabel xejn fl-umiltà kbira tiegħu. Niftakar sewwa meta wara l-ħatra tiegħu bħala suċċessur ta’ Pietru, Franġisku mar iżur lill-Benedittu u ħadlu b’tifkira, ikona tal-Madonna. X’ħin kien qiegħed jagħtihilu qallu, “Qaluli li din ix-xbieha jsejħulha l-Madonna tal-Umilta. U immedjatament ħsibt fik.”

  2. Edda Haber
    March 8, 2014 at 5:18 am

    Artiklu interessanti. Kultant jinkwetani għax qisu jrid igħid li dak li għamel Papa Benedittu XVI mhu xejn ħdejn il-ħidma ta’ Papa Franġisku! Noqogħdu attenti li ma naqgħux fin-nassa li diġa’ waqgħu ħafna … mhux ta’ b’xejn li Benedittu XVI sofra u għadu jsofri. Dejjem ipparagunat ma’ ta’ qablu u ta’ warajh!

    Mill-bqija huwa artiklu ta’ min jixtarru sew.

    Hawn Malta hemm bżonn li nużaw il-kariżmi li diġa’ għandna – imma b’mod ikkordinat. Eżempji:

    Katekiżmu – M.U.S.E.U.M, Liturġija – Pro Tridentina (Malta), Tfal/adolexxenti – l-Għaqda Nazzjonali tal-Abbatini. Immaġinaw kieku dawn l-għaqdiet jaħdmu flimkien – mhux għal rashom – kemm aktar frott jingħata lill-Knisja Kattolika f’Malta. U bħal dawn l-għaqdiet l-oħra kollha.

    Tajjeb li dan is-sit ikun ukoll vuċi għal dawn l-għaqdiet … FL-GĦAQDA S-SAĦĦA!

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: