Home > Ġenerali > Il-Knisja fid-dmir li tiddefendi x-xbieha ta’ Alla.

Il-Knisja fid-dmir li tiddefendi x-xbieha ta’ Alla.


Se nikteb ta’ kattoliku u se nikkwota minn sorsi kattoliċi, madankollu dak li se nesprimi jista’ forsi jkollu rilevanza wkoll għal dawk li tilfu jew li qatt ma ħaddnu t-twemmin nisrani.

1.     Ix-xbieha ta’ Alla.

Ir-reliġjonijiet monoteistiċi l-kbar, dawk li jemmnu f’Alla wieħed, qed nirreferi għalina l-Insara, għal-Lhud u għall-Musulmani, kollha jgħallmu li Alla qiegħed ix-xbieha tiegħu fil-bniedem, xbieha li tista’ tkun riflessa f’diversi aspetti, imma l-aktar fil-kumplimentarjetà tar-raġel u l-mara.  Dan naqrawh fl-ewwel paġni tal-Bibbja, “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (Ġen 1:27). Il-kumplimentarjetà tar-ragel u tal-mara, tagħmilhom jixbħu lill-Alla Ħallieq għaliex lilhom tagħtihom il-kapaċità li jissieħbu miegħu fl-opra tal-ħolqien.  Hija don li permezz tiegħu, huma t-tnejn flimkien ikomplu f’ġisimihom dak li beda Alla nnifsu meta ħalaq l-umanità.  Biha huma “jikkontribwixxu b’mod adegawat għall-prokreazzjoni u s-sopravivenza tal-ispeċi umana”.[i]

Tlitt snin ilu, proprju f’nofs l-2010, l-Arġentina kienet qed tiffaċċja liġi biex l-Istat jirrikonoxxi legalment rabtiet bejn koppji ta’ l-istess sess.  Il-Kardinal Bergoglio, dakinhar Arċisqof ta’ Buenos Aires u llum il-Papa Franġisku kiteb hekk dwar din il-liġi mressqa f’pajjiżu,  “Hawnhekk hawn l-għira tax-Xitan, li permezz tiegħu jidħol id-dnub fid-dinja: għira li tfittex bil-qerq biex teqred ix-xbieha ta’ Alla: ir-raġel u l-mara li rċevew il-kmand biex inisslu u joktru u jimlew l-art u jaħkmuha.  Aħna m’aħniex boloħ”, kiteb dakinhar il-Kardinal, “din mhix sempliċement kwistjoni politika, imma hawn għandna tentattiv biex jeqred il-pjan ta’ Alla.  Mhux biss pjan ta’ liġi (il-liġi hija biss il-mezz), iżda dan huwa pass ta’ missier il-gideb li jipprova jħawwad u jqarraq bl-ulied ta’ Alla”.[ii]

2.     Obligu ta’ ħarsien mill-Istat.

Minkejja din ix-xbieha divina li lkoll maħluqin fuqha, it-twemmin kattoliku li nħaddan u l-esperjenza personali tiegħi jipperswaduni wkoll dwar ir-realtà tad-dnub li hemm fil-bniedem, realtà li tagħmlu dgħajjef u fraġli. Hija realtà li minħabba fiha, il-bniedem jinħtieġlu jkun imħares minn kull tentattiv li jfixxklu kemm fil-ħajja personali tiegħu kif ukoll f’dik tas-soċjetà li fiha jgħix. Kemm il-persuna u kif ukoll is-soċjetà umana jinħtieġilhom jkunu difiżi mill-ħażen li jeżisti fosthom; dak il-ħażen li tnissel f’qalbhom minħabba l-għira tax-xitan u li kiber u tkattar b’konsegwenza tad-dnubiet personali u dawk soċjali.

Minħabba din id-dgħufija umana, is-soċjetà għandha l-obbligu morali li tipprovdi lill-persuni u lill-komunitajiet fi ħdanha dawk il-mezzi kollha li jħarsuhom minn kull sfruttament u li spiss jiġu kemm mill-egoiżmu sfrenat li hemm fina kif ukoll mill-pjan djaboliku li jeqred u jġib fix-xejn mhux biss it-tajjeb li hemm fil-bniedem, imma wkoll lill-bniedem innifsu.

F’dan l-obbligu morali hemm ukoll, imma mhux biss, dak tal-awtorità pubblika li “tħares iż-żwieġ bejn raġel u mara permezz ta’ rikonoxximent normattiv, biex tiżgura u tiffavorixxi l-funzjoni insostitwibbli tiegħu għall-ġid komuni tas-soċjetà.  Jekk jirrikonoxxi b’mod legali l-għaqda bejn persuni ta’ l-istess sess, jew jiggarantilha għarfien ġuridiku fuq l-istess livell taż-żwieġ u tal-familja, l-Istat ikun qed jaġixxi b’mod illeġittimu u jkun qed jikkontradixxi l-obbligi istituzzjonali tiegħu, għax ikun qed jaqleb il-prinċipji tal-liġi naturali u tal-ordinament pubbliku tas-soċjetà.”[iii]

3.     Dmir il-Komunità Nisranija.

Il-ġrajjiet li seħħew fl-imgħoddi fost popli oħra u dawk li qed iseħħu wkoll fostna matul dawn l-aħħar snin juru biċ-ċar li bosta difiżi għall-valuri umani, familjari u soċjali li spiss kien jagħmlu parti mill-qafas legali u kulturali tas-soċjetà, illum qegħdin jitfarrku waħda waħda.  Illum la l-persuna u lanqas il-familja ma jistgħu jserrħu rashom aktar fuq dawk l-istrutturi ċivili li sa ftit snin ilu kienu joffrulhom qafas ta’ difiża għalihom infushom u għall-valuri tagħhom.

F’dan il-kuntest il-Knisja, mhux biss bħala Maġisteru li jgħallem u bħala Ġerarkija li tmexxi, imma wkoll bħala Komunità li temmen u tgħix dak li temmen, għandha dmir ferm akbar milli qatt kien qabel.  Illum li bosta mid-difiżi għall-valuri umani li qabel kien joffri l-Istat waqgħu jew qed jaqgħu, jinħass ferm akbar l-obbligu tal-Knisja li tgħallem, tmexxi u tħares mhux biss lil dawk li huma imseħbin fiha imma wkoll lis-soċjetà kollha.

Il-Knisja dejjem kellha u dejjem wettqet l-obbligu tagħha li tkompli twassal id-dawl li irċeviet minn għand l-Imgħallem tagħha lill-bnedmin kollha.  Il-Knisja dejjem kellha u għad għandha messaġġ kbir ta’ tama u ta’ mħabba anke għal dawk li għal raġuni jew oħra ma kienux lesti li jħaddnu l-fidi tagħha.  Illum dan id-dover huwa ferm akbar minn qatt qabel, forsi għaliex bosta mill-assikurazzjonijiet l-oħra li qabel kellu l-bniedem u s-soċjetà, illum spiċċaw.

Dan l-obbligu tal-Knisja ma jieqafx biss mal-Isqfijiet, imma jestendi ruħu f’kull saff tal-komunità nisranija, inkluż ukoll, anzi b’mod speċjali, fil-familji.  Id-difiżi li ż-żgħar tagħna kienu jsibu mis-soċjetà kollha, illum iridu jsibuhom mill-familja.  Staqsa xi ħadd, “Illum min se jħares id-dritt tat-tfal li jikbru f’familja b’omm u b’missier?”.  Tweġiba, illum dan id-dritt ta’ uliedna rridu nħarsuh aħna stess, jiena u inti.  Iridu jkunu l-istess familji li jħarsu dan id-dritt tat-tfal.  Jekk nonqsu milli niggarantixxu lil kull tifel u tifla d-dritt li jikbru f’familja b’omm u b’missier, allura l-ġudizzju ta’ Alla u tal-istorja għad jikkundannawna.  Minn dawn it-tnejn ma jaħrab ħadd.

4.     Mhux ġudizzju imma karba.

Fl-istess waqt, nitlob maħfra lil Alla u lil min qed jaqra jekk b’dak li esprimejt hawn fuq stajt tajt l-impressjoni li qed niġġudika jew nikkundanna lil xi persuna jew persuni.  Naf li l-ħajja fiha bosta tbatijiet kbar.  Jiena wkoll għandi ħbieb li għaddejjin minn mumenti tqal għaliex huma jew xi ħadd mill-familja tagħhom għandhom sitwazzjonijiet simili.  Nassigura li dak li ktibt hawn fuq ġej mill-karba ta’ tant persuni li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli u diversi; mhux kollha  tbatijiet li ġejjin minn każi ta’ omosesswalità, imma kollha kemm huma jnisslu tbatija. Kollha jnisslu karba  ta’ uġiegħ fil-qalb, mhux biss fil-qalb ta’ dawk involuti direttament  imma ta’ kull min għandu qalb tassew.

Mill-banda l-oħra “l-Knisja tgħallem li r-rispett u l-imħabba lejn persuni omosesswali ma jistgħu bl-ebda mod iwasslu għall-approvazzjoni tal-imġieba omosesswali jew għar-rikonoxximent legali ta’ rabtiet omosesswali. Il-ġid komuni jitlob li l-liġijiet jirrikonoxxu, jiffavorixxu u jħarsu r-rabta taż-żwieġ bħala l-bażi tal-familja, ċellula ewlenija tas-soċjetà.  Li tirrikonoxxi b’mod legali r-rabtiet omosesswali jew li tagħmilhom indaqs bħaż-żwieġ ma jkunx ifisser biss l-approvazzjoni ta’ imġieba devjanti, bil-konsegwenza li tagħmilha mudell fis-soċjetà attwali, imma wkoll tkun toskura valuri bażiċi li jappartjenu għall-wirt komuni tal-umanità.  Il-Knisja ma tistax tonqos milli tiddefendi dawn il-valuri, għall-ġid tal-bnedmin u tas-soċjetà kollha”.[iv]

Huwa dmir  sagrosant tal-Knisja li tiddefendi din ix-xbieha ta’ Alla li hu l-bniedem.  U meta fis-soċjetà jkunu siktu l-ilħna  l-oħra kollha, dakinhar leħen il-Knisja jrid jidwi ferm aktar qawwija minn qatt qabel.  Għax il-messaġg li għandha mhux tagħha, iżda ta dak li bagħtha.

Minn Joe Farrugia


[i] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Kunsiderazzjonijiet dwar proposti biex ikunu rikonoxxuti rabtiet bejn persuni omosesswali, 3 ta’ Ġunju 2003, 7; fil-Laikos: http://www.laikos.org/Kon_Dutt_Fidi_Rabtiet_Omosesswali_03062003.htm

[iii] Ara Messaġġ tal-Kardinal Bergoglio moqri fil-knejjes kollha ta’ Buenos Aires, 11 ta’ Lulju 2010, 3; fil-Laikos: http://www.laikos.org/Kardinal_Bergoglio_Messagg_11072010.htm

[iv] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Kunsiderazzjonijiet dwar proposti biex ikunu rikonoxxuti rabtiet bejn persuni omosesswali, 3 ta’ Ġunju 2003, 11; fil-Laikos: http://www.laikos.org/Kon_Dutt_Fidi_Rabtiet_Omosesswali_03062003.htm

Categories: Ġenerali
  1. Miriam Briffa
    September 3, 2015 at 2:32 pm

    Jiena naqbel ma li ktibt Sur Farrugia.
    Ghalija, jekk bejn tnejn minn nies ma jistax johrog frott skond in-natura ta’ l-ghamla taghhom, ma tistax issejjah l-ghaqda flimkien taghhom bhala zwieg.
    Jekk tassew tnejn ta’ l-istess sess ma jistghux jghixu minghajr il-kumpanijja ta’ xulxin ghaliex hemm imhabba kbira bejniethom, jghixu flimkien b’imhabba spiritwali. Izda, jekk hija gibda sesswali, din ma taqbilx ma’ dak li jfisser l-ghaqda taz-zwieg bejn tnejn li jikkumplimentaw lil xulxin, biex bejniethom Alla jkompli l-kreazzjoni ta’ bnedmin bhalhom.

    Wiehed mill-argumenti favur l-ghaqda ta’ tnejn ta’ l-istess sess, fejn jirregwarda familja, jigifieri t-trobbija tat-tfal hu, li sfortunatament hawn koppji mizzewgin li jahqru lil uliedhom, jew jaghtuhom skandli u jcahhduhom mill-esperjenza sabiha ta’ l-imhabba.
    Jargumentaw li la huma kapaci jhobbu hafna lit-tfal, dan ahjar milli jghixu f’familji bhal dawn.

    Hawnhekk nara li l-Knisja trid tiehu aktar responsabbilta’ ghall-preparazzjoni tal-koppji li jixtiequ jinghaqdu fiz-zwieg. Kontra dak li hu hazin, m’hemmx ahjar mit-taghlim, u t-talb.

  2. Victor Fiott
    October 28, 2013 at 4:17 pm

    Apparti mill-aspett religjuz, ikun ahjar jekk nirsistu fuq l-aspett socjali. Qed nghid hekk ghaliex il-parlament mhux obbligat jiddefendi l-pozizzjoni tar-Religjon izda hu obbligat jiddefendi l-interessi socjali, b,mod specjali dawk tat-tfal.
    Naturalment, umbaghad, min hu Kattoliku ghandu jimxi skont il-morali Kattolika.

  3. anthony mallia borg
    October 24, 2013 at 3:46 pm

    Kristu ħatar ‘l appostli u tahom il-qawwa ta’ l-Ispirtu Qaddis biex imexxu l-poplu t’Alla u jwassluh għas-sewwa kollu; Kristu wegħdehom li ser jibqa magħhom sa l-aħħar taz-zmien. L-awtoritajiet civili għandhom kompitu li jnexxu lil poplu għas-sewwa u l-orndni, bla ma juzurpaw il-missjoni tal-Knisja. Tkun kolpevoli l-Knisja jekk ma xxandarx il-kelma ta’ Alla bla biza f’waqtu u barra minn waqtu ikun barra minn loku li gvern jassumi responsabbilta’ li ma tikkompetix lilu; l-awtorita’ gejja minn Alla u mhux dik mmoghtija lill-mexxejja maghzula mill-poplu nnifsu
    jinħtieg li tkun ir-raguni li tmexxina u mhux l-ideat politici tal-poplu. Inzommu l-bilanc u r-rieda ta’ Alla u mhux nikkupjaw bl-addocc dak li jsir minn pajjizi ohra.

  4. Tony Mahoney
    October 24, 2013 at 1:45 pm

    Manwel, jiena nemmen li huwa d-dmir sagrosant tiegħi (qed nitkellem għalija nnifsi) li nistqarr dak kollu li nemmen; jingħoġob u ma jingħoġobx mill-awtroritajiet ċivili, għax allura nkun nisrani tal-karnival, tal-quddiesa ta’ nhar ta’ preċett biss, nisrani tal-konvenjenza, Le, it-tagħlim tal-Knisja, għax inkun konvint minnu, għandi nistqarru DEJJEM, quddiem kulħadd, fuq kull mezz tax-xandir. Dan nagħmlu mhux biex nidher jew ningħoġob minn xi ħadd, iżda għax konvint. Jekk ma nagħmilx hekk, xi darba rrid nagħti kont ‘l Alla għall-aġir, għall-imġiba tiegħi. Se ngħidlu ‘l Alla, kif se niskuża ruħi, kif se niġġustifika ruħi??? Mid-dehra nsejnih li San Tumas More u oħrajn li taw ħajjithom biex jiddefendu t-twemmin tagħhom. Jien, bħal kull nisrani ieħor, minix imħallas, ma ndaħħalx la eluf lanqas miljuni biex niddefendi l-integrita’ u t-twemmin tiegħi. Dan nagħmlu għax konvint. Ta’ dan niżżi ħajr lil Alla.

  5. Tania
    October 24, 2013 at 7:00 am

    Ghalija l-punt tal-argument kollu dwar ir-rikonoxximent ta’ koppji omosesswali huwa migbura fid-domanda li hemm lejn l-ahhar ta’ dan l-artiklu, “Min se jhares id-dritt tat-tfal li jikbru f’familja b’omm u b’missier?” Nistaqsi jiena, liema stat, qorti jew istittuzzjoni ohra se jkollha l-wicc u l-kuragg tibghat tifel jew tifla jghixu f’ambjent bla missier jew bla omm?

  6. Manwel Camilleri
    October 24, 2013 at 6:51 am

    Ikun hawn min jghid, “Il-Knisja m’ghandhiex titkellem. Hawn il-Knsja ma tidholx. Ghandha taghlaq halqha.”

    Imma nistaqsi, dwar liema Knisja qed nitkellmu? Nafu jew le l-Knisja hija l-poplu kollu li jemmen f’qalbu u jistqarr b’fommu?

    U allura nirriformula dak li ktibt hawn fuq: “Ikun hawn min jghid li l-poplu nisrani m’ghandux jitkellem. Hawn il-poplu nisrani ma jidholx. Ghandu jaghlaq halqu.”

    U inti, xi tghid ghal dan? X’tahseb?

    No comment! Jiena parti mill-poplu nisrani. Jiena parti mill-Knisja. Qaluli ma nitkellimx. Qaluli naghlaq halqi.

  7. Tony Mahoney
    October 23, 2013 at 6:15 pm

    Il-bniedem li ma jridx jisma’ jkun qed idaħħal rasu fir-ramel; m’hawnx trux akbar minn dak li ma jridx jisma’. Qed nikkwotak, Joe, “Alla qiegħed ix-xbieha tiegħu fil-bniedem, xbieha li tista’ tkun riflessa f’diversi aspetti, imma l-aktar fil-kumplimentarjetà tar-raġel u l-mara.” Tant hu hekk, li f’Alla stess insibu l-imħabba ‘materna’ u l-imħabba ‘paterna’. min qatt ma sema’ dwar din nistgħu nirreferuh għall-magħrufa Parabbola tal-Missier Ħanin, jew kif inhi magħrufa tal-Iben Prodigu. Jekk wieħed jidħol fil-profond ta’ l-istudju tagħha hemm isib l-imħabba tal-omm u tal-missier. Għalkemm il-ħajja bikrija tal-artist Fjamming, Rembrandt van Rijn kienet daqxejn imħawwda, iżda fl-aħħar ta’ ħajtu daħal fih innifsu u aċċetta l-grazzja b’tant ħeġġa li t-Testment Spiritwali tiegħu kien forma ta’ kwadru kbir enormi, li llum jinsab fil-Hermitage, ġewwa r-Russja. Dan kien il-famuż xogħol li jirrapreżenta propju din il-Parabbola. Tgħiduli, x’għandu x’jaqsam pittura mat-tagħlim tal-Knisja,

    Rembrandt tant fehem dan l-aspett li f’Alla teżisti l-imħabba ‘materna’ u l-imħabba ‘paterna’, iġifieri li dak li tagħti l-omm ma jistax jagħtih il-missier u viċi-versa, li pitter idejn differenti fil-missier li qed jilqa’ ‘l ibnu. L-id il-leminija hija id, bid-driegħ b’kollox ta’ mara, swaba misluta, komma ta’ libsa ta’ mara u l-mod li qed tmiss ‘l binha hija ġentili bħal meta tmiss tarbija. Araw l-id xellugija, dik hija ta; raġel; fis-swaba naraw ċerta tensjoni u għafsa fuq dahar it-tifel.

    Forsi tgħiduli li din hija taħdita għall-istudenti tal-arti, naqbel, iżda turi bl-aktar mod ċar li dan it-tagħlim, ilu jeżisti u jdur madwarna miijiet ta’ snin, dan mhux tagħlim jew tagħrif li jafuh l-intelletwali biss. Le, Rembrandt ma kienx intellettwali, għalkemm kien ġgant fl-arti. Iżda toħroġ tagħlima kbira li , kif kiteb tajjeb Joe, il-komplimentarjeta t’Alla f’dik li hija mħabba u prokreazzjoni hija ‘il-mara u raġel’. L-ebda żewġ persuni tal-istess sess ma jistgħu jikkumplimentaw ‘l Alla.

    Fuq kollox la persuni tal-istess sess jesiġu li għandhom id-dritt li jgħixu flimkien, nirrispettaw dak id-dritt, jew xewqa. IŻDA, huma jridu jirrispettaw id-dritt ta’ ħaddieħor, cioe id-dritt tat-tfal, li hu sagrosant, li n-natura stess tħoss li għandha l-bżonn ta’ mara u raġel biex l-ulied jieħdu t-totalita ta’ dak li toffrilhom in-natura. Jekk ma jsirx hekk ikun egoiżmu sfrenat. Fuq kollox jew nemmnu jew ma nemmnux f’Alla dejjem u f;kollox. Ir-rakkont tal-Ħolqien jagħlaq bi frażi mportanti; meta Alla lesta mill-Ħolqien ‘Alla ra li kollox kien sewwa’. Allura is-sewwa m’għadux sewwa, jew sar dibattibbli? Rridu nagħtu kont ‘l Alla ta’ kull deċiżżjoni li nieħdu f’ħajjitna.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: