Home > Ġenerali > Sekularizzazzjoni jew Sekulariżmu

Sekularizzazzjoni jew Sekulariżmu


Holqien tal-Bniedem

“Kollox għandu żmienu … hemm żmien biex tiskot u żmien biex titkellem” [Koħèlet 3:1, 7] F’termini moderni, dawk aktar sekulari, ngħidu li kollox għandu l-moda tiegħu, u dan mhux biss fil-ħwejjeġ u l-ilbies, imma wkoll fil-kliem. Kultant ċertu kliem jew espressjonijiet bħal donnhom isiru moda, allura ħallina nużawhom u nfajruhom, anke jekk mhux dejjem nifhmu sewwa x’inkunu ngħidu u dwar xhiex qegħdin nitkellmu. L-importanti li nimxu mal-moda, anke jekk din ma tkunx tixirqilna jew tgħodd għalina.

Każ partikolari – ikkoreġġuni jekk sejjer żbaljat – huwa dak dwar il-kliem sekularizzazzjoni u sekulariżmu. Ma nafx għaliex, imma dan l-aħħar rajt u rċevejt numru ta’ kummenti u emails dwar dawn is-suġġetti. Il-ħasra hi li meta niktbu jew nitkellmu, minħabba xi skop moħbi jew minħabba nuqqas ta’ tagħrif, inħaltu l-waħda mal-oħra. Minn dan fhimt li issa huwa żmien li nikteb, biex nipprova niċċara xi ftit id-differenza bejn kelma u oħra; mhux għax nippretendi li nifhem aktar minn persuni oħra, imma għax tal-anqas, fejn ma nafx, qabel nitkellem nipprova nistaqsi. U waqt li qed nikteb nipprova nifhem aħjar jiena wkoll.

Fost ħafna oħrajn, qrajt diskors sabiħ li kien għamel fl-Avvent tal-2010, il-patri kapuċcin, Raniero Cantalmessa, Risposta Cristiana al Secularismo. Jgħid li minkejja li s-sekularizzazzjoni hija fenominu kumpless u aktarx miftiehem b’modi diversi, madankollu spiss tirreferi għall-awtonomija bejn is-saltna ta’ Alla u dik ta’ Ċesri. F’dan is-sens mhux talli ma tmurx kontra l-Evanġelju, anzi ssib l-għeruq tagħha propju fih. Iżda xi drabi l-kelma hija wżata biex tirreferi għal dik il-ġabra ta’ atteġġjamenti li jeħduha kontra kull reliġjon u kontra kull fidi, u għal dan normalment nużaw il-kelma sekulariżmu.

Mill-istess għerq imma b’tifsira differenti
Għalkemm iż-żewġ kelmiet isibu għeruqhom fil-kelma seklu [saeculum bil-latin], u f’dan is-sens jirreferu għaż-żmien ta’ issa, imma fil-waqt li s-sekularizzazzjoni tista’ tagħraf u tirrispetta l-possibiltà ta’ realtà oħra li tmur ‘il hinn miż-żmien ta’ issa, l-għan tas-sekulariżmu huwa l-qerda ta’ kull ħaġa li fis-soċjetà tista’ tirreferi għal xi ħajja oħra ‘il hinn minn dik ta’ hawn. Kieku dan kellu jseħħ fit-totalità kollha tiegħu ma jkunx ifisser biss li titneħħa mis-soċjetà u mill-ħajja publika l-idea ta’ Alla u kull ma jirreferi għat-traxxendent, imma wkoll it-tneħhija ta’ dak kollha li fl-istorja u l-kultura ta’ poplu jkun ġej minn xi forma ta’ reliġjon. F’pajjiż bħal tagħna fejn għeruq il-kultura Maltija huma msawra ma’ dik nisranija u għalhekk imorru lura sa elfejn sena, is-sekulariżmu totali jkun ifisser il-qerda sħiħa mhux biss tar-reliġjon imma wkoll ta’ kull identità tal-poplu. Min jippromwovi ideat bħal dawn ikun qed jgħid li dak kollu li emmnu, dak kollu li għamlu, dak kollu li tħabtu u tqabdu għalih l-antenati tagħna kienu ħmerijiet. Kienu nies diżillużi li qatt ma għarfu r-realtà. U issa mn’alla [skużawni bis-sekulariżmu lanqas dan it-terminu ma nkunu nistgħu nużaw], issa grazzi għalina, uliedna u d-dinja se jkunu jafu dak li ta’ qabilna qatt ma għarfu.

B’passi żgħar u bil-mod.
Sintendi, jgħidu li s-sekulariżmu jrid jidħol b’passi żgħar biex ħadd ma jinħasad għax inkella kollox imut fuq ommu. Pass pass nibdew biex nibdlu l-ismijiet tat-toroq kollha li jfakkru xi qaddis, bħal triq San Filep f’Ħaż-Żebbuġ, triq Sant Elena f’Birkirkara, Triq il-Kunċizzjoni f’Bormla, etc; jew dawk li jfakkru postijiet jew ġrajjiet reliġjużi bħal triq il-Knisja jew triq il-Parroċca li nsibuhom kważi f’kull raħal, jew triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta, etc. F’pass ieħor, forsi wkoll jiġi qabel, nibdlu l-ismijiet tal-kulleġġi, l-iskejjel, l-isptarijiet, iċ-ċimiterji. Ma nafx ma’ dawn ikollniex nibdlu wkoll dawk ta’ bosta ħwienet u djar. L-ismijiet ta’ rħula bħal San Pawl il-Baħar jew Santa Luċija jew San Ġwann, dawn nistħajjel li jkollna nsibulhom xi isem ieħor ukoll.

Bla dubju ta’ xejn li t-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel imur kontra l-prinċipji tas-sekulariżmu! Ma dan jiġi t-tneħħija tal-kurċifissi u simboli reliġjużi oħra minn postijiet publici bħal skejjel, uffiċini, qrati, parlament. U x’nagħmlu bil-mijiet ta’ statwi ta’ qaddisin fil-kantunieri tat-toroq tagħna? Għaliex le! Forsi wkoll is-slaleb minn fuq il-knejjes u x-xbiehat tal-qaddisin mal-faċcati tagħhom. L-armar u tiżjin ta’ toroq fil-jiem tal-festi. It-tiżjin tat-twieqi ta’ djarna bil-Bambin fi żmien il-Milied. Il-purċissjonijiet u kull forma oħra ta’ manifestazzjoni reliġjuża fil-publiku. Għandi kurżità dwar inkunx nistgħu inżommu isimna! Tgħid ikollna nagħmu xi rikors fil-qorti biex nibdluhom ukoll. U dawn huma biss ftit passi żgħar li wieħed irid joħodhom bil-mod il-mod biex ħadd ma jixxokja ruħu. Imma dawk ta’ moħħhom magħluq xorta jibqa’ jkollhom id-dritt li jħaddnu r-reliġjon li jixtiequ huma, basta fil-privat.

Libertà reliġjuża, imma fil-privat.
Sintendi, anke hekk tkun qed tiġi maħnuqa l-libertà reliġjuża, għax din ma tfissirx biss il-jedd ta’ twemmin ħieles, imma wkoll id-dritt ta’ espressjoni u ċelebrazzjoni libera ta’ dak it-twemmin. Imma jekk il-passi lejn is-sekulariżmu jsiru bil-mod u bil-għaqal, allura meta naslu s’hawn, leħen dawk il-ftit li jitkellmu tant ikun dgħajjef li tagħhom ikun biss bħal wieħed jgħajjat fid-deżert.

Imbagħad hemm aspett ieħor tas-sekulariżmu għax il-ħsieb warajh tant huwa radikali li jridx iġib biss il-qerda totali tar-rabta tal-poplu mal-imgħoddi reliġjuż tiegħu, imma fuq kollox ma’ dak li għadu ġej. Skont is-sekulariżmu, il-fidi hija delużjoni li biha l-bniedem jittama f’ħajja oħra fejn hemm jista’ jsib dak li m’għandux jew ma jistgħax ikollu hawn. Għalhekk aktar milli jeqred biss is-sisien passati tal-poplu, ikun qed itelliflu wkoll it-tamiet futuri, dawk li jmorru ferm ‘il hinn mill-kaptelli tal-qabar; għax skont is-sekulariżmu, mal-mewt jispiċċa kollox. Skont huma, missirijietna u ommijietna, in-nanniet u bużnanniet tagħna, dawn kollha u dawk ta’ qabilhom, lilna mhux fidi b’wirt ta’ tama ħallewlna, iżda illużjoni.

F’dan is-sens, is-sekulariżmu jeqred il-fundament l-aktar bażiku ta’ kull dinjità umana, għaliex jekk lil bniedem tneżżgħu minn għan aħħari, tirrendih ġugarell f’idejn strutturi bil-ferm akbar minnu; tista’ tabortieh qabel jitwieled u jekk marid tista’ bil-ħniena kollha “traqqdu” darba għal dejjem. Jekk bi prijorità jagħżel il-ħajja d-dar u l-familja minflok dik tal-fabbrika jew tal-uffiċċju, allura tgħid li hu inutli għall-magna ekonomiku u produttiva tal-pajjiż u tqisu bħala ċittadin ta’ klassi nferjura jew takkużah li mhux jaqdi dmiru lejn is-soċjetà. Dan għaliex meta lill-bniedem teħodlu d-dinjità tiegħu, allura huwa jsir biss biċċa mill-ingranaġġ u tkun il-magna l-kbira li tiddeċiedi x’tip ta’ edukazzjoni għandu jircievi, liema suġġetti jista’ jistudja u f’liema skejjel għandu jmur. U dan biex ikun jista’ jipproduċi aktar.

M’hemmx eternità.
L-għan aħħari tas-sekulariżmu huwa li tinqered darba għal dejjem mill-ħsieb u l-vokabularju tas-soċjetà kull referenza għall-eternità. U jekk ma hemmx eternità, allura fil-ħajja ma jifdlilna ebda skop ieħor ħlief li nieklu u nixorbu għax għada mmutu [1 Kor 15:32]. Jiena lill-ħajja umana naralha żewġ orizzonti; dak mnejna titla’ xemx fuq ħajjitna jurina l-oriġni tagħna; dak fejn tinżel ix-xemx jindikalna d-destinazzjoni fejn għandna mmorru. Għas-sekulariżmu, dan huwa biss ħolm u fantasija, u jekk joħdulna l-bieb mnejn dħalna u dak li minnu ser noħorġu, allura d-dinja ssir gaġġa, li fiha jkun aħjar li ma titwieled xejn. Iżda b’ħarsitna fuq dawn iż-żewġ orizzonti ħajjitna hawn hija biss mixja bi skop ċar u definit. Nafu mnejn tlaqana. Nafu fejn sejrin. Imma nafu wkoll għalfejn qegħdin hawn.

Qegħdin hawn għax Alla kollox għamel tajjeb u f’waqtu. … Nissel ukoll sens tal-imgħoddi u tal-ġejjieni f’moħħ il-bniedem.” [ara Koħèlet 3:10-11]. U għalhekk kien kollu ta’ xejn li sa minn sekli kbar ilu, bosta ttentaw jeqirdu dan is-sens mill-moħħ u l-qalb umana. Imma anke jekk għad jibdlu l-ismijiet kollha u ta’ kulħadd imma isem kull persuna jibqa’ dejjem minqux fuq il-pali ta’ id dak li ħalqu [Isaija 49:16]. U jeqirdu kemm jeqirdu xbiehat reliġjużi, il-Missier ta’ kulħadd ma jieqaf qatt jonqox suriet u xbiehat ġodda tiegħu nnifsu f’dawk kollha li Hu b’imħabba kbira jnissel u li fihom lkoll jonfoħ ir-Ruħ tiegħu [Ġen 1:27, 2:7].

Joe Farrugia

Categories: Ġenerali
  1. Miriam
    November 13, 2014 at 7:46 pm

    Minn dan kont qed nibza’ jien meta nkuraggewna biex nivvutaw halli nidhlu fl-Ewropa. Bsart li se jkun hemm affarijiet mohbija li se nkunu qed nghidu iva ghalihom minghajr ma nkunu nafu. Qed jaghmlu hazin. Il-principji titkisser maghhom tista’ mhux tkissirhom.

  2. Joe Farrugia
    June 24, 2014 at 6:36 am

    Dwar is-suggett ta’ Sekularizmu jew Sekulazizzazzjoni; fil-Laikos hemm kopja tad-diskors li l-ex-Ambaxxatur Amerikan ghal Malta Douglas Kmiec ghamel f’Malta fis-16 ta’ Gunju 2014. Link … http://www.laikos.org/kmiec_16062014.pdf

  3. M. Zerafa
    December 20, 2013 at 10:28 pm

    Secularisation is a process by which sections of society and culture are removed from the domination of religious institutions and symbols. The opposite of a secular state would be a state governed by a religious law such as, for example, in some Muslim states today. In this process of secularisation, religious institutions, such as churches, gradually loose control over areas of social life, such as the family, education and social security and the State takes over gradually.

    Secularism may be defined as religious scepticism or indifference. It is an ideology which entertains the view that religious considerations should, and ought to be, excluded from civil affairs, education, political and social matters and also from the ethical system. It thus becomes an ethical system on its own, asserting that moral judgements may only be made without reference to religious doctrine, such as, without any reference to any form of reward or punishment in an afterlife.

    Hence, while secularisation is a process which strives to separate the function of the Church from the function of the State, secularism does away with religion altogether. If it is not fully sceptical about religious affairs, it is certainly indifferent to any form of religious expression, belief or practice.

  4. Tony Mahoney
    August 28, 2013 at 11:41 am

    Dwar dak li kiteb Tony Scerri fuq l-ismijiet tal-iskejjel ikun tajjeb li jiġu identifikati ċerta ġenituri li nafu li għadhom fidili lejn il-Kultura Kristjana f’pajjiżna biex ikunu huma bħala ‘nukleu’ li jħajru ‘l ħaddieħor u jibdew jiġbru firem fejn jitolbu li l-isem preżenti (ta’ qaddis) għandu jinżamm. Ma rridux nibżgħu, li naqbżu għas-sewwa.

  5. Tony Scerri
    August 28, 2013 at 9:46 am

    Li wieħed jipprova jara x’jista’ jmur aħjar fil-Kulleġġi għall-Akbar Ġid tal-Istudenti KIF DEJJEM SAR S’ISSA naċċeta,iżda li tibdel l-Ismijiet tal-Kulleġġi (forsi għax ismijiet tal-Qaddisin)nara vojta.Aktar u aktar meta ħdimna ħafna biex l-istudenti jkunu midħla tal-ħajja tal-Qaddis Protettur tal-Kulleġġ u jitolbu l-għajnuna tagħhom. Sinċerament nemmen li l-Paroli biss mhu se jwassal imkien. Hemm bżonn niċċaqalqu u nsemmgħu leħinna b’meżżi oħra b’mod paċifiku u b’imħabba imma sodi u determinati li dawn il-ħwejjeġġ ma jsirux. Barkiet.

  6. M. Caruana
    August 27, 2013 at 5:13 pm

    Nisthajjel li wara li tkun qrajt u smajt l-argumenti kollha, il-bazi ta’ kollox dejjem hija dak li qal Gesu’ Kristu. In-nisrani jrid ikun fid-dinja, imma mhux taghha. Ikun fid-dinja, mhux ghax ma jistghax jaghmel mod iehor, imma ghax huwa propju ghalhekk li qeghdin hawn, biex inkunu fid-dinja u nahdmu fid-dinja. Imma min ghazel, b’rieda shiha u hielsa li jkun ta’ Kristu allura ma jista’ qatt ikun tad-dinja. “Min mhux mieghi, kontra tieghi. Min ma jigborx mieghi, ixerred.” Mhux kliemi dan imma kliem Kristu stess.

  7. Tony Mahoney
    August 27, 2013 at 9:00 am

    Fr.Charles, naqbel miegħek perfettament. Il-ħasra hi li barra minn Malta, speċjalment l-Amerka (ċerti Stati), is-Sagrifiċċju tal-Ewkaristija mhux qed jittieħed bis-serjeta u tingħata d-dinjita li tixraq lill-Ewkaristija. Dan sirt nafu lbieraħ mill-Facebook u kelli nwieġeb b’mod daqxejn sod. Għalihom importanti li jkunu preżenti bil-familja kollha, li hi ħaġa tajba. Iżda milli fhimt waqt il-Quddiesa tant ikun hemm ‘gossiping’ u ‘whispering’ , flimkien ma għajjat u storbju tat-tfal, li min irid jieħu sehem tajjeb fis-Sagrifiċċju isibha diffiċli ħafna. Il-mentalita żbaljati hi li kien hemm min kiteb li ma hemm xejn ħażin bl-istorbju għax ukoll Kristu qalilna: (kif ikkwotaw huma), “Let the little children come to me.” Għalija din hija mentalita fqira u stupida. Mhux qed jirrealizzaw li kull kelma, kull mossa, kull azzjoni fil-Quddiesa fiha valur kbir u huwa mportanti li jkunu jafu xi tfisser kull parti fil-Liturġija tal-Quddiesa. Kien għalhekk li 4 snin ilu, fil-Parroċċa tagħna konna għamilna Powerpoint ta’ 17-il Taħdita, bil-mużika, u spjegazzjoni tal-Istorja ta’ kif bdiet u żviluppat il-Quddiesa. Din il-projection kienet issir 5 minuti qabel kull Quddiesa tas-Sibt filgħaxija u dawk tal-Ħadd. Niżżu Ħajr ‘l Alla r-riżultat ma setax ikun aħjar, tant li ħafna kienu dawk li talbu kopja tad-DVD. Dan kollu għaddejtu fuq il-Facebook wara li għamilt traduzzjoni bl-Ingliż ta’ dak li kont ktibt bil-Malti. Kien hawn ħafna Parroċċi hawn Malta li wżawhom u xandruhom … għall-grazzja t’Alla. B’dan il-proġett antiċipajna x-xewqa tal-QT Papa Franġisku.

  8. Joseph Huber
    August 27, 2013 at 7:15 am

    Għalkemm hu riflessiv ħafna, l-artiklu nħossu wisq apokalittiku. Forsi għandna bżonn nemmnu ħafna u ħafna aktar fil-kliem ta’ Ġesù meta qal: Jien magħkom sal-aħħar tad-dinja. Qiegħdin fi żmien meta r-rota daret i-dawra sħiħa u l-filosofija tar-rinaxximent li tinġabar fil-kliem ta’ Lorenza de Medici
    “Quant’è bella giovinezza,
    che si fugge, tuttavia,
    chi vuol esser lieto, sia,
    di doman non c’è certezza”,
    reġgħet qiegħda magħna did-darba msaħħha bil-forza aggressiva tal-mezzi tal-komunikazzjoni.
    Forsi l-aktar importanti f’dax-xenarju hu li nkunu aktar persważi mill-fidi tagħna biex inxerrduha bl-eżempju mimli tenerezza, kif jgħallimna l-Papa Franġisku.
    Wieħed mid-difetti l-kbar li nħoss li għandna bħala Nsara hu li dejjem infittxu x’jonqojew x’irridu nirranġaw biex il-Kelma t’Alla nwassluha anki lil min ma jridx jisma’, u ma napprezzawx biżżejjed u qatt m’għandna ħin biżżejjed biex nroddu ħajr lil Alla tal-ġid kbir li jagħmel magħna u ta’ kemm affarijiet sbieħ aħna mdawrin bihom!
    Fi kliem ieħor għandna bżonn inkunu anqas pessimisti u aktar propożittivi fuq l-eżempju maġistrali ta’ dak li l-Ispirtu s-Santu għoġbu jżejjen lill-Knisja bih bħalissa – il-Papa Franġisku.

  9. Peter Paul Ciantar
    August 26, 2013 at 5:43 pm

    Bis-sekularizmu l-gheruq tal-poplu taghna Malti u dak Ewropej tqacctu mill-eruq hoxna tieghu. tislijiet.

  10. Fr Charles
    August 26, 2013 at 5:03 pm

    Ktibt tajjeb hafna Sur Farrugia. Biss irrid nghid dak li rajt barra minn Malta. L-ismijiet jibqaw, anke fit-toroq u fl-ibliet u l-irhula bhala parti mill-eredita’ tal-passat. L-ghar hu li naraw il-Knisja issir sekularizzata, fejn il-Knisja issir xi haga socjali fejn niltaqghu u niehdu pjacir. Dan rajtu b’ mod qawwi barra minn Malta fejn il-Knisja (in-nies taghha bhal qassisin) tibda’ thares minn din l-lenti. Naslu biex nghidu li anke it-talb bhal Adorazzjoni u ruzarju ma ghandhomx sens. Hafna jemmnu (anke qassisin) li l-laqgha tal-komunita’ hija biss il-quddiesa. Ghalhekk Papa Frangisku qieghed jinsisti li l-Knisja m’hiex organizazzjoni NGO. Irridu nsaqsu bhala Knisja: Qedin konxji ta’ dak li gara barra? Qedin nifthu ghajnejna biex ma naghmlux l-isball li sar f’ pajjizi ohra?

  11. Tony Mahoney
    August 26, 2013 at 4:41 pm

    Il-kriżi, ċertament hija fis-soċjeta. illum il-bniedem tant avvanza minn kull lat, li wasal biex jaħseb li m’għandu bżonn lil ħadd, li kapaċi jfendi waħdu. Biss, għalkemm ħafna m’ għandhomx il-kuraġġ jistqarru, xorta jħossu l-kuxjenza ttektek u tħabbat, iħossu li għalkemm għandhom kollox materjalment, iżda fil-fond qed iħossu xi vojt. Il-ħasra hi li mhux kapaċi jiddeċifraw dak it-tektik u t-taħbit tal-kuxjenza, li kull ma qed tgħidilhom hija: Alla Huwa l-Awtur ta’ kull ħajja, qimu u adurah, għandek bżonnu, mingħajru l-ħajja tkun bla skop. Għalhekk, il-pilloli, il-breakdowns, il-mard mentali eċċ.

  12. Carmel Camilleri
    August 26, 2013 at 4:24 pm

    L-Isqof Nikol Cauchi ta’ Ghawdex madwar erbghin sena ilu kien hareg pastorali tar-Randan dwar il-Process tas-sekularizzazzjoni. Kien ippreparana ghal dak li kellna nghaddu minnu matul is-snin. Konna bdejna naraw dawk is-soap operas fuq it-TV bhal Dallas ecc li hallew impatt kbir fuqna. Ma’ bqajniex nghozzu l-valuri nsara u dik il-fidi li ghaddewlna missirijietna,… u issa ara fiex waslu hafna familji maltin! Lill-Alla ma’ chadniehx imma warrabnieh fil-genb ghaliex minghalina m’ghandniex bzonnu, …. u minkejja li geddumna fix-xghir m’ghandniex kuntentizza!

  13. Marianne Fenech
    August 26, 2013 at 1:59 pm

    Is-sekularizzazzjoni u s-sekulariżmu huma fenomini li jmorru lura bosta snin u bosta sekli. Il-kwotazzjonijiet meħuda mit-Testment il-Ġdid u wżati f’dan l-artiklu, flimkien ma’ bosta testi oħra juru li ta’ l-anqas 2000 sena ilu kien diġa’ hemm kwestjonijiet dwar l-eżistenza ta’ Alla u ta’ ħajja eterna wara dik terrena. Iżda bil-wasla tax-xjenzi moderni, il-bniedem ħaseb li dalwaqt ikollu tweġiba għal kollox u dik il-fiduċja li darba kellu f’Alla (jew fl-allat) issa nvestiha fih nnifsu. Meta mal-mogħdija tas-snin, rajna li mal-problemi li ppruvajna nsolvu ħoqna ruxxmata oħra ġodda, bdejna nitilfu wkoll kull fiduċja li kellna fina nfusna.

    Illum huwa ċar li kif il-moderniżmu kellu jċedi postu għall-post-moderniżmu, hekk ukoll is-sekulariżmu qiegħed jitwarrab minn dak li huwa msejjah il-postsekulariżmu. Il-bniedem ħaseb li mingħajr ir-rabtiet tiegħu ma’ xi reliġjon, huwa kien se jkun aktar ħieles. Fil-verità huwa spiċca aktar waħdu, bla ebda’ appartenenza; la ‘l fuq għax qalulu li Alla ma jezstix, la mal-passat għax qalulu li moħħ in-nanniet kien mimli għanqbut, u lanqas mal-futur għax ipperswadewh li wara l-mewt m’hemm xejn. L-unika triq li kien fadallu kienet il-ħofra.

    B’riżulat kibret is-solitudni, żdiedet id-dipressjoni, tkattru l-kalmanti, faqqsu aktar is-suwiċidji, u llum nitkellmu dwar l-ewtanasja daqs li kieku meta lil dak li xeba minn ħajtu, inneħuhili nkunu nagħmlulu pjaċir u att ta’ karità. B’riżultat waqajna f’dak li l-Papa Franġisku sejjaħlu l-globalizzazzjoni tal-indifferenza.

  14. Stephen Muscat
    August 26, 2013 at 1:21 pm

    Xi hadd li kiteb qabli staqsa, “hija krizi ta’ socjeta’ jew krizi ta’ knisja?”

    Nitolbok tippermettili nkompli nistaqsi jiena wkoll, “Jekk is-sekularizmu qed jikber, dan ifisser li l-idea ta’ Alla qed kull ma jmur tispicca minn mohh il-bniedem, mhux hekk?

    Allura kif nispjegaw dawn ir-religjonijiet u settet godda li qeghdin ifaqqsu kuljum? U allura kienet f’waqta d-domanda tieghu, “fejn hija l-krizi fis-socjeta’ jew fil-knisja?”

  15. Tony Mahoney
    August 26, 2013 at 9:58 am

    “JIENA HU ALLA TIEGĦEK, MA JKOLLOKX ALLA IEĦOR GĦAJRI.”

    Interessanti li dan il-Kmandament mogħti ‘lMose, għalina lkoll, għadu jorbot sallum, 2013. Iżda li nbidel huwa l-interpretazzjoni tiegħu. Dak m’għadux il-ħsieb, il-kliem t’Alla, dak il-kliem qed jgħidu Ġanni, Pawla, Tony, Doris eċċ. ħafna huma llum li jikkunsidraw lilhom infushomm ‘l alla tagħhom stess. Jien naf x’inhu l-aħjar għalija kif niddeċiedi jien huwa tajjeb. Dan il-ħsieb mhux tal-bniedem tat-triq biss, din hija l-ideoloġija ta’ ħafna; tista’ tkun President ta’ pajjiż, Prim Ministru, Senatur, tkun xi tkun. LE, mhux ta’ Ċikku l-poplu biss. Dan hu s-sekulariżmu; Alla ma jidħolx fin-nofs.

    Tgħiduli, ‘Iżda din hija l-kultura tallum.’ U jien nwieġeb; biex tinbena kultura ġdida mhix xi operazzjoni li tagħfas buttuna u tinbidel awtomatikament. Ħafna minna, nirrepeti, ħafna minna li nattendu l-knisja kuljum, li niġru wara l-istatwi tal-kartapesta, li niffullaw wara x-xbihat fil-ġimgħa l-Kbira, li nirċievu s-Sagramenti … qegħdin jgħinu (ippermettuli ma ktibtx ngħinu), fil-bdil tal-kultura.

    Kif kiteb tajjeb Joe, ‘b’passi żgħar u bil-mod’ dieħel il-musmar. Nsemmi drawwa ġdida li dieħla u jien, personalment qed niġġildilha kontinwament, għalhekk ma wżajtx il-kelma ‘ngħinu’. Qed nirreferi għal-kelma ‘partner’. Jien kelli l-kuraġġ li nibgħat lura nvit ta’ tieġ li kien indirizzat ‘Tony and partner’. Dak huwa nsult għal marti u għalija personali. Rritornajt l-invit b’nota prudenti fejn ktibt: ‘Grazzi tal-Invit tiegħek, lest li naċċettah iżda nitolbok tikkoreġi żball; jien ma ngħix ma partner iżda mal-mara li żżewwiġt bis-Sagrament taż-Żwieġ. Grazzi’.

    Forsi jkun hawn min joġġezzjona għal din il-mossa. Biċċa tiegħu / tagħha. Iżda jien ma rridx inkun wieħed minn dawk l-aġenti tal-bidla fil-kultura tagħna. Kulħadd jaf li llum ‘poġġut’ jew ‘poġġuta’ inbidlet f’kelma pulita u aċċettatha mis-soċjeta f’kelma oħra li hija ‘partner’. Le, jien ma rridx inkun fuq l-istess keffa ta’ tizju li qed jgħix poġġut ma waħda, meta jien nirringrazzja ‘l Alla għadni ngħożż, flimkien ma marti s-Sagrament taż-Żwieġ. Hekk jidħol fin, fin, is-sekulariżmu, hekk inwarrbu fin, fin ‘l Alla mill-ħajja ta’ kuljum.

    Hemm viżibilju ta’ eżempji x’nagħti, iżda jkolli bżonn ta’ volumi. Insemmi pereżempju l-ismijiet ta’ wliedna. Minħabba l-egoiżmu tal-missier jew l-omm insemmi l-ibni / binti, Causio, JR, Lassie, Saint … (niftakarhom fuq ir-reġistru tal-klassi). Allura dawn il-ġenituri huma daqshekk imsieken li ma jirrealizzawx li meta jsemmu għall-qaddis, tkun qed titlob għall-ħarsien t’ ibnek lil dak il-qaddis. Jekk ma jirrealizzawx, sinjal li teżisti njoranza qawwija u grassa. Alla ma jidħolx, l-aqwa li mmur wara d-Duluri kull sena.

    Il-musmar jibda bil-ponta. Tant qed inkunu mkaxkra mill-kultura tal-ġurnata, b’mod sottili, li ma nindunawx, li qed isiru żbalji kbar u grassi, ukoll minn min suppost għandu jkun id-dawl ta’ Kristu. Huwa minnu li m’għandniex niġġudikaw, FATT. Iżda r-reazzjoni hija naturali u mhux dejjem tista’ tikkontrollha. Għiduli jekk hix dagħwa li tara Saċerdot, bir-rispett lejn is-Saċerdoti kollha tad-dinja u s-Saċerdozju, li qabel ma beda s-Sagrifiċċju tal-Ewkaristija, joħroġ il-mobile u jpoġġih fuq l-altar quddiemu. Taħsibx ħażin, ikun hawn min jgħid. sewwa. Allura, jekk ukoll qed jistenna xi aħbar ħażina kemm hija ħażina, il-mewt ta’ ommu, hi x’inhi, dak il-mument hemm xi ħaġa aktar kbira, aktar solenni, aktar qaddisa mis-Sagrifċċju li se jseħħ fuq l-artal? Mhux is-Saċerdot stess jgħid: “Erfgħu qlubkom ‘l fuq.” … “Nerfugħom lejn il-Mulej.” Inwieġbu lkoll, għax dak huwa mument kbir. Forsi żbaljajt li mortx u kellimtu wara. Alla, m’għadux jiġi l-ewwel; forsi kif jgħid Ċikku l-Poplu “L-ewwel jien, it-tieni jien u li jifdal għalija.” Ċert li dan il-każ huwa każ rari ħafna u nittama f’Alla, UNIKU, iżda kelli nkun sfortunat li nkun preżenti.

    Kif qed inwarrbu ‘l Alla u ndaħħlu s-sekulariżmu? B’mod l-aktar sempliċi; qed inwarrbu min-nofs l-imħabba. Qed insemmi l-imħabba għal raġuni valida. Niftakar meta snin ilu kont noħroġ mal-mara tiegħi, bħala namratI; kien ikollna ġenn li niltaqgħu u noqogħdu nitkellmu minn dak kollu li għaddejna matul il-jum. Konna qed naqsmu mħabbitna u l-ħsibijiet tagħna. ILLUM….arawhom, ħafna mill-koppji; f’ Kafe jew Ristorant, b’tazza xorb jew kikkra cappuċino u t-tnejn li huma mitlufin fil-ħsibijiet tagħhom personali; waħda fuq il-mobile u l-ieħor fuq iPad, jew laptop. Komunikazzjoni bejniethom mejta. Jien dik ma nsejjħilhiex imħabba, lanqas interess. Issa, lkoll flimkien inqum u nċapċpu jdejna u ngħidu: Issa, dik hi l-kultura. Iżda nsaqsi jekk int kont wieħed mill-aġenti għall-bidla ta’ din il-kultura, aħseb u pprepara ruħek x’se tgħidlu ‘l Mulej dakinhar li tidher quddiemu.

    LE, JIEN MA RRIDX INKUN AĠENT TA’ DIN IL-BIDLA. għalhekk nitkellem u nikteb. Mhux se nkun safi għal kollox meta nidher quddiem l-imħallef Divin, iżda ta’ dan id-dnub żgur mhux se nkun ħati. Alla jgħinni.

  16. Tony Mallia
    August 26, 2013 at 9:50 am

    Il-Papa Benedittu kien tkellem kontra dak li sejjhlu, “is-sekularizzazzjoni tal-kleru”. Imma jekk l-istess kleru ikun sekularizzat, allura x’se jigri mill-lajci, dawk li darba konna nsejhulhom, is-sekulari?

  17. Grace Vassallo
    August 26, 2013 at 9:46 am

    Veru li qieghed tghid li jinbidlu l’affarijiet bil mod li wiehed l’anqas jinduna. Jiena niehu mill ismijiet li qeghdin jghatu lit tfal, ismijiet ghal footballers u artisti. Spiccaw ismijiet tal qaddisin, ismijiet li jibqghu anka meta t-tfal jikbru mhux ismijiet bla sens li gieli anka jivvintaw il genituri. Jien nahdem bhalha librarian u il bicca l-kbira nghidilhom biex jispellu l’isem ghax ma nkunx naf kif jinkiteb.

  18. Karmenu Briffa
    August 26, 2013 at 7:07 am

    Tajjeb wiehed jistaqsi, is-sekularizmu, krizi fis-socjeta’ jew krizi fil-knisja? Huwa s-sekularizmu li diehel pass pass jew ahna l-insara li qed nibirdu ftit ftit? Hija krizi fis-socjeta’ jew krizi fil-knisja?

  19. Peter Zammit
    August 26, 2013 at 7:01 am

    Kitba tajba u miktuba bi hsieb. Imma lili laqtitni il-kwitazzjoni li biha ftaht l-artiklu tieghek. “Hemm zmien ghal kollox. Zmien li tiskopt u zmien li titkellem.” F’pajjizna ilna snin kbar siekta. Meta se jasal ghalina z-zmien li nitkellmu? Jitnaqqru l-valuri wiehed wiehed, u kollox jibqa’ ghaddej qisu hu xejn. Illum kollox sar jghaddi. Anke fil-Knisja,

    Hemm zmien tajjeb ghalll- kollox. Zmien li tiskot u zmien li titkellem. Imma meta se jkun dan? Meta se nibdew nitkellmu? Ghax jiena wkoll ghandi parti mit-tort.

  20. Grace Gauci
    August 26, 2013 at 6:34 am

    Propju ftit jiem ilu qrajt diskors qasir li kien għamel il-Papa Benedittu XVI fit-8 ta’ Marzu 2008. Qabel xejn fih jikkonferma dak li ktibt inti f’dan l-artiklu tiegħek illi s-sekularizzazzjoni spiss tinbidel f’sekulariżmu, u allura twarrab l-aspetti positivvi tas-sekularità. Imbagħad jgħid …

    “Secularisation, which presents itself in cultures by imposing a world and humanity without reference to Transcendence, is invading every aspect of daily life and developing a mentality in which God is effectively absent, wholly or partially, from human life and awareness.”

    Imbagħad wissa hekk, u din tħassibni …

    “This secularization is not only an external threat to believers, but has been manifest for some time in the heart of the Church herself.”

    Bħad-diskorsi kollha tal-Papa Benedittu, huwa diskors tajjeb ħafna u b’ħafna tagħlim. Suġġeriment zġhir lil min imexxi l-Laikos. Diskors bħal dan tajjeb ikun fil-Laikos.

    Grazzi.

  21. Antida
    August 26, 2013 at 2:34 am

    Naqbel ma dan kollu li ktibt Mr Joe Farrugia. Jekk jipruvaw jnehhu lil Alla minn Malta jsir disastru kbir bhal ma qed jsir f,pajjizi ohra specjalment L Amererika it tragedji ta Tornados li certi pajjizi qatt magraw. Anki bhal ma qed jigri go LEgittu u is Syria. Nispera li l poplu jkun aktar mohhu miftuh u ma joqodux ghal kollox. Ghax minghajr ALLA ma jsir xejn hlif disasri.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: