Home > Ġenerali > Meta l-proġetti ta’ Alla, nagħmluhom tagħna.

Meta l-proġetti ta’ Alla, nagħmluhom tagħna.


“Fil-bidu, Alla ħalaq is-sema u l-art.”

Meta l-awtur tal-ewwel ktieb tal-Bibbja, il-Ġenesi, fl-ewwel vers tal-ewwel kapitlu kiteb dan il-kliem, ma naħsibx li kienet l-intenzjoni tiegħu li jwasslilna fatt storiku, imma li jagħtina prinċipju bażiku.

“Fil-bidu, Alla ħalaq is-sema u l-art.”  Dan huwa il-prinċipju li minnu toħroġ kull eżistenza u li fuqu trid tkun ibbażata kull ħidma tal-bniedem.  Għaliex il-ħolqien huwa kollu kemm hu proġett ta’ Alla; mhux għalih innifsu. Huwa proġett ta’ mħabba li fih Alla ried iseħibna fit-twettieq tiegħu.  Dan jidher ċar mhux biss minn barket Alla lill-bniedem, “Nisslu u oktru, u imlew l-art u aħkmunha”, imma wkoll mill-mod stess kif taħdem u toktor in-natura maħluqa minnu.  U għaliex il-bniedem nnifsu huwa parti minn dan il-ħolqien ta’ Alla, allura l-umanità wkoll hija proġett ta’ Alla.

Iżda minkejja li Alla, fl-imħabba tiegħu sieħeb lill-bniedem f’dan il-proġett tiegħu, madankollu l-proġett għadu u jibqa dejjem wieħed divin, u kull darba li l-bniedem, warrab dan il-prinċipju fundamentali, ir-riżultat kien miftuh għad-diżastru.  Dan rajnieh iseħħ fil-mît bibliku tal-ħolqien meta l-ewwel bnedmin telqu ‘l hinn mill-pjan ta’ Alla, rajnieh iseħħ fi grajjet il-bniedem u għadna narawh iseħħ anke fi żmienna, mhux biss fi ħwejjeġ spiritwali, morali jew reliġjużi, imma saħansita fl-ambjent naturali ta’ madawarna u li aħna stess nagħmlu parti minnu.   Għaliex l-ambjent huwa ħolqien ta’ Alla u allura dan ukoll proġett tiegħu.  Forsi meta minflok “ħolqien” bdejna nsejħulu “ambjent” ridna mingħalina ninsew li dak kollu li naraw madwarna ħalqu Hu.  Forsi dan kien il-mod sottili kif ridna nwarrbu lil Alla mill-proġett tiegħu.  Forsi għax naħsbu li llum sirna nifhmu aktar minnu u li r-regoli li Huwa poġġa f’dal-proġett huma antikwati u ma jgħoddux aktar għalina.

B’riżultat naraw li dak li sar għall-bnedmin kollha ta’ kull żmien, aħna sfruttajnieh b’mod li jimpurtana biss minna nfusna u x’nistgħu nieħdu minnu llum?  Naraw ambjenti ta’ ġmiel naturali, ikunu mħarbta  għal sempliċi gwadan personali?  Naraw speċi ta’ ħxejjex u annimali jkunu meqruda għal dejjem minħabba fl-eġoiżmu sfrenat tal-bniedem?

Il-ħajja proġett ta’ Alla.

Ħajjitna stess hija proġett ta’ Alla, iżda minkejja l-barka tiegħu, “Nisslu u oktru u imlew l-art”, il-bniedem jagħmel lilu nnifsu strument ta’ qerda anke umana.  Jivvinta maġni ta’ gwerra biex joqtol jew jaħkem bnedmin oħra. Jivvinta proċessi li mhumiex parti min-natura biex minflok inissel u jkattar l-umanità, huwa jikkontrolla t-tnissil b’mod li dan isir wieħed insostenibbli.  Jivvinta għodod li anke fejn titfaċċa l-ħajja huwa joqtolha u jabbortiha.  Idaħħal sistemi li bihom f’isem l-istess imħabba u l-kompassjoni jtemm ħajjet bnedmin oħra.  Proġett maħluq minn Alla biex ikun wieħed ta’ ħajja u l-bniedem warrab lill-Alla biex dan għamlu proġett ta’ mewt.

Il-familja proġett ta’ Alla.

Anke l-familja hija proġett ta’ Alla u dan ma naqrawhx biss fil-Bibbja, imma ukoll fin-natura umana.  Iżda minkejja li Alla f’dawn iż-żewġ kotba tiegħu wera l-blueprint  li fassal familja b’raġel u mara, imma l-bniedem dehrlu li dan m’għandux ikun hekk u allura ħolom għalih metodi diversi li la huma mnissla mill-Ispirtu u lanqas mid-demm.

Il-familja huwa l-proġett ta’ Alla li fih il-bniedem kien mistieden ikun l-kollaboratur ewlieni, imma meta huwa jwarrab kompletament lil Alla, allura l-proġett ikun żnaturat u għalhekk destinat lejn falliment u diżastru. B’konsegwenza jkunu addottati mudelli oħra bħal firdiet ta’ dawk li suppost kienu saru ħaġa waħda, għixien flimkien minn dawk li qatt ma jistgħu jkunu ta’ xulxin, divorzji mmirati lejn rabtiet ġodda li konsegwentement ukoll jistgħu jerġgħu jinħallu, ulied li jgħixu ma’ persuni li mhumiex il-ġenituri tagħhom, irġiel jisħqu li jkunu meqjusa bħala omm ta’ tfal li mhumiex uliedhom jew nisa li bil-maqlub jitolbu r-rwol ta’ missier.

U dan kollu għax proġett ta’ Alla għamilnih esklussivament tagħna minħabba li dehrilna li tiegħu, ippruvat b’suċċess sa mill-bidu, illum m’għadux jaħdem.

Il-Knisja ukoll proġett ta’ Alla.

Il-Knisja stess hija proġett ta’ Alla. Anke f’din huwa ried iseħibna miegħu. Diversi drabi fl-evanġelju jew f’kotba oħra tat-Testment il-Ġdid, naqraw testi li juru propju kif il-missjoni li Kristu kellu mill-Missier, huwa għoġbu jsieħeb fiha lil dawk kollha li jemmnu fih u jimxu warajh. Anke f’dan il-proġett il-bniedem huwa kollaboratur ta’ Alla f’Ibnu Ġesù Kristu. Għalhekk ikun żball kbir li l-insara jagħmlu dan bħala proġett tagħhom b’mod li jinsew li l-għalqa li fiha qed jaħdmu mhix tagħhom imma ta’ Sid l-għalqa.  Niżbalaw jekk ninsew li l-bidwi li qed jaħdem l-għalqa huwa l-Missier u aħna l-għodda f’idejh. Nonqsu bil-kbir jekk anke f’dan il-proġett nibdlu l-blueprint  tiegħu b’mod li din ma tibqgħax tingħaraf minn dak li ħejja Hu.

Każi bħal dawn seħhew fil-passat u r-riżultati diżastrużi tagħhom għadhom miktuba fl-istorja. B’riżultat nibtu xiżmi bejn dawk li suppost huma ulied tal-istess Missier, aħwa ta’ l-istess Iben u tempju uniku ta’ istess Spirtu.  B’riżultat seħħew il-kruċjati biex il-bniedem mingħalih jiddefendi lill-Alla u l-proġetti tiegħu minn bnedmin oħra.  B’riżultat wellidna l-inkwiżizzjoni biex nikkundanaw li fil-ġudizzju tagħna mxewx mal-pjan ta’ Alla, meta l-aktar li konna qed inħarbtulu kollox konna aħna stess. 

Nibnu ċnut u ħitan

Kull meta naħsbu li l-proġett ta’ Alla huwa esklussivament tagħna, allura nibdew nibnu n-niċeċ, mhux għall-istatwi tal-qaddisin, imma għalina nfusna. Ninsew li l-biċċa tal-għalqa li naħdmu fiha, mhix tagħna imma tal-Imgħallem.  Allura nibnu ċnut u ħitan bejnietna biex inħarsu l-għalqa tagħna minn dawk li jitħajjru jersqu lejha. 

Kull meta l-proġetti tiegħu għamilnihom tagħna, waqqafna kunsilli, kumitati u kummissjonijiet biex infasslu u nippjanaw il-proġetti tiegħu, imma lilu ma ħallejlinux post mal-mejda.  Ngħidu li Hu qiegħed fostna għax inġbarna f’ismu, imma fil-verità kemm tajna lok lill-Kelma u lill-Ispirtu tiegħu li jdawwluna u jmexxuna?  Kemm mid-deċiżjonijiet li nieħdu jiġu minn?  Kemm proġetti li twieldu minna jmorru kompletament kontra l-pjan tiegħu? Nagħmlu festi u ċelebrazzjonijiet f’ismu li ma jogħġbuhx għax ġejjin mill-piki u l-partiti ta’ bejnietna.

Nieħdu copyright fi proġetti li huma tiegħu

Kull meta l-proġett ta’ Alla ħadtu għalija biss, kibritli rasi.  Ix-xogħol li wettaqt, minkejja li qabbadni nagħmlu Hu, fil-ħin li silifni Hu u bit-talenti u l-għodod tiegħu, dan ix-xogħol għamiltu tiegħu.  Imbagħad waħħaltlu fuqu s-timbru tal-copyright li ma jmurx xi ħadd jiftillu jagħmel bħalu jew jikkopja xi biċċa minnu.

Lili l-Mulej isejjaħli biex nissieħeb miegħu fil-proġett li jkollu għalija.  Jekk naċċetahx jew le huwa f’idejja.  Imma anke jekk naċċettah, ma jfissirx li issa bil-proġett nista’ nagħmel li rrid. Li ninsa għal kollox li l-proġett mhux tiegħi, imma tiegħu. Kemm proġetti twieldu minn sejħa ġenwinament ġejja minn Alla, imma spiċċaw f’falliment għaliex wara żmien dawn il-proġetti twarrab Alla minnhom!  Dan faċilment isir jekk jiena nneħħi ħarsti minn fuq l-Imgħallem u nitfha jew fuq il-ħidma nfisha jew agħar minn hekk fuqi nnifsi.  Huwa ingann fin tax-xitan li mhux dejjem nintebah bih, qabel ikun tard wisq.

It-tagħlima mill-Papa

Propju waqt li kont qed noqrob lejn tmiem ta’ din il-kitba, irċevejt l-aħbar li l-Papa Benedittu kien għadu kif irrinunzja għall-Pontifikat tiegħu. Waqaft ħesrem minn dak li kont qed nikteb u kien biss ħamest ijiem wara li sibt l-ħin u moħħ trankwill biex nipprova ntemmu.  Benedittu XVI żgur ma ħax il-proġett li Alla kellu għalih u għamlu tiegħu, imma għax intebaħ li Alla kien qed isejjaħlu għal servizz ġdid, huwa kien lest iwieġeb “iva” b’kuraġġ, umiltà u determinazzjoni.  Għalih ċertament kien ikun eħfef u forsi ta’ aktar sodisfazzjon personali li jkompli fit-triq tal-Pontifikat.  Imma għax lilu, issa Alla ressaqlu proposta oħra u proġett ieħor, Benedittu XVI aċċetta r-rieda divina bla tnikkir u bla tlaqliq.

F’dal-jiem ġie f’moħħi wkoll dak li seħħ elfejn sena fil-Palestina. Fil-bidu ta’ ħajja publika tiegħu, Ġesù għaraf li r-rieda tal-Missier għalih kienet li huwa jħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,  iwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, jagħti d-dawl mill-ġdid lill-għomja u jrodd il-ħelsien lill-maħqurin.  Tliet snin biss wara, il-Missier ressaqlu proposta ġdida u proġett ġdid, dik tat-tbatija u l-mewt.  Ċertament kien ikun ħafna eħfef għal Ġesù, u umanament ħafna aktar ta’ sodisfazzjon kieku huwa baqa’ jgħallem u jfejjaq.  Imma r-rieda tal-Missier kienet differenti, u Ġesù għarafha, aċċettha u wettaqha.  

Forsi mhux l-istess qed jagħmel il-Papa llum?  Tmien snin ilu, il-proġett ta’ Alla għalih kien il-pontifikat, u Joseph Ratzinger dakinhar lill-Alla wieġbu, “iva”.  Illum huwa jaf li l-proġett ta’ Alla għalih huwa triq tat-tbatija, it-talb u l-kontemplazzjoni. U llum ukoll Benedittu XVI lil Alla qed jgħidlu “iva” mill-ġdid, bl-istess imħabba u ġenerożità li qalilu dakinhar.

Huwa biss b’dan il-mod li l-proġett ta’ Alla jibqa’ ta’ Alla.  Kull mod ieħor u kull triq oħra huma destinati lejn falliment u diżastru; mhux biss għal-bniedem nnifsu, imma wkoll għall-Knisja u għall-umanità.

Minn Joe Farrugia

Categories: Ġenerali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: