Home > Ġenerali > Festa tal-laħam jew karnival is-sena kollha?

Festa tal-laħam jew karnival is-sena kollha?


Is-salib tal-fidi fuq il-kostumi tal-bluha

Is-salib tal-fidi fuq il-kostumi tal-bluha

Minn isimha stess, insejħulha, il-“Festa tal-Laħam”.  Mhix festa bħal tant oħrajn ta’ xi prodotti agrikoli jew tal-ikel li minn żmien għal żmien jorganizza xi Kunsill Lokali, anzi din tkun ċelebrata fuq skala nazzjonali, għalkemm f’xi bliet u rħula bħal donnu jiffesteġjawha ħafna aktar bil-kbir.  Bosta jaraw fiha r-renju tal-bluha, għalkemm oħrajn jsostnu li dan jaħkem matul is-sena kollha. Imma dawk li jmorru lura fis-snin u jfittxu fl-għeruq tal-istorja jgħidu li aktarx oriġinat bħala l-aħħar okkażjoni li l-poplu kellu qabel jidħol fl-erbgħin jum ta’ sawm strett u astinenza perfetta li l-Knisja Kattolika kienet titlob minnu kull sena għal żmien ir-randan. Kien x’kien l-oriġni tiegħu, imma r-rabta kulturali bejn karnival u randan hija waħda li ftit li xejn tista tmeriha. Madankollu, lil hinn minn din ir-rabta storika, illum jidher li dawn iż-żewġ realtajiet komplew jiżviluppaw indipendentement minn xulxin, u naħseb li dan huwa tajjeb.

Mill-banda l-oħra wieħed ma jistax ma jintebaħx li filwaqt l-festi tal-karnival kibru, f’ċerti każi forsi wkoll b’mod esaġerat, mill-banda l-oħra r-randan bħal donnu qed jitlef l-importanza li kellu għall-poplu tagħna.  Uħud jwaħħlu fil-Knisja nfisha għax jgħidu li kienet hi stess li naqqset l-importanza ta’ dan iż-żmien meta naqqset il-jiem ta’ obbligu tas-sawm u l-astinenza.  Sintendi l-mexxejja tal-Knisja ma jaqblux ma’ dan u jinsistu li l-obbligu tal-penitenza għadu hemm u li n-nisrani, b’mod matur, għandu jsib huwa stess il-kif u l-meta jagħmel is-sagrifiċċji tiegħu.

Dawk li jħarsu lejn l-istampa b’nuċċali skur jgħidu li mhux biss is-sawm u astinenza naqsu, imma wkoll l-attendenza tal-poplu għall-eżerċizzi tar-randan, l-istess kif wara kollox naqsu dawk li jattendu għall-quddies tal-Ħadd.  Anke dan skont huma, huwa tort tal-qassisin, għaliex illum rari għadek tisma’ min jippriedka dwar id-dnub, il-mewt, il-ġenna u l-infern. Imma dawk li ma jaqblux, filwaqt li ma jiċħdux in-numri, jargumentaw li dawk li għadhom jattendu, qed jagħmlu dan b’impenn akbar u b’aktar maturità nisranija.

U l-argumenti jkomplu, anke fi ħdan il-Knisja, mhux daqstant dwar ir-randan u l-karnival, imma wkoll dwar temi oħra; bħal per eżempju dwar il-perċezzjoni jew realtà li minkejja li naqas il-qrar, żdied it-tqarbin.  Hemm rabta bejn iż-żewġ sagramenti? Għandu jkun hemm rabta bejniethom?

Suġġett li ġieli jissemma wkoll huwa dak dwar it-tberik tal-familji li darba kien isir fi żmien l-Għid u kien isir kull sena.  Illum bħal donnu aktar qed tidħol l-ideja ta’ family-visits, li jkunu anqas frekwenti, darba kull sentejn jew tlieta.  Tajjeb li jsir hekk? U jekk le, jistgħu l-kappillani, bl-impenji kollha tagħhom jagħmlu mod ieħor?

Illum iqumu bosta argumenti oħra dwar l-hekk imsejħa “duttrina tat-tfal”. Nistgħu nibqgħu għaddejjin kif konna għoxrin, tletin jew erbgħin sena ilu? Hawn min jgħid li l-unika ħaġa li nbidlet minn dak iż-żmien hija l-frekwenza ta’ kemm drabi jattendu għax illum la min jgħallem, la min jitgħallem u lanqas il-ġenituri ma jistgħu jidħlu għal impenn aktar spiss.

Ċert li min jaqra, jiġu f’moħħu kwestjonijiet oħra. U hu propju l-iskop ta’ din il-paġna li tistimola dibattitu serju u toffri spazju lil kull min jixtieq jagħmel dan b’rispett lejn l-oħrajn u sintendi b’rabta mal-iskop ta’ dan is-sit, dak li nwasslu kelma ta’ ġid lil dawk kollha li jixtiequha.

Iktbilna …

  1. Antida
    February 5, 2013 at 2:45 am

    Illum jahsbu li se jsibu paci billi jippruvaw jemitaw lil pajjizi kbar, biex jamlu bhalhom. Imma l paci jsibhu biss ghand GESU” Ghalhekk id dinja qeda fl’ qeda.

  2. Ninette Borg Grech
    February 4, 2013 at 9:20 pm

    Kollox idur dwar kemm ahna nsara maturi.

  3. Victor Fiott
    February 4, 2013 at 5:03 pm

    rigward id-duttrina tat-tfal, kien joghgobni dak il-ktejjeb ta’ tfuliti bil-mistoqsija u twegiba.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: