Home > Ġenerali > 50 Sena ilu kien hemm konċilju

50 Sena ilu kien hemm konċilju


50 Sena ilu kien hemm konċilju

VATIKAN II SEMPLIĊI ĠRAJJA !

Mis-Segretarjat għal-Lajċi

Tlieta, 09 Ottubru 2012 – Ma kienx l-uniku wieħed.  Qablu kien hemm għoxrin oħra.  U lanqas naħseb li se jkun tal-aħħar, dejjem sakemm ma jseħħx dak li qalu li kienu bassru l-Mayas.  U allura la ma kienx tal-ewwel u lanqas se jkun tal-aħħar, għalfejn dan l-għaġeb kollu dwar ġrajja ta’ 50 sena ilu?

Hemm min wera l-opinjoni tiegħu li l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II kien mument meta l-Knisja Kattolika ħalliet lilha nfisha tinġarr mill-ewforja li fis-sittinijiet kienet ħakmet lill-popli, iżda li mill-ewwel beda jisgħobiha minnha għaliex rat il-knejjes jitbattlu, is-seminarji u l-kunventi jiżvujtaw, il-familji nsara jitkissru u sens qawwi ta’ relattiviżmu jaħkem fuq l-assolutiżmu sfrenat taż-żminijiet ta’ dari.  U llum, 50 sena wara, ħafna kattoliċi jħossu li hija s-sejħa sagrosanta tagħhom li jsalvaw il-Knisja billi jreġġgħu l-arloġġ tal-kampnari lura, anke jekk l-arloġġi diġitali tad-dinja moderna mexjin b’mod sfrenat fid-direzzjoni opposta.

Mill-banda l-oħra hemm dawk li jinsistu li l-Konċilju Vatikan II, li wara kollox kienu ilu tal-inqas seklu sħiħ jinħass bżonnu, kien sejħa lill-Knisja biex terġa’ lura mit-toroq wiesa’ tal-poter u tat-trijonfaliżmu għat-triq id-dejqa, murija lilha mill-fundatur tagħha. Li kif kien għamel l-Imgħallem tagħha hija wkoll tneħħi l-mantar u tilbes il-fardal ta’ qaddej li jservi fil-mejda tal-kelma, fil-mejda tal-ewkaristija u fl-imwejjed vojta ta’ dawk li m’għandhomx lanqas loqma biex jittrejqu.

Personalment inħares lejn Vatikan II bħala t-triq ta’ Damasku tal-Knisja.  Min jaf kemm drabi smajt jew qrajt ir-rakkont ta’ Pawlu lill-Galatin (1:13-24) dwar l-esperjenza tiegħu huwa jsejjer biex jaħtaf u jarresta lill-insara.  “Intom smajtu bl-imġieba tiegħi meta kont għadni fir-reliġjon Lhudija … kemm kont ‘il quddiem fir-reliġjon Lhudija aktar minn sħabi kollha … mġennen kif kont għat-tradizzjonijiet ta’ missirijieti. 

Dalgħodu, waqt li smajt dan il-qari fil-quddiesa tas-6.00, minkejja li kont għadni nofsi rieqed, dalgħodu ħsibt bejni u bejn ruħi, “forsi dan mhux ritratt ta’ komunità nisranija li temmen li hija fuq quddiem net fil-mixja spiritwali tagħha, bl-oħrajn kollha jibqgħu fuq wara; forsi mhux xbieha ta’ Knisja mġenna għat-tradizzjonijiet u li tagħmel kull sforz biex tibqa’ marbuta magħhom? 

Imma meta Dak li għazilha għoġbu jirrivelalha lil Ibnu biex tħabbru fost il-ġnus, l-istess kif kien għamel ma’ Sawlu fit-triq ta’ Damasku … kif tista’ qatt hija tħares lura b’nostalġija lejn żmien l-imgħoddi tagħha? 

Forsi konċilju ekumeniku li jiġbor fih l-esperjenza u l-kariżma ta’ 2500 isqof, mhux rivelazzjoni minn Alla ta’ Ibnu nnifsu, inkarnat mill-ġdid fil-ġisem mistiku tiegħu li hu l-Knisja?

Ħamsin sena wara, ma nistgħux nagħmlu l-iżball li nirriduċu l-Konċilju sempliċiment għas-sittax-il dokument li ħallilna.  Il-wirt prinċipali tal-konċilju huwa propju fl-ispirtu tiegħu.  Vatikan II kien pass ‘il quddiem fil-mixja tal-komunità nisranija, l-istess kif  400 sena qablu, anke l-Konċilju ta’ Trentu kien pass ‘il quddiem għall-Knisja ta’ dawk iż-żminijiet.  Imma jkun pass lura jekk fl-2012 noħolmu li nerġgħu ngħixu il-Knisja ta’ Trentu jew ta’ Vatikan II.  Huwa l-ispirtu ta’ Trentu jew l-ispirtu ta’ Vatikan II li rridu nfittxu li nerġgħu ngħixu.  U f’dawn it-tnejn ma hemm ebda kontradizzjoni għaliex iż-żewġ konċilji, minkejja li f’ċirkustanzi u b’modi differenti għexu l-istess spirtu għax tmexxew minn Spirtu wieħed.

Kif Vatikan II kien mument ta’ grazzja, anke Sinodu tal-Isqfijiet li għaddej fil-Vatikan f’dawn il-jiem huwa sejħa qawwija għalina lkoll biex nikkonvertu. Imma dwar dan tal-aħħar donnu li ftit minna konxji li qed isir.  Hija ħasra li meta mistoqsijin dwar jekk jafux x’qed isir fil-Vatikan f’dawn il-ġranet, bosta aktar kienu kapaċi jirrelataw dwar is-serq ta’ xi dokumenti mill-appartament privat tal-Papa milli dwar il-laqgħat li 262 isqof mill-Knisja Kattolika qed ikollhom biex jitkellmu dwar l-evanġelizzazzjoni ġdida għat-tixrid tal-fidi.  U f’dan taħti wkoll il-media, anke dik li  tidħol taħt il-kappa tal-Knisja.

F’dan il-jiem huma bosta dawk l-okkażjonijiet li permezz tagħhom il-Knisja qed issejħilna biex niskopru mill-ġdid il-fidi tagħna u nkunu xhieda tagħha.  Fost dawn hemm ukoll is-Sena tal-Fidi mħabbra mill-Papa Benedittu XVI u li se tibda propju fil-11 ta’ Ottubru ta’ din is-sena.  Imma dwar din, forsi nitħaddtu mill-ġdid jumejn oħra.

Għal aktar tagħrif dwar il-Konċilju kklikkja …> http://www.laikos.org/VatikanII.htm

Għal tagħrif dwar is-Sinodu tal-Isqfijiet ikklikkja …> http://www.laikos.org/Sinodu2012.htm

Categories: Ġenerali
  1. Godwin Xuereb
    January 1, 2013 at 4:49 pm

    Il-Beatu Ġwanni Pawlu II jurina kif għandu jiġi mifhum il-Konċilju Vatikan II.

    • Svetlana
      January 2, 2013 at 5:54 pm

      L-istess bhalma jaghmel il-kbir Papa Benedittu XVI li b’hidmietu f’kull sens qieghed iwassal ghall-qofol tal-Koncilju Vatikan Tnejn. Mhux ta’ b’xejn li kien wiehed mit-teologi l-kbar fl-istess Koncilju!

  2. Stephen Zammit
    October 10, 2012 at 10:07 am

    Jiena nahseb li dan mhux ghageb!! Huwa anniversarju bhalma huma hafna ohra. Imma dan specjali ghax huwa anniversarju ta’ Koncilju li barra li haddan gewwa fih kommunjoni kbira, gab certu tibdil ghall-ahjar ta’ x’inhi tassew din il-Knisja ta’ Kristu. Illum, fi zminijiet kompletament differenti minn 50 sena ilu, qed nigu mistiedna biex naqraw u niftakru fid-dokumenti finali ta’ dan il-Koncilju biex nergghu niggeddu mill-gdid ahna lkoll u biex niftakru x’direzzjoni gejna moghtija mid-dokumenti finali. Biex inkomplu mexjin din il-mixja taghna fit-triq tal-Mulej u biex nhallu warajna l-materjalizmu, trionfalizmu etc etc li tant komplew jimlew is-sensi taghna dawn l-ahhar snin. Ghalhekk huwa anniversarju specjali u tal-ghageb!!

  3. Nicholas Balzan
    October 9, 2012 at 10:00 pm

    Il-Konċilju Vatikan II iva, kien barka u grazzja kbira għall-Knisja u għad-dinja. Ma hemmx rabta mal-Konċilju fil-fatt li naqsu n-nies mill-knejjes jew li s-seminarji għaddew minn żmien ta’ kriżi. Li ma sarx il-Konċilju, il-kriżi kienet tkun ikbar, għax il-kawżi ġejjin (almenu fil-parti l-kbira) minn barra mill-Knisja. Fil-fatt, kif intqal fl-artiklu u fil-kumment ta’ Joe Huber, hemm ukoll ħafna sinjali pożittivi. Imma l-iktar li rrid niġbed l-attenzjoni huwa fuq fatt ieħor: Ġesù nnifsu ġralu hekk, u minn folol dejjem jikbru li ma joqogħdux fil-wisa’ tas-sinagogi tant li kellu joħroġ fil-beraħ – fosthom fil-port fuq id-dgħajsa ta’ Pietru – spiċċa bil-folol jiċkienu u jitilquh, sa ma sar possibbli għal ftit nies fl-aristokrazija Lhudija li jagħtuh il-Passjoni u l-Mewt. Imma dan Ġesù ma rahx bħala falliment. Anzi ddeskrivieh bil-kliem, “meta nkun merfugħ mill-art, niġbed lil kulħadd lejja.” U bla ma ninħassu trijonfalisti, dawk li jemmnu f’Ġesù l-Iben ta’ Alla llum huma iktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja.
    Il-Konċilju ġab tassew arja friska lill-Knisja u lid-dinja – l-ispiritwalità li tana l-Konċilju bis-sittax-il dokument tiegħu u bil-messaġġi l-oħra li ngħataw matulu u fi tmiemu, ressqitna ħafna iktar lejn Alla, għax il-Knisja ġabithulna iktar qrib tagħna lil dan Alla tagħna.
    Kif indikajt indirettament, hemm parti tat-tort ukoll ta’ dawk li messhom studjaw u talbu fuq id-dokumenti tal-Konċilju aħjar, kif titlob il-missjoni tagħhom fil-Knisja. Il-gwaj jista’ jkun li s-sinjali kbar li tatna l-Knisja fid-dokumenti tal-Konċilju ma mxejniex warajhom – inklużi aħna l-lajċi, li tant indirizzana u ggwidana l-istess Konċilju.
    Imma flok nagħtu t-tort lil xi ħadd jew lil xi wħud, lajċi jew mhux lajċi, ejjew nidħlu fl-ispirtu ta’ dawn id-dokumenti, tant studjati mill-Isqfijiet kollha miġbura flimkien taħt id-direzzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla. Il-ħidma kbira li għal ħames snin sħaħ ħadu dawn l-isqfijiet, ejjew napprezzawha u ma nħalluhiex biss biex timla rokna ċkejkna fil-librerija.
    Minn hemm (mid-Dokumenti) l-Ispirtu s-Santu għadu jkellem lill-Knisja – jiġifieri anke lili u lilek. Nagħżlu liema dokument nixtiequ nibdew minnu, u nibdew, waqt li nuru lis-Sinjur Alla li rriduh jiggwidana u jgħinna nifhmu x’qed jgħidilna. Il-Mulej ikellimna kemm bħala individwi u kemm bħala Knisja. Is-Sena tal-Fidi tista’ tkun grazzja kbira għal ħafna minna.

  4. Joseph Huber
    October 9, 2012 at 5:14 pm

    Għadna għaddejjin mit-tibdil li bilfors iġib miegħu kuntrasti tal-opinjonijiet (ara l-każ ta’ Marcel Lefebvre). Jaqaw it-tibdil li seħħ bil-Konċilju ta’ Trentu beda jaħdem mill-għada li ntemmet l-assemblea? Il-Konċilju Vatikan II ħalla wirt kbir ta’ tagħlim imma ħalla wkoll bidla radikali fil-Knisja li ftit tissemma’ u nitkellmu dwarha: mill-Konċilju ‘l hawn il-Knisja waqfet tikkundanna lil min ma jaqbilx magħha. Il-Kristjani li mhumiex fil-Knisja Kattolika mhumiex għedewwa jew apostati, huma Nsara li jgħixu realtà differenti minħabba li tul l-istorja t-tagħlim radikali ta’ Kristu kien hemm min rah minn lentijiet differenti. Wara kollox il-Konċilju kien iddominat mill-ekumeniżmu.
    Kull tibdil iġib miegħu l-weġgħat iżda huwa wkoll żmien ta’ purifikazzjoni. Ma nistgħux noqgħodu ngħoddu n-numri u nieqfu hemm. Jekk in-numri naqsu r-raġuni mhix biss l-indifferenza jew il-mibgħeda li ilha tinżera’ kontra l-Knisja sa minn żmienijiet antiki u l-aktar mill-perjodu tal-illuminiżmu ‘l hawn. Is-sekulariżżazzjoni, il-materjaliżmu qanqlu kumplikazzjonijiet oħra bħal ma hi r-rata tat-twelid li fil-pajjiżi affluwenti naqset tant li hija l-kaġun ta’ diffikultajiet soċjali kbar. Biex ma nsemmux l-attentat aggressiv li tinbidel in-natura speċjalment fejn tidħol il-familja.
    Kellu raġun il-Kardinal Wuerl ilbieraħ meta afferma li bħalissa għaddej tsunami ta’ materjaliżmu minn fuq id-dinja li donnu qed iġorr kollox miegħu. Ċertament ir-reżistenza tal-ftit li għad fadal, bis-saħħa tal-kelma ta’ Kristu li mal-Knisja sal-aħħar tad-dinja, għandha l-qawwa li tqanqal kontro-tsunami. Jekk inħarsu lejn dak li qed jiġri minn darba għal oħra fil-Jiem Dinjin taż-Zgħażagħ, għandna għax inqawwu qalbna li r-rota, bħalma dejjem ġara fl-istorja tal-bniedem, għad terġa’ tibda ddur!

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: