Home > Spiritwalità > Qam kif kien qalilkom.

Qam kif kien qalilkom.


“L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin, lil Dak li hu ħaj?”  

Din kienet id-domanda ta’ l-anġlu lin-nisa meta kmieni mas-sebħ tal-ewwel jum tal-ġimgħa kienu marru ħdejn il-qabar ta’ Ġesù, sabu l-blata mgerba minn quddiem il-qabar, u tħassbu għax il-katavru tiegħu ma sabuħx. (ara Lq 24:1-12)  Forsi aktar minn domanda,  dik tal-anġlu, nistgħu nħarsu lejha aktar bħala ċanfira ħelwa li fakkrithom fil-kliem li kien qalilhom l-Imgħallem stess tagħhom meta dan kien għadu magħhom fil-Galilija; li huwa kellu jkun mogħti f’idejn il-midinbin, ikun imsallab, imma fit-tielet jum iqum mill-imwiet.

Ftit tal-ħin wara, l-istess domanda, l-istess ċanfira saret mill-ġdid lil tnejn oħra mid-dixxipli tal-Imgħallem Ġesù waqt li dawn, b’qalbhom maqtugħa minħabba f’dak li kien seħħ f’Ġerusalemm f’dawk il-jiem, telqu mill-komunità taċ-Ċenaklu u kienu fi triqthom lura lejn ir-raba’ tagħhom. “Kemm intom boloħ u tqal biex temmnu?” (ara Lq 24:13-35 u Mk 16:12-13)

U terġa għal darb’ oħra, dakinhar stess filgħaxija u mbagħad ukoll tmint ijiem wara, tiżvolġi fost il-ħdax magħżula minnu, ġrajja ta’ ċanfira oħra, “Ġib sebgħek ‘l hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħeda fuq ġenbi: tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.” (ara Ġw 20:19-29)

Iżda n-nisa jibqgħu jarawh u ma jagħrfuhx (Ġw 20:11-18). Id-dixxipli jitkellmu miegħu u ma jintebħux bih (Lq 24:16). Lill-Appostli jidhrilhom u jerġa jidħrilhom, iżda minkejja li jarawh ħaj, jibqgħu jaħsbuh fantażma. (Lq 24:37)

Minn dak il-jum bikri fl-għabex tal-ħolqien, li fih il-bniedem nħeba minn Alla qalb is-siġar ta’ Ġnien l-Eden (Ġen 3:8) sallum, il-bniedem baqa’ dejjem ifittex u bħal donnu ma jistgħax isib.  Baqa’ jisma imma bħal ma jistgħax jifhem. Baqa’ jara s-sinjali imma ma jistgħax jemmen.

Illum ukoll, l-istess domandi għadhom jidwu ċari f’widnejna, “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin, lil Dak li hu ħaj?”; u “Kemm intom boloħ u tqal biex temmnu?”. Iżda aħna nibqgħu nitħassbu bejnietna dwar min se jgerbbilna l-blata, li poġgejna aħna stess, mid-daħla tal-qabar. (Mk 16:3)  Ngħidu li nemmnu li Hu ħaj, iżda nibqgħu nitlajjaw fl-inħawi tal-qabar vojt tiegħu bit-tama li xi darba nsibuh katavru.

Elfejn sena wara din il-ġrajja, għadna u bħal donnu se nibqgħu nfittxu. U forsi qajla qed nintebħu li Dak li lilu qed infittxu, diġà kien Hu stess li sab lilna l-ewwel.

Fil-kliem sempliċi ta’ din ir-riflessjoni qasira, hemm l-awguri tagħna mill-qalb għal Għid Qaddis lilek li qed taqra u lill-maħbubin kollha tiegħek.

Joe Farrugia, Delegat tal-Arċisqof għal-Lajċi,  Għid il-Kbir 2012.

Categories: Spiritwalità
  1. Angela Farrugia
    April 13, 2012 at 6:27 pm

    Hallo! Nixtieq li jkun hawn il-qari ta’ matul il-gimgha ,halli l-letturi jkunu jistghu jippreparawh qabel ma jmorru ghall-Quddiesa.

  2. Stephanie
    April 9, 2012 at 8:36 am

    Grazzi ta’ din il-meditazzjoni sabiha! Kollu minnu! Min jaf kemm-il darba nistqarru li nemmnu jew inhallu f’IdejH mentri fil-fatt mhux hekk!! J’Alla nzommu l-ghaqda bejnietna u l-imhabba reciproka li Gesu Rxoxt iwasslilna. L-Ghid qaddis lilkom ilkoll.

  3. Paul Bonello
    April 8, 2012 at 8:10 pm

    Qed nifhem tajjeb? Allura dak li ktibt ifisser li n-nisrani m’ghandux bzonnn ifittex lil Alla ghax Alla diga’ sab lilu qabel? Mela ghaliex spiss m’ahniex konxji minn din il-prezenza tieghu?

    • Roberta
      April 9, 2012 at 7:48 am

      Minghajr Alla ahna ma nistghu naghmlu xejn; jiena stess esperjenzajt l-imhabba t’Alla lejja. Ftit tas-snin ilu skoprejt kemm jien ghandi bzonn ‘l Alla f’hajti, u minn dakinhar inhossni persuna differenti. Bnejt relazzjoni m’Alla u nitkellem mieghu qisni qeghda nitkellem ma’ xi habib tal-qalb. L-ghajnuna, permezz ta’ certi persuni, li huwa tani ma nistax infissirha, . Jien nahseb li m’ahniex konxji tal-prezenza tieghu jew ghax ma nfittxux l-ghajnuna tieghu bizzejjed jew forsi ghax ahna torox u ghomja ghall-prezenza tieghu.

  4. Anthony Sammut
    April 8, 2012 at 10:04 am

    Grazzi ghal dawn il-hsibijiet sbieh u li jaghmlulna hafna gid fil-hajja spiritwali taghna
    L-Ghid it-tajjeb lilkom ukoll.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: