Home > Spiritwalità > Il-Konverżjoni ta’ Claude Newman.

Il-Konverżjoni ta’ Claude Newman.


Claude Newman, Afrikan Amerikan, twieled  fl-1923 u ta’ ħames snin, missieru qabad u ħadu għand nanntu. Claude kien iħobbha ħafna lil nanntu iżda meta din reġgħet iżżewġet, ir-raġel, Sid Cook, beda jaħqarha.

Wara xi snin dawn isseparaw. Iżda jidher li Claude lil Sid ma ħafirilux għax darba minnhom, għamel għalih u qatlu.  Inqabad u ngħata s-sentenza tal-mewt.

Fil-ħabs, waqt li kien jistenna l-jum li jiġi ġġustizzjat, kien f’cella ma’ erbgħa oħra.  Darba minnhom ra domna ma’ għonq priġunier ieħor. Saqsieh x’kienet iżda dak qabad id-domna, tefagħha fl-art u qallu : tista’ toħodha.  Claude ġabarha, ħares lejha, u qiegħdha ma’ għonqu għalkemm ma kienx jaf x’kienet. Fil-fatt, kienet il-medalja mirakoluża tal-Madonna.

Dak il-lejl, stenbaħ meta ħass xi ħadd imisslu idu.  Ma’ ġenbu jara lil, kif qal hu stess, l-isbaħ mara li qatt ħalaq Alla. Għall-ewwel beża’, iżda Hi qaltlu: Jekk tridni nkun ommok u inti tkun ibni, ibgħat għal qassis kattoliku. Newman beda jgħajjat li ra spirtu u li ried qassis kattoliku.

L-għadu fil-għodu sejħu lil Fr Robert O’Leary.  Claude, kif ukoll l-erbgħa l-oħra li kien hemm miegħu, talbuh jgħallimhom fuq ir-reliġjon kattolika.  Għalhekk minn l-għada stess, dan il-qassis beda jgħallimhom.  Claude qatt ma kien mar skola u dwar reliġjon ma kien jaf xejn.

Xi ġranet wara fil-ħabs bdew jiġu wkoll żewġ sorijiet mhux biss biex jaraw lil Newman iżda wkoll bdew jgħallmu l-katekiżmu lil xi ħabsin nisa.

Għaddew il-gimgħat u Fr O’Leary ħaseb biex jgħallimhom dwar is-sagrament tal-Qrar.  Qabez Newman u qallu: Iva, fuq dak naf, għax is-Sinjura qaltli li meta mmorru nqerru, inkunu għarkopptejna mhux quddiem sacerdot, iżda ħdejn is-Salib ta’ Binha.  U meta jkollna ndiema vera ta’ dnubietna u nqerru, id-demm tiegħu jinżel fuqna u jnaddafna minn dnubietna.

Meta sema’ dan, Fr O’Leary baqa’ mbikkem.  Claude ħaseb li l-qassis kien irrabjat u qallu: Tirrabbjax. Ma kienx missni tkellimt.

Iżda l-qassis qallu: Le, minhiex irrabjat, imma ssorprendejtni.  Allura erġajt rajtha lis-Sinjura ?

Claude ħadu fir-rokna u qallu:  Hija qaltli biex jekk inti jkollok xi dubju dwar dak li għedtlek, jiena għandi nfakkrek li erba’ snin ilu, meta int kont l-Olanda, int għamiltilha wegħda li tibni knisja ad unur tal-Immakulata Koncezzjoni, u Hi għadha qed tistenna li inti żżomm din il-wegħda. (Fr O’Leary wettaq din il-wegħda tliet snin wara).

Meta reġgħu marru ħdejn  l-oħrajn, Claude beda jħeġġeġ lil sħabu u igħidilhom: Tibżgħux tmorru tqerru.  Intom tkunu qed tistqarru dnubietkom lil Alla u mhux lill-qassis. Is-Sinjura qaltli li l-qrar qisek qiegħed fuq it-telefon, int tkellem lilAlla permezz tal-qassis u Alla jwieġbek permezz tal-qassis.

Il-ġimgħa ta’ wara, Fr O’Leary ried jgħallimhom dwar l-Ewkaristija. Is-sorijiet kienu hemm ukoll.  Claude urihom li s-Sinjura kienet kelmitu dwar it-Tqarbin ukoll. U tkellem hekk: Is-Sinjura qaltli li dak li jidher qisu ħobż, fill-fatt huwa Binha u meta nitqarbnu jkun fina bħal ma kien fiha qabel ma twieled f’Betlem.  Qaltli biex f’dak il-ftit ħin, għandi nadurah, nirringrazzjah, infaħħru, u nitolbu l-grazzji.  Dawk il-ftit minuti jkun moħħni fiH biss.

Għadda ż-żmien u Newman u sħabu saru membri tal-Knisja Kattolika.  Issa tħabbar  li Claude kellu jingħata l-mewt  fl-20 ta’ Jannar, 1944.  Ix-sheriff Williamson staqsa lil Claude x’kienet l-aħħar xewqa tiegħu.  Dak wieġeb: Sħabi kollha mnikktin, il-kalzrier ukoll, imma m’intomx tifhmu.  Jien mhux se mmut; dal-ġisem biss imut, imma jien sejjer ħdejn is-Sinjura.  Għalhekk nixtieq li nagħmlu party.  Bil-permess tiegħek ngħidu lil Fr O’Leary jġibilna xi kejk u gilati u int tħalli lill-priġunieri l-oħra niltaqgħu fis-sala għal ftit ħin flimkien.

Williamson tahom il-permess u l-party għamluh.  Wara, fuq talba ta’ Newman, għamlu siegħa talb għall-bżonnijiet tal-priġunieri.  Il-ħin tal-mewt ta’ Claude kien qed joqrob.  Fr O’Leasry ġab is-sagrament u qarben lil Claude. Wara ftit, is-sheriff ġie jiġri bl-aħbar li l-gvernatur kien ta lill-priġunier ġimgħatejn oħra ħajja.  Meta sema’ dan, Claude infaqa’ jibki. L-oħrajn ħasbu li kien qed jibki bil-ferħ, iżda hu qalilhom: M’inthomx tifhmu. Kieku intom rajtu wicc is-Sinjura u ħaristu f’għajnejha, kieku ma kontux tridu tgħixu jum ieħor. U kompla: Imma x’għamilt ħażin dan l-aħħar biex Alla mhux qed iħallini mmur għandu ?  U beka b’qalbu maqsuma.

Fr O’Leary ġieh f’moħħu certu James Hughs, priġunier fl-istess ħabs li kien jobgħod ħafna lil Newman.  Kien bniedem li għalkemm trabba ta’ Kattoliku, caħad lil Alla u għex fid-dnub. Il-qassis qal lil Claude: Forsi l-Madonna tridek toffri dawn il-ftit ġranet għall-konverżjoni ta’ Hughs.  Għaliex ma toffrix kull mument li int ser tgħaddi mifrud minn Ommna Marija biex hu ma jintilifx għal dejjem ?

Claude ħasibha ftit u accetta. Din il-ħaġa baqgħet mistura bejnhom it-tnejn.  Min-naħa tiegħu, Hughs, meta sar jaf li Claude ingħatawlu gimgħatejn oħra ħajja, aktar beda jobogħdu. Il-qassis lil Claude għamillu l-qalb u qallu li forsi dak kien sinjal tajjeb.

Wasal l-4 ta’ Frar,1944,  jum li fih Claude kellu jingħata l-mewt fuq is-siġġu elettriku. Fr O’Leary stqarr li qatt ma ra bniedem sejjer għall-mewt bħal Claude, wiccu mixgħul bil-ferħ. L-aħħar kliem tiegħu kienu lill-qassis: Father, nibqa’ niftakar fik.  Meta jkollok bżonn xi ħaġa, għidli u jiena nitlob lilHa.

Tliet xhur wara, kien imiss lil Hughs biex jieħu l-mewt. Dan ma riedx jara qassis u qallhom li jekk jara qassis fil-kamra jibda jidgħi.  Għalhekk Fr O’Leary kellu joqgħod wara xi ġurnalisti biex ma jidhirx. Rabtuh mas-siġġu elettriku u x-sheriff staqsieh kellux xi ħaġa xi jgħid, iżda hu qabad jidgħi.

F’daqqa waħda waqaf, iffissa għajnejh fuq rokna tal-kamra, u wiccu ħa l-espressjoni ta’ wieħed imwerwer. Minn fommu ħarġet twerżiqa ta’ twerwir li ħasdet lil kulħadd. Dar lejn ix-sheriff u qallu : irrid qassis.

Fr O’Leary mar ħdejh, in-nies l-oħra ħarġu mill-kamra, u Hughs għamel qrara bl-akbar devozzjoni. Meta l-oħrajn reġgħu daħlu fil-kamra, ix-sheriff saqsa lil Hughs x’kien li ġiegħlu jibdel l-attitudni tiegħu. Dak wieġeb: Tiftakru lil dak l-iswed Claude Newmann, dak li jien kont nobogħdu tant? Dak qiegħed hemm, ara, f’dik ir-rokna.  U warajh hemm il-Madonna b’idejha fuq spalltu.  Claude qalli li offra l-mewta tiegħu f’għaqda ma’ Kristu msallab għas-salvazzjoni tiegħi. U l-Madonna qalgħatlek il-grazzja li tara postok fl-infern fejn kont sejjer. Dak il-ħin jiena rajt l-infern u għalhekk werżaqt imwerwer.

Bis-saħħa ta’ dik il-midalja mirakoluża, dawn iż-żewġ ħabsin rebħu l-Ġenna.

O Marija mnissla bla dnub, itlob għalina li nirrikorru lejk.

Categories: Spiritwalità
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: