Home > Aħbarijiet > Tkompli l-Vjolenza fin-Niġerja

Tkompli l-Vjolenza fin-Niġerja


Bomba fi knisja tħalli għaxra mejta.

MapJos, in-Niġerja – L-aġenzija Reuters irrappuratat li minbarra l-10 minn-nies li nqatlu meta splodiet bomba ħdejn knisja f’Jos, fin-Niġerja, fl-istess jum mietu 10 oħra.  L-attakk fuq il-knisja qanqal ritaljazzjoni minn-naħa ta’ grupp ta’ żgħażagħ magħrufin bħala “Kristjani Żgħażagħ” li minħabba fih mietu aktar nies.  Is-setta iżlamika Boko Haram ħadu r-responsabbiltà ta’ din il-mewġa ta’ attakki bil-bombi fuq il-knejjes fin-Niġerja li ilhom sejrin minn żmien il-Milied.  Skont l-aġenzija Reuters, matul l-aħħar għaxar snin Jos saret iċ-ċentru l-aktar milqut minn tensjonijiet bejn il-komunitajiet Insara u Musulmani tan-Niġerja.  Mill-Milied ‘l hawn twettqu ħafna attakki bil-bombi fuq knejjes.

Rapport ippubblikat mill-aġenzija All Africa fit-13 ta’ Marzu jgħid li Dun Peter Umoren, kappillan tal-parroċċa ta’ San Finbar, l-aħħar knisja li sfat attakkata qal li l-quddiesa tal-10.30 kienet ilha li bidet madwr 10 minuti meta semgħu ħoss kbir li heżżeż il-bini.  Is-sewwieq suwiċida kien qed jipprova jsuq il-karrozza-bomba għal ġol-knisja meta l-bomba ħadet xħin wasal ħdejn ir-rixtellu.  Fil-11 ta’ Marzu l-aġenzija Compass News Direct irrappurtat li l-parroċċa ta’ San Finbar hija waħda mill-akbar knejjes Kattoliċi ta’ Jos u kull nhar ta’ Ħadd tilqa’ fiha madwar 3000 ruħ.  Rapport ieħor did-darba mill-BBC, nhar it-12 ta’ Marzu, jgħid li Pam Ayuba, kelliema għall-istat ta’ Jos qalet li l-isplużjoni għamlet ħsara fis-saqaf tal-knisja, tajret it-twieqi kollha u ġarrfet parti miċ-ċint ta’ madwar il-knisja.

Il-popolazzjoni tan-Niġerja li tgħodd madwar 158 miljun ruħ, hija maqsuma bejn Insara, bejn wieħed u ieħor 51.3% tal-popolazzjoni li l-aktar li tinsab hu fin-nofsinhar tal-pajjiż, u Musulmani – madwar 45% tal-popolazzjoni li jgħixu l-aktar fit-tramuntana.  Il-belt ta’ Jos, li tinsab fiċ-ċentru tan-Niġerja, titqies bħala xorta ta’ linja li tifred liż-żewġ gruppi.

Sadattant, fuq il-belt qed iħufu l-ħin kollu l-ħelikopters minbarra li fit-toroq hemm preżenza kontinwa ta’ tankijiet u inġenji militari.  Il-kummissarju tal-pulizija tal-istat, Emmanuel Diipo Ayeni wissa’ liż-żgħażagħ li mhux se jittollera aktar irvell minn naħa tagħhom, kif ġara l-Ħadd wara l-attakk fuq il-knisja ta’ San Finbar.  Hu wissihom biex joqgħodu attenti li ma jwettqux xi azzjoni li trsita’ tiżbroffa fi gwerra bejn ir-reliġjonijiet u żied jgħid li fil-passat ebda nazzjon ma rnexxilu jeħisha ħafif meta nqala’ nkwiet minħabba r-reliġjon.  Għalhekk, talabhom bil-ħerqa biex joqgħodu attenti li ma tibdiex xi ħaġa hekk f’pajjiżhom.

L-arċisqof Kattoliku ta’ Jos, Ignatius Kaigama, appella għall-kalma minn naħa tal-Insara u qalilhom li Alla mhux indifferenti għat-tbatijiet tagħhom.  L-aġenzija Compass News Direct irrappurtat li l-arċisqof qal li l-fidi tagħna tipprietka r-rispett lejn il-qdusija tal-ħajja umana.  Aħna, żied jgħid Kaigama, għandna l-fidi u għandna l-ħila li nirraġunaw.  Għalhekk m’għandniex inġibu ruħna bħal dawk li jaħsbu li qed iservu ‘l Alla meta joqtlu lil ħaddieħor.

Ħajr lil-kamra tal-aħbarijiet ta’ Radju Marija.  Stampa tal-mappa meħudha minn http://www.bbc.co.uk/
Categories: Aħbarijiet
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: