Home > Evanġelizzazzjoni, Ġenerali > Skola ta’ Evanġelizzazzjoni

Skola ta’ Evanġelizzazzjoni


PR/2012/001    –  14 ta’ Marzu 2012

Tnedija ta’ Skola ta’ Evanġelizzazzjoni

Permezz tal-Ittra Appostolika Ubicumque et Semper, il-Papa Benedittu XVI waqqaf il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida.  Il-kunċett ta’ “evanġelizzazzjoni l-ġdida” l-Papa preżenti jgħid li ssemma’ l-ewwel darba mill-Papa predeċessur tiegħu, il-Beatu Ġwanni Pawlu II, li fl-Eżortazzjoni Appostolika Christifideles Laici ddeskriviha bħala l-ħidma sfiqa minn lajċi mpenjati sabiex jistabbilixxu komunitajiet ta’ fidi.  Però l-Papa preżenti jisħaq li l-kunċett innifsu ta’ evanġelizzazzjoni kien diġà qed jingħata l-importanza mistħoqqa anke minn Papiet preċedenti, partikolarment dawk ta’ wara l-Konċilju Vatikan II.  F’dan il-konċilju ġiet ikkunsidrata r-relazzjoni bejn il-Knisja u d-dinja fl-era moderna. Għalhekk kienet diġà bdiet tinħass il-ħtieġa li l-popli jilqgħu b’mod aktar sħiħ il-Kelma t’Alla mxandra b’relevanza għal żminijietna. F’Malta wkoll, il-ħtieġa li tiżvolġi ruħha din l-evanġelizzazzjoni ilha tinħass ferm. Dan joħroġ ċar b’mod speċjali meta jiġi kkunsidrat il-fatt li mhumiex ftit dawk li jħossuhom indifferenti għal Alla, tant li saħansitra anke f’sitwazzjonijiet ta’ bżonn jista’ jagħti l-każ li mgħadhomx jirrikorru lejH.  Huwa f’dan is-sens li f’Jum il-Lajċi Nsara li għadna kemm fakkarna fid-9 ta’ Marzu 2012, il-Pro-Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Mons. Anton Gouder, stqarr li bħala evanġelizzaturi rridu nibnu pontijiet ta’ ħbiberija ma’ dawk ta’ madwarna biex Ġesù jkun jista’ jgħaddi minn fuqhom, minn għandna għal għandhom. Għal dan il-għan, il-Komunità Kariżmatika ‘Beyond Thyself’ li tiltaqa’ fil-Parroċċa tas-Ssma. Trinità il-Marsa, u li tagħmel parti mill-Komunjoni ta’ Gruppi u Komunitajiet tat-Tiġdid Kariżmatiku f’Malta, qiegħda tniedi skola ta’ Evanġelizzazzjoni.  Din il-viżjoni ħarġet matul iż-żmien, b’ħafna talb u dixxerniment.  Is-siltiet mill-Iskrittura Mqaddsa li wassluna sabiex inħaddnu din il-viżjoni kienu dawn:

  • “Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida; feġġet issa: Għadkom ma ttendejtux?  Se niftaħ triq fix-xagħri, xmajjar fid-deżert” (Isaija 43, 19).
  • “Flok ix-xewk jikber iċ-ċipress, u flok il-ħorrieq jikber ir-riħan, u jkun għall-Mulej tifkira, sinjal dejjiem li ma jinqatax” (Isaija 55, 13).
  • “Ma jkunx hemm aktar lejl, lanqas ma jkun jinħtieġ dawl tal-lampa, lanqas dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jdawwalhom u jsaltnu għal dejjem ta’ dejjem” (Apokalissi 22, 4).
  • “Għaddu, għaddu mill-bwieb, wittu t-triq għall-poplu, rawmu, rawmu t-triq, naddfuha mill-ħaġar, għollu sinjal għall-popli” (Isaija 62, 10).
  • “U jsejħulhom Poplu Mqaddes, il-mifdijin tal-Mulej, u lilek isejħulek imfittxa, belt mhix mitluqa” (Isaija 62, 12).
  • “Intom il-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja; ma tistax tinħeba belt li qiegħda fuq għolja” (Mattew 5, 13; 14-15).
  • “La bil-ħila, la bil-qawwa, imma bl-Ispirtu Tiegħi, jgħid il-Mulej tal-eżerċti” (Żakkarija 4, 6).

Il-mira ta’ din l-iskola hija li trawwem persuni, li wara li jattendu għall-kors, dawn ikunu jistgħu joħorġu jagħmlu xogħol ta’ evanġelizzazzjoni fil-parroċċi.  Għalhekk, din l-iskola hija miftuħa għal dawk li jixtiequ jevanġelizzaw imma jeħtieġu t-taħrig. L-Isem tal-iskola Din l-iskola ingħatat l-isem ta’ ‘Floodlights’; li t-tifsira tiegħu hija li d-dawl ta’ Kristu jrid jinfed id-dlam bil-qawwa tiegħu u jġib il-konverżjoni. Il-Viżjoni L-iSkola ta’ Evanġelizzazzjoni ‘Floodlights’ tfittex li jkollha sehem mill-viżjoni tal-Knisja Kattolika bħala knisja evanġelika.  Aħna nfittxu li nwettqu din ir-realtà billi nipprovdu taħriġ biex nibnu l-Knisja ta’ Kristu kif irid Hu. Il-Missjoni Tagħna Il-missjoni tal-iSkola hija: “Emmen il-Kelma t’Alla, Għallem dak li Temmen, Għix dak li Tgħallem”. L-iSkola ta’ Evanġelizzazzjoni tikkontribwixxi biex tiżviluppa mentalità missjunarja billi toffri programm ta’ formazzjoni biex:

  1. Tifforma Dixxipli – Kattoliċi b’passjoni u qalb biex iwasslu l-Bxara t-Tajba lil dawk li għadhom ma laqgħux lil Ġesù fil-ħajja tagħhom bħala l-Mulej u s-Salvatur.
  2. Tħarreġ Evanġelizzaturi – Tgħin Kattoliċi biex jiżviluppaw il-kapaċità u l-kunfidenza biex jevanġelizzaw.
  3. Tifforma Komunità Evanġelika – Billi twaqqaf l-istruttura neċċessarja fejn l-Ispirtu s-Santu jkun jista’ jaħdem bil-qawwa Tiegħu u jġedded il-Knisja.

Sillabu Is-Sillabu tal-iskola ġie mfassal b’tali mod li jinkludi l-aspett Teoretiku (Bibbliku/Duttrinali) kif ukoll l-aspett Prattiku tal-evanġelizzazzjoni.  Għal dan il-għan, kull sessjoni hija maqsuma f’żewġ lezzjonijiet – waħda Teoretika u waħda Prattika.  Dan jassigura li s-suġġetti studjati jkunu trattati b’mod sħiħ. Huwa ppjanat li l-iskola jkollha żewġ ‘terms’ – l-ewwel wieħed ta’ sitt lezzjonijiet (waħda kull ġimgħa kull nhar ta’ Erbgħa), u t-tieni wieħed ta’ tmien lezzjonijiet.  L-aħħar lezzjoni ta’ kull ‘term’ tieħu l-forma ta’ seminar ta’ nofstanhar.  Dan ikun fil-ġurnata tal-Ħadd.  L-ewwel sena tal-iskola se tkun miftuħa għal persuni mill-parroċċa tas-Ssma. Trinità, però jista’ jkun il-każ li jiġu aċċettati persuni minn paroċċi oħra. Is-Sillabu kollu għall-ewwel sena hu dan: L-Ewwel Simestru

It-Tieni Simestru

Sessjoni

Nru.

Suġġett

Data / Ħin

Sena 2012

1A

Ġesù – Jgħallem permezz tal-parabboli

11 t’April

19.00 – 20.30

1B

Il-Katekiżmu llum – Mezzi ta’ evanġelizzazzjoni

18 t’April

19.00 – 20.30

2A

Il-Knisja bħala familja fl-Atti tal-Appostli

25 t’April

19.00 – 20.30

2B

Il-Familja bħala post ewlieni ta’ evanġelizzazzjoni

2 ta’ Mejju

19.00 – 20.30

3A

San Pawl – Xandâr tal-Kelma u li jwaqqaf komunitajiet

9 ta’ Mejju

19.00 – 20.30

3B

L-Għaqdiet Reliġjużi fil-Parroċċa bħala mezz ta’ evanġelizzazzjoni

20 ta’ Mejju

08.30 – 12.30

 Sessjoni 

Nru.

   Suġġett

Data / Ħin

Sena 2012

4A

   Il-Qadi fil-Knisja – L-ewwel Knisja – Djakonija (Sammaritan it-Tajjeb)

5 ta’ Settembru

19.00 – 20.30

4B

   Ix-Xhieda tagħna fl-għajnuna lil xulxin

12 ta’ Settembru

19.00 – 20.30

5A

   Il-Ħajja ta’ Talb fil-ħajja tan-nisrani

19 ta’ Settembru

19.00 – 20.30

5B

   Metodi ta’ Talb

26 ta’ Settembru

19.00 – 20.30

6A

   Sagramenti u Evanġelizzazzjoni

3 t’Ottubru

19.00 – 20.30

6B

   Tattiċi fil-Komunikazzjoni – Kapaċità lejn djalogu evanġeliku

10 t’Ottubru

19.00 – 20.30

7A

   Kun af aħjar lilek innifsek – Stima personali

17 t’Ottubru

19.00 – 20.30

7B

   Naħsbu Pożittiv

21 t’Ottubru

08.30 – 12.30

Aħna nemmnu li jekk ilkoll nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet, l-Ispirtu s-Santu jimraħ bina u jużana biex iwettaq ir-rieda tiegħu fiż-żminijiet tal-lum. Aktar informazzjoni dwar din l-iskola, tista tinkiseb permezz ta’ e-mail lid-diretturi fuq dan l-indirizz: soe.floodlights@gmail.com Ray Cutajar Direttur Ġenerali

  1. Maurice Agius
    May 31, 2014 at 10:22 am

    Nixtieq imma kull nhar ta erba jiena diga ghandi kommitment iehor

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: