Home > Pastorali > Diskors tal-Papa, Randan 2012

Diskors tal-Papa, Randan 2012


Għeżież ħuti,

F’din il-katekeżi nixtieq nagħmel pawsa qasira fuq iż-żmien tar-Randan  , li jibda llum bil-Liturġija tal-Erbgħa tal-Irmied.  Hu itinerarju ta’ erbgħin jum li se jwassalna għat-Tridu tal-Għid, tifkira tal-passjoni, mewt u qawmien mill-imwiet tal-Mulej, il-qalba tal-misteru tas-salvazzjoni tagħna.  Fl-ewwel sekli tal- ħajja tal-Knisja dan kien żmien li fih dawk li kienu semgħu u laqgħu t-tħabbira ta’ Kristu kienu jagħtu bidu, pass wara pass, għall-mixja tagħhom ta’ fidi u ta’ konverżjoni biex jaslu li jirċievu is-sagrament tal-Magħmudija.  Kienet kwistjoni li jersqu lejn l-Alla l-ħaj u ta’ daħla għall-fidi li titwettaq ftit ftit, permezz ta’ bidla ġewwinija min-naħa tal-katekumeni, jiġifieri ta’ dawk li kienu jixtiequ jsiru Nsara u jkunu mdaħħla fi Kristu u fil-Knisja.

Imbagħad,  ukoll il-penitenti u wara il-fidili kollha kienu mistiedna li jgħixu dan l-itinerarju ta’ tiġdid spiritwali, biex l-eżistenza tagħhom tkun dejjem aktar konformi ma’ dik ta’ Kristu.  Li l-komunita’ kollha kemm hi tieħu sehem fid-diversi passaġġi tar-Randan turi dimensjoni  tal-ispiritwalità Nisranija:  hija l-fidwa mhux ta’ wħud, imma ta’ kulħadd, li qegħda hemm għalina grazzi għall-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.  Għaldaqstant, kemm dawk li kienu jagħmlu mixja ta’ fidi bħall-katekumeni biex jieħdu l-Magħmudija, kemm dawk li tbegħdu minn Alla u mill-komunità tal-fidi u kienu jfittxu r-rikonċiljazzjoni , kif ukoll dawk li kienu jgħixu l-fidi f’għaqda sħiħa mal-Knisja, ilkoll flimkien kienu jafu li ż-żmien ta’ qabel l-Għid huwa żmien ta’ metanoia, jiġifieri tal-bidla ġewwinija, tal-indiema;  iż-żmien li jħares lejn il-ħajja umana tagħna u l-istorja kollha tagħna bħala proċess ta’ konverżjoni li jibda issa biex jiltaqa’ mal-Mulej fl-aħħar taż-żminijiet.

B’espressjoni li saret tipika fil-Liturġija, il-Knisja ssejjaħ il-perjodu li dħalna fih illum << Qudragesima>>, jiġifieri żmien ta’ erbgħin jum u, b’riferiment ċar għall-Kotba Mqaddsa idaħħalna b’dan il-mod f’kuntest spiritwali preċiż.  Tabilħaqq in-numru erbgħin huwa n-numru simboliku li bih it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid jirrappreżentaw il-waqtiet importanti tal-esperjenza fil-fidi tal-Poplu ta’ Alla.  Hija ċifra li tfisser iż-żmien tal-istennija, tat-tisfija, tal-miġja lura lejn il-Mulej, tal-għarfien li Alla jżomm sħiħ fil-wegħdiet tiegħu. Dan in-numru ma jfissirx żmien kronoloġiku eżatt, immarkat mill-għadd tal-jiem.  Aktar juri perserveranza bis-sabar, tiġrib fit-tul, żmien biżżejjed biex tara l-għemejjel ta’ Alla, żmien li fih hu meħtieġ li wieħed jiddeċiedi li jieħu fuqu r-responsabiltajiet tiegħu mingħajr tnikkir ieħor.  Huwa ż-żmien ta’ deċiżjonijiet maturi.

In-numru erbgħin jidher l-ewwel nett fl-istorja ta’ Noè.

Dal-bniedem ġust, minħabba d-dilluvju jqatta’ erbħin jum u erbgħin lejl fl-arka, flimkien ma’ familtu u l-bhejjem li Alla qallu jieħu miegħu.  U jistenna erbgħin jum ieħor, wara d-dilluvju, qabel ma jmiss l-art, meħlusa mill-qerda ( ara Ġen 7, 4.12; 8, 6 )  Imbagħad it-tappa li jmiss:  Mosè, jibqa’ fuq il-muntanja Sinaj, quddiem il-Mulej, erbgħin jum u erbgħin lejl, biex jilqa’ l-Liġi.  F’dan iż-żmien kollu jsum ( ara Es 24, 18 ).  Erbgħin huma s-snin li l-Poplu Lhudi terraq mill-Eġittu sal-Art Imwegħda, żmien xieraq biex iġarrab il-fedeltà tà Alla. << Ftakar fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej, Alla tiegħek, matul dawn l-erbgħin sena fid-deżert…Il-mantar tiegħek ma tkiddx minn fuqek, u riġlejk ma ntefħux f’dawn l-erbgħin sena>>, igħid Mosè fid-Dewteronomju fi tmiem dawn l-erbgħin sena ta’ ġiri   ( Dt 8,2.4 ).  Is-snin ta’ sliem li gawda Iżrael taħt l-Imħallfin kienu erbgħin ( ara Imħ 3, 11.30 ), imma wara li għadda dan iż-żmien, insew id-doni ta’ Alla u marru lura għad-dnub.  Il-profeta Elia jieħu erbgħin jum biex jasal fuq il-Ħoreb, il-muntanja fejn jiltaqa’ ma’ Alla ( ara 1 Slat 19, 8 ).  Erbgħin huma l-jiem li fihom iċ-ċittadini ta’ Ninwè jindmu biex jiksbu l-maħfra ta’ Alla. ( Ġona 3, 4).  Erbgħin ukoll huma s-snin ta’ kemm damu jsaltnu Sawl ( ara Atti 13,21 ), David ( ara 2 Sam 5, 4-5 ) u Salamun ( ara 1 slat 11, 41 ), l-ewwel tliet slaten ta’ Iżrael.  Is-Salmi wkoll jirriflettu fuq it-tifsira biblika tal-erbgħin sena, bħal per eżempju Salm 95, li tiegħu smajna silta:  << Jekk illum tisimgħu leħnu ! “ La twebbsux qalbkom bħal f’Meribah, bħal f’Massah fid-deżert, fejn ġarrbuni missirijietkom minkejja li raw l-għemejjel tiegħi.  Għal erbgħin sena domt nistmellu li dak in-nisel u Jien għidt:  huma poplu ta’ qalb imħassra, ma jafux it-triqat tiegħi” >> ( ara v. 7c – 10 ).

Fit-Testment il-Ġdid Ġesù, qabel ma jibda l-ħajja publika, jinġabar fid-deżert għal erbgħin jum, mingħajr ma jiekol lanqas  jixrob( ara Mt 4,2) :  jistejqer  bil-Kelma ta’ Alla, li juża bħala arma biex jegħleb lix-xitan.  It-tiġrib ta’ Ġesu’ ifakkar dak li l-poplu Lhudi ħabbat wiċċu miegħu fid-deżert, imma li ma kienx jaf kif jirbaħ.  Erbgħin huma l-jiem li Ġesu’ mqajjem mill-mewt jgħallem lil tiegħu, qabel ma jitla’ s-sema u jibgħat l-Ispirtu s-Santu ( ara Atti 1,3)

B’dan in-numru erbgħin li jittenna jiġi deskritt kuntest spiritwali li jibqa’ attwali u validu, u l-Knisja, sewwasew permezz tal-jiem  tar-Randan bi ħsiebha żżomm il-valur li jibqa’ u tagħtina l-effikaċja tiegħu.  Il-liturġija Nisranija tar-Randan għandha l-għan li taqbel ma’ mixja ta’ tiġdid spiritwali, fid-dawl ta’ din l-esperjenza biblika twila u fuq kollox biex wieħed jitgħallem jixbah lil Ġesu’, li fl-erbgħin jum li għadda fid-deżert għallem biex jintrebaħ it-tiġrib bil-Kelma ta’ Alla.  L-erbgħin sena ġiri ta’ Iżrael fid-deżert iqegħdu quddiemna atteġġjamenti u qagħdiet ta’ sentimenti mħallta.  Min-naħa waħda huma l-istaġun tal-ewwel imħabba ma’ Alla u bejn Alla u l-poplu tiegħu, meta Hu kien ikellem lil qalbhom, waqt li jurihom il-ħin kollu t-triq li għandhom jgħaddu minnha.  Alla, biex ngħidu hekk, għammar f’nofs Iżrael, għadda qablu fi sħaba jew kolonna ta’ nar, ħaseb kuljum Għall-għajxien tiegħu billi niżżel il-manna u fawwar l-ilma mill-blata.  Għalhekk, is-snin li għadda Iżrael fid-deżert jistgħu jidhru bħala ż-żmien tal-għażla speċjali ta’ Alla u tar-rabta min-naħa tal-poplu miegħU:  żmien l-ewwel imħabba.  Min-naħa l-oħra, il-Bibbja turi xbieha oħra tal-ġiri ta’ Iżrael fid-deżert:  huwa wkoll żmien it-tiġrib u l-ikbar perikli, meta Iżrael gerger kontra l-Alla tiegħu u xtaq kieku jdur lura għall-paganiżmu u jsawwar l-idoli tiegħu, sabiex juri l-ħtieġa li jqim Alla aktar qrib u li tista’ tmiss.  U wkoll żmien ir-rewwixta kontra Alla kbir u li ma jidhirx.

Din l-ambivalenza, żmien ta’ li nkunu qrib Alla – żmien l-ewwel imħabba -, u żmien it-tiġrib – tiġrib li tmur lura għall-paganiżmu -, insibuh b’mod li jaħsdek fil-mixja fuq l-art ta’ Ġesu’, sintendi mingħajr kompromess mad-dnub.  Wara l-magħmudija ta’ ndiema fil-Ġordan, li fiha ħa fuqu d-destin tal-Qaddej ta’ Alla li jiċħad lilu nnifsu u jgħix għall-oħrajn u jqiegħed lilu nnifsu qalb il-midinbin biex jieħu fuqu d-dnub tad-dinja, Ġesu jinġabar fid-deżert biex għal erbgħin jum joqgħod f’għaqda profonda mal-Missier, u hekk itenni l-istorja ta’ Iżrael, dawk ir-ritmi kollha ta’ erbgħin jum jew snin li semmejt.  Din id-dinamika ma taqta’ xejn fil-ħajja ta’ Ġesu’ fuq l-art, li jfittex dejjem waqtiet waħdu biex jitlob lill-Missier u jibqa’ f’għaqda intima miegħU, f’għaqda esklussiva miegħU, u mbagħad imur lura qalb in-nies.  Imma f’dan iż-żmien ta’ “deżert” u ta’ laqgħa speċjali mal-Missier, Ġesu’ jsib ruħu suġġett għall-periklu u hu mġarrab mit-tentazzjoni u mit-tħajjir tal-Ħażin, li jħajru għal mixja messjanika oħra, ‘il-bogħod mill-proġett ta’ Alla, għaliex jgħaddi mill-poter, suċċess, il-ħakma u mhux permezz l-għotja sħiħa fuq is-Salib.  Din hi t-triq l-oħra:  messjaniżmu ta’ setgħa, suċċess, jew messjaniżmu ta’ mħabba, ta’ għotja tiegħu nnifsu.

Din il-qagħda ta’ ambivalenza tiddeskrivi wkoll il-kundizzjoni tal-Knisja f’mixja fid-“deżert” tad-dinja u tal-istorja.  F’dan id-“deżert” aħna li nemmnu żgur li għandna ċ-ċans li nagħmlu esperjenza profonda ta’ Alla li jsaħħaħ l-ispirtu, jikkonferma l-fidi, jitma’ t-tama, iqanqal l-imħabba; esperjenza li permezz tagħha nieħdu sehem fir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u fuq id-dnub permezz tas-Sagrifiċċju ta’ mħabba fuq is-Salib.  Imma “ id-deżert” hu wkoll il-bixra negattiva tar-realta’ li ddawwarna:  in-nixfa, il-faqar ta’ kliem ta’ ħajja u valuri, is-sekulariżmu u l-kultura materjalista, li jagħlqu l-persuna f’xefaq dinji u jeħdulha kull riferiment għat-traxxendenza.  Dan hu wkoll l-ambjent li fih is-sema ta’ fuqna hu mudlam, għax mgħotti mis-sħab tal-egoiżmu, tan-nuqqas ta’ qbil u tal-qerq.  Madankollu, għall-Knisja tal-lum ukoll, żmien id-deżert jista’ jinbidel fi żmien ta’ grazzja, għax neħtieġu li nkunu żguri li wkoll mill-blata l-aktar iebsa Alla jista’ jgelgel l-ilma ħaj li jaqta’ l-għatx u jsaħħek.

Għeżież ħuti, f’dawn l-erbgħin jum li se jeħduna għall-Għid ta’ Qawmien nistgħu nsibu mill-ġdid qlubija biex nilqgħu b’sabar u b’fidi kull qagħda diffiċli, ta’ uġigħ u tiġrib, waqt li nafu li mid-dlamijiet il-Mulej ser iqajjem jum ġdid.  U jekk konna fidili nimxu wara Ġesu’ fit-triq tas-Salib, id-dinja ċara ta’ Alla, id-dinja tad-dawl, tal-verita’ u tal-hena qishom jerġgħu jingħataw lilna:  se jkun is-sebħ ġdid maħluq minn Alla nnifsu.  Nawgura mixja tajba ta’ Randan lilkom ilkoll!

Categories: Pastorali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: